LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 8/1 pp. 8-13
  • L-Irwol Dinjituż tan-Nisa Fost il-Qaddejja Bikrin t’Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Irwol Dinjituż tan-Nisa Fost il-Qaddejja Bikrin t’Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Ajjutant” u “Kompliment”
  • Nifhmu Drawwiet Bibliċi
  • Rwol Dinjituż
  • Nisa Li Rċevew Il-​Favur Speċjali T’Alla
  • L-Irwol tal-Mara fl-Iskrittura
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • X’inhu l-irwol tan-nisa fl-iskop taʼ Ġeħova?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Alla u Kristu Kif Iqisuhom lin-Nisa?
    Stenbaħ!—2008
  • X’hemm Lest Fil-​Futur Għan-​Nisa?
    Stenbaħ!—1998
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 8/1 pp. 8-13

L-​Irwol Dinjituż tan-​Nisa Fost il-​Qaddejja Bikrin t’Alla

“Alla Jehovah issokta jgħid: ‘M’huwiex tajjeb għar-​raġel li jibqaʼ waħdu. Se nagħmel ajjutant għalih, bħala kompliment tiegħu.’”—ĠENESI 2:18.

1. Dizzjunarju Bibliku kif jiddeskrivi x-​xorti tan-​nisa fi żminijiet antiki?

“IMKIEN fil-​Mediterran jew fil-​Lvant Qarib tal-​qedem in-​nisa ma kienu jingħataw il-​libertà li jgawdu fis-​soċjetà moderna tal-​Punent. Il-​mudell ġenerali kien wieħed taʼ subordinazzjoni min-​nisa lejn l-​irġiel, l-​istess bħalma l-​irsiera kienu subordinati lejn il-​ħelsin, u ż-​żgħażagħ lejn ix-​xjuħ. . . . Tfal subjien kienu stmati iżjed mit-​tfal bniet, u trabi bniet kienu xi drabi jitħallew barra biex imutu.” Dak huwa kif dizzjunarju tal-​Bibbja jiddeskrivi x-​xorti fil-​ħajja tan-​nisa fl-​antik.

2, 3. (a) Skond rapport wieħed, x’inhi s-​sitwazzjoni għal ħafna nisa llum? (b) Liema mistoqsijiet iqumu?

2 Is-​sitwazzjoni m’hijiex wisq aħjar f’ħafna partijiet tad-​dinja llum. Fl-​1994, għall-​ewwel darba, ir-​rapport annwali tad-​drittijiet umani tad-​Dipartiment taʼ l-​Istat fl-​Istati Uniti ffoka fuq it-​trattament tan-​nisa. “Informazzjoni Dwar 193 Pajjiż Turi Li Diskriminazzjoni Minn Jum Għal Jum Hija Fatt T’Eżistenza,” stqarr titlu fin-​New York Times rigward ir-​rapport.

3 Peress li għadd kbir taʼ nisa bi sfondi kulturali diversi huma assoċjati mal-​kongregazzjonijiet tan-​nies taʼ Jehovah maʼ l-​art kollha, iqumu xi mistoqsijiet: Huwa t-​trattament li għadu kif ġie deskritt ix-​xorta li Alla oriġinalment ried għan-​nisa? Kif kienu ttrattati n-​nisa fost adoraturi taʼ Jehovah fi żminijiet Bibliċi? U n-​nisa kif għandhom jiġu ttrattati llum?

“Ajjutant” u “Kompliment”

4. Jehovah liema osservazzjoni għamel wara li l-​ewwel raġel kien ilu waħdu fil-​ġnien t’Għeden għal xi żmien, u Alla mbagħad x’għamel?

4 Wara li Adam kien ilu waħdu fil-​ġnien t’Għeden għal xi żmien, Jehovah osserva: “M’huwiex tajjeb għar-​raġel li jibqaʼ waħdu. Se nagħmel ajjutant għalih, bħala kompliment tiegħu.” (Ġenesi 2:18) Avolja Adam kien raġel perfett, xi ħaġa oħra kienet meħtieġa sabiex jitwettaq l-​iskop tal-​Ħallieq. Biex jimla dik il-​ħtieġa, Jehovah ħalaq il-​mara u wettaq l-​ewwel żwieġ.—Ġenesi 2:21-24.

5. (a) In-​nom Ebrajk tradott “ajjutant” kif inhu taʼ spiss użat mill-​kittieba tal-​Bibbja? (b) X’inhu ndikat mill-​fatt li Jehovah irrefera għall-​ewwel mara bħala “kompliment”?

5 Jindikaw il-​kelmiet “ajjutant” u “kompliment” li l-​irwol tal-​mara mogħti lilha minn Alla kien degradanti? Għall-​kuntrarju. Kittieba tal-​Bibbja taʼ spiss japplikaw għal Alla n-​nom Ebrajk (‘eʹzer) tradott “ajjutant.” Per eżempju, Jehovah jagħti prova li hu “l-​ajjutant tagħna u t-​tarka tagħna.” (Salm 33:20; Eżodu 18:4; Dewteronomju 33:7) F’Ħosea 13:9, Jehovah saħansitra jirreferi għalih innifsu bħala l-​“ajjutant” taʼ Iżrael. Rigward il-​kelma Ebrajka (neʹghedh) tradotta “kompliment,” wieħed studjuż tal-​Bibbja jispjega: “L-​għajnuna meħtieġa m’hijiex biss assistenza fix-​xogħol tiegħu taʼ kuljum jew fil-​prokreazzjoni tat-​tfal . . . imma l-​appoġġ inkomuni li s-​sħubija tipprovdi.”

6. X’intqal wara l-​ħolqien tal-​mara, u għala?

6 B’hekk m’hemm xejn degradanti f’li Jehovah jiddeskrivi lill-​mara bħala “ajjutant” u “kompliment.” Il-​mara kellha l-​formazzjoni mentali, emozzjonali, u fiżika unika tagħha stess. Hi kienet il-​parti l-​oħra addattata, kompliment sodisfaċenti għar-​raġel. It-​tnejn kienu differenti, madankollu t-​tnejn kienu meħtiġin biex ‘jimlew l-​art’ fi qbil maʼ l-​iskop tal-​Ħallieq. Kien evidentement wara l-​ħolqien taʼ kemm ir-​raġel u kemm il-​mara li “Alla ra kull ħaġa li kien għamel u, ħares! din kienet tajba ħafna.”—Ġenesi 1:28, 31.

7, 8. (a) Bl-​introduzzjoni tad-​dnub f’Għeden, l-​irwol tal-​mara kif kellu jiġi effettwat? (b) Liema mistoqsijiet jitqajmu rigward it-​twettieq taʼ Ġenesi 3:16 fost adoraturi taʼ Jehovah?

7 Bl-​introduzzjoni tad-​dnub, l-​affarijiet inbidlu għar-​raġel u l-​mara. Jehovah ippronunzja sentenza fuqhom it-​tnejn bħala midinbin. “Se nżid bil-​kbir l-​uġigħ tat-​tqala tiegħek,” Jehovah qal lil Eva, billi tkellem dwar l-​eventwalità li jippermetti bħal li kieku din kienet magħmula minnu. Hu żied: “Fil-​weġgħat tat-​twelid int se twelled it-​tfal, u x-​xenqa tiegħek se tkun għal żewġek, u hu se jiddominak.” (Ġenesi 3:16) Minn dak iż-​żmien ’l hawn, ħafna nisa ġew iddominati, taʼ spiss b’mod aħrax, minn żwieġhom. Minflok ma ġew stmati bħala ajjutanti u komplimenti, ġew taʼ spiss ittrattati iktar bħala qaddejja jew irsiera.

8 X’kien ifisser, iżda, it-​twettieq taʼ Ġenesi 3:16 għal adoraturi femminili taʼ Jehovah? Kienu huma relegati għal xi post taʼ inferjorità u umiljazzjoni? Xejn affattu! Imma xi ngħidu dwar rakkonti Bibliċi li jitkellmu dwar drawwiet u prattiċi li jeffettwaw lin-​nisa li jistgħu jidhru inaċċettabbli f’ċerti soċjetajiet illum?

Nifhmu Drawwiet Bibliċi

9. Meta nikkunsidraw drawwiet li jinvolvu lin-​nisa fi żminijiet Bibliċi, liema tliet affarijiet irridu nżommu f’moħħna?

9 In-​nisa kienu ttrattati tajjeb fost il-​qaddejja t’Alla fi żminijiet Bibliċi. M’għandniex xi ngħidu, f’li nikkunsidraw drawwiet li jinvolvu n-​nisa f’dawk iż-​żminijiet, huwa t’għajnuna li nżommu diversi affarijiet f’moħħna. L-​ewwel, meta l-​Bibbja ssemmi xi sitwazzjonijiet m’humiex pjaċevoli li żviluppaw minħabba dominazzjoni egoista minn irġiel mill-​agħar, dak ma jfissirx li Alla approva trattament bħal dan fuq in-​nisa. It-​tieni, għalkemm Jehovah ittollera ċerti drawwiet fost il-​qaddejja tiegħu għal xi żmien, dawn irregolahom sabiex jipproteġi lin-​nisa. It-​tielet, irridu noqogħdu attenti biex ma niġġudikawx drawwiet antiki b’livelli moderni. Ċerti drawwiet li jistgħu jidhru li m’humiex pjaċevoli għal nies li jgħixu llum ma kinux neċessarjament meqjusin bħala degradanti min-​nisa f’dak iż-​żmien. Ejjew nikkunsidraw xi eżempji.

10. Jehovah kif kien iqis l-​ipprattikar tal-​poligamija, u liema ħaġa tindika li qatt m’abbanduna l-​livell oriġinali tiegħu tal-​monogamija?

10 Il-​poligamija:a Skond l-​iskop oriġinali taʼ Jehovah, mara ma kellhiex taqsam lil żewġha maʼ mara oħra. Alla ħalaq mara waħda biss għal Adam. (Ġenesi 2:21, 22) Wara l-​irvell f’Għeden, il-​prattika tal-​poligamija dehret l-​ewwel fil-​linja taʼ Kajjin. Eventwalment saret drawwa u ġiet addottata minn xi adoraturi taʼ Jehovah. (Ġenesi 4:19; 16:1-3; 29:21-28) Għalkemm Jehovah ippermetta l-​poligamija u din serviet biex iżżid il-​popolazzjoni taʼ Iżrael, hu wera konsiderazzjoni għan-​nisa billi rregola l-​prattika sabiex in-​nisa miżżewġin u wliedhom setgħu jiġu protetti. (Eżodu 21:10, 11; Dewteronomju 21:15-17) Iktar minn hekk, Jehovah qatt m’abbanduna l-​livell oriġinali tiegħu tal-​monogamija. Noè u wliedu subjien, li lilhom ġie rrepetut il-​kmand biex ‘ikunu mimlijin frott u jimlew l-​art,’ kienu kollha monogami. (Ġenesi 7:7; 9:1; 2 Pietru 2:5) Alla ffigura lilu nnifsu bħala raġel miżżewweġ monogamu meta ssimbolizza r-​relazzjoni tiegħu maʼ Iżrael. (Isaija 54:1, 5) Imbagħad, ukoll, il-​livell oriġinali t’Alla tal-​monogamija ġie stabbilit mill-​ġdid minn Ġesù Kristu u kien ipprattikat fil-​kongregazzjoni Kristjana bikrija.—Mattew 19:4-8; 1 Timotew 3:2, 12.

11. Għala kienet titħallas id-​dota taʼ l-​għarusa fi żminijiet Bibliċi, u kien dan degradanti għan-​nisa?

11 Il-​ħlas tad-​dota taʼ l-​għarusa: Il-​ktieb Ancient Israel​—Its Life and Institutions jistqarr: “Dan l-​obbligu li titħallas somma flus, jew l-​ekwivalent tagħha, lill-​familja tat-​tfajla ovvjament jagħti liż-​żwieġ Iżraelit id-​dehra minn barra taʼ xirja. Imma [id-dota taʼ l-​għarusa] tidher li hija mhux daqstant il-​prezz imħallas għall-​mara bħala kumpens mogħti lill-​familja.” (Korsiv tagħna.) Mela l-​ħlas tad-​dota taʼ l-​għarusa serva biex jikkumpensa lill-​familja tal-​mara għat-​telfa tas-​servizzi tagħha u għall-​isforz u l-​ispiża meħtieġa mill-​familja tagħha f’li jieħdu ħsiebha. Minflok ma ddegrada lill-​mara, allura, dan ikkonferma l-​valur tagħha għall-​familja tagħha.—Ġenesi 34:11, 12; Eżodu 22:16; ara The Watchtower, tal-​15 taʼ Jannar, 1989, paġni 21-4.

12. (a) Irġiel u nisa miżżewġin xi drabi kif kienu jiġu rreferuti fl-​Iskrittura, u kienu dawn it-​termini offensivi għan-​nisa? (b) X’inhu notevoli dwar it-​termini li Jehovah uża f’Għeden? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

12 Irġiel miżżewġin bħala “sidien”: Inċident fil-​ħajja t’Abraham u Sara madwar l-​1918 Q.E.K. jindika li sa żmienhom kienet b’mod evidenti saret drawwa li raġel miżżewweġ jitqies bħala s-​“sid” (Ebrajk, baʹ‘al) u mara miżżewġa bħala ‘waħda li tappartjeni’ (Ebrajk, be‘u·lahʹ). (Ġenesi 20:3) Dawn l-​espressjonijiet huma wara dan użati xi drabi fl-​Iskrittura, u m’hemm ebda indikazzjoni li nisa taʼ qabel il-​Kristjanità sabuhom offensivi.b (Dewteronomju 22:22) In-​nisa ma kellhomx jiġu ttrattati bħala biċċiet taʼ propjetà, iżda. Propjetà jew għana setgħet tinxtara, tinbiegħ, u saħansitra tintiret, imma dan ma kienx hekk dwar mara. “Il-​wirt mingħand missirijiet huwa dar u għana,” jgħid proverbju Bibliku, “imma mara miżżewġa diskreta hi mingħand Jehovah.”—Proverbji 19:14; Dewteronomju 21:14.

Rwol Dinjituż

13. Meta rġiel li kellhom il-​biżaʼ t’Alla segwew l-​eżempju taʼ Jehovah u obdew il-​Liġi tiegħu, x’irriżulta għan-​nisa?

13 X’kien, allura, l-​irwol tan-​nisa fost il-​qaddejja t’Alla fiż-​żminijiet taʼ qabel il-​Kristjanità? Kif kienu meqjusin u stmati? Fi kliem sempliċi, meta rġiel li kellhom il-​biżaʼ t’Alla segwew l-​eżempju taʼ Jehovah stess u obdew il-​Liġi tiegħu, in-​nisa żammew id-​dinjità tagħhom u gawdew ħafna drittijiet u privileġġi.

14, 15. Liema indikazzjonijiet hemm li n-​nisa kienu rrispettati f’Iżrael, u Jehovah għala setaʼ b’mod xieraq jistenna li l-​adoraturi rġiel tiegħu jirrispettawhom?

14 In-​nisa kellhom jiġu rrispettati. Il-​Liġi t’Alla lil Iżrael ikkmandat li kemm il-​missirijiet kif ukoll l-​ommijiet kellhom jiġu rrispettati. (Eżodu 20:12; 21:15, 17) “Għandkom tibżgħu kull wieħed minn ommu u missieru,” jgħid Levitiku 19:3. Meta Batxeba avviċinat lil binha Salamun f’okkażjoni minnhom, “minnufih is-​sultan qam biex jilqagħha u miel quddiemha” b’ġest taʼ rispett. (1 Slaten 2:19) Tosserva l-​Encyclopaedia Judaica: “Il-​paraguni profetiċi taʼ l-​imħabba t’Alla għal Iżrael maʼ l-​imħabba taʼ raġel miżżewweġ għal martu setgħu biss saru f’soċjetà li fiha n-​nisa kienu rrispettati.”

15 Jehovah jistenna lill-​adoraturi rġiel tiegħu li jirrispettaw lin-​nisa, għax hu jirrispettahom. Indikazzjonijiet taʼ dan jinsabu fi skritturi fejn Jehovah juża l-​esperjenzi taʼ nisa b’mod illustrattiv u jxebbah is-​sentimenti tiegħu stess maʼ dawk tan-​nisa. (Isaija 42:14; 49:15; 66:13) Dan jgħin lill-​qarrejja biex jifhmu kif iħossu Jehovah. Taʼ interess, it-​terminu Ebrajk għal “ħniena,” jew “ħasra,” li Jehovah japplika għalih innifsu, huwa marbut mill-​qrib mal-​kelma għal “ġuf” u jistaʼ jiġi deskritt bħala “sentiment t’omm.”—Eżodu 33:19; Isaija 54:7.

16. Liema eżempji juru li l-​parir taʼ nisa devoti kien stmat?

16 Il-​parir taʼ nisa devoti kien stmat. Meta Abraham li kellu l-​biżaʼ t’Alla eżita f’li jagħti kas il-​parir tat-​twajba martu, Sara, f’okkażjoni minnhom, Jehovah qallu: “Agħti widen lil leħinha.” (Ġenesi 21:10-12) In-​nisa Ħittin t’Eżaw “kienu sors taʼ mrar taʼ l-​ispirtu għal Iżakk u Rebekka.” Maż-​żmien, Rebekka esprimiet in-​niket li kienet se tesperjenza jekk binhom Ġakobb jiżżewweġ Ħittita. X’kienet ir-​reazzjoni taʼ Iżakk? “Għaldaqstant,” jgħid ir-​rakkont, “Iżakk sejjaħ lil Ġakobb u bierku u kkmandah u qallu: ‘Ma tridx tieħu mara mill-​ulied bniet taʼ Kangħan.’” Iva, għalkemm Rebekka ma kenitx offriet parir formali, żewġha għamel deċiżjoni billi ħa inkonsiderazzjoni s-​sentimenti tagħha. (Ġenesi 26:34, 35; 27:46; 28:1) Is-​Sultan David iktar tard evita ħtija taʼ demm għaliex ta widen għat-​talba t’Abigajl.—1 Samwel 25:32-35.

17. Liema ħaġa turi li n-​nisa kellhom ammont t’awtorità fil-​familja?

17 In-​nisa kellhom ammont t’awtorità fil-​familja. It-​tfal kienu mħeġġin: “Agħti widen, ibni, lid-​dixxiplina taʼ missierek, u tabbandunax il-​liġi t’ommok.” (Proverbji 1:8) Id-​deskrizzjoni tal-​“mara miżżewġa kapaċi” fi Proverbji kapitlu 31 tirrivela li mara miżżewġa ħabrieka mhux biss kienet tmexxi lil darha imma setgħet ukoll tinnegozja xi biċċa art, tistabbilixxi għalqa produttiva, tħaddem xi negozju żgħir, u tkun magħrufa għall-​kliem tagħha t’għerf. L-​iktar importanti fost kollox kien il-​biżaʼ reverenzjali minn Jehovah tal-​mara li jistħoqqilha tifħir. Mhux taʼ b’xejn li l-​valur taʼ mara miżżewġa bħal din kien “ferm iktar minn dak tal-​qroll”! Qroll aħmar prezzjuż kien taʼ valur għoli għal ġojjelli u skopijiet dekorattivi.—Proverbji 31:10-31.

Nisa Li Rċevew Il-​Favur Speċjali T’Alla

18. Favur speċjali b’liema modi kien mogħti lil ċerti nisa fi żminijiet Bibliċi?

18 L-​istima taʼ Jehovah għan-​nisa kienet riflessa fil-​favur speċjali li tefaʼ fuq xi wħud minnhom fi żminijiet Bibliċi. Ħagar, Sara, u mart Manoa kellhom żjajjar minn anġli li kkomunikaw direzzjoni divina lilhom. (Ġenesi 16:7-12; 18:9-15; Mħallfin 13:2-5) Kien hemm “qaddejja nisa” fit-​tabernaklu u kantanti femminili fil-​palazz taʼ Salamun.—Eżodu 38:8; 1 Samwel 2:22; Ekkleżjasti 2:8.

19. Xi drabi, Jehovah uża lil nisa biex jirrappreżentawh b’liema mod?

19 Diversi drabi fl-​istorja taʼ Iżrael, Jehovah uża xi mara biex tirrappreżentah jew biex titkellem għalih. Rigward il-​profetessa Debora, naqraw: “Ulied Iżrael kienu jitilgħu għandha għal ġudizzju.” (Mħallfin 4:5) Wara t-​telfa li s-​sultan Kagħnanit Ġabin ġarrab maʼ Iżrael, Debora kellha privileġġ verament speċjali. Hi kienet evidentement il-​kompożitriċi, għall-​inqas f’parti, taʼ l-​għanja tar-​rebħa li eventwalment saret parti mir-​rekord spirat taʼ Jehovah.c (Mħallfin, kapitlu 5) Sekli wara, biex jistaqsi dwar Jehovah, is-​Sultan Ġosija bagħat għand il-​profetessa Ħulda delegazzjoni li kienet tinkludi lill-​qassis il-​kbir. Ħulda setgħet twieġeb b’awtorità: “Dan huwa dak li Jehovah dak Alla taʼ Iżrael qal.” (2 Slaten 22:11-15) F’dik l-​okkażjoni s-​sultan ikkmanda lid-​delegazzjoni biex tmur għand profetessa, imma dan sar biex jirċievu direzzjoni mingħand Jehovah.—Qabbel Malakija 2:7.

20. Liema eżempji jindikaw it-​tħassib taʼ Jehovah għas-​sentimenti u l-​benesseri tan-​nisa?

20 It-​tħassib taʼ Jehovah għall-​benesseri tan-​nisa huwa evidenti fil-​każi fejn aġixxa għan-​nom taʼ xi wħud mill-​adoraturi femminili tiegħu. Darbtejn intervjena biex jipproteġi lill-​mara sabiħa t’Abraham, Sara, milli tiġi vjolentata. (Ġenesi 12:14-20; 20:1-7) Alla wera favur mal-​mara inqas maħbuba taʼ Ġakobb, Lea, billi ‘fetħilha ġufha’ biex b’hekk kellha iben. (Ġenesi 29:31, 32) Meta żewġ qwiebel Iżraeliti li kellhom il-​biżaʼ t’Alla ssograw ħajjiethom biex jippreservaw lil tfal subjien Ebrej minn infantiċidju fl-​Eġittu, Jehovah b’apprezzament “ippreżentahom b’familji.” (Eżodu 1:17, 20, 21) Hu wkoll wieġeb għat-​talba ferventi t’Anna. (1 Samwel 1:10, 20) U meta l-​armla taʼ profeta ffaċċjat kreditur li kien lest li jeħdilha lil uliedha biex jitħallas dejnha, Jehovah ma telaqhiex għal riħha. B’imħabba, Alla ġiegħel lill-​profeta Eliżew jimmoltiplika l-​provista tagħha taʼ żejt sabiex setgħet tħallas id-​dejn. B’hekk ippreservat il-​familja tagħha u d-​dinjità tagħha.—Eżodu 22:22, 23; 2 Slaten 4:1-7.

21. L-​Iskrittura Ebrajka tippreżenta liema stampa bbilanċjata tax-​xorti tan-​nisa?

21 ’Il bogħod milli tinkuraġġixxi dehra degradanti tan-​nisa, għalhekk, l-​Iskrittura Ebrajka tippreżenta stampa bbilanċjata tax-​xorti tagħhom fost il-​qaddejja t’Alla. Għalkemm Jehovah ma ħebiex lill-​adoraturi nisa tiegħu mit-​twettieq taʼ Ġenesi 3:16, in-​nisa kienu stmati b’dinjità u b’rispett minn irġiel taʼ tjieba li segwew l-​eżempju taʼ Jehovah u taw kas tal-​Liġi tiegħu.

22. Saż-​żmien li Ġesù kien fuq l-​art, l-​irwol tan-​nisa kif inbidel, u x’mistoqsijiet isiru?

22 Fis-​sekli taʼ wara t-​tlestija taʼ l-​Iskrittura Ebrajka, l-​irwol tan-​nisa nbidel fost il-​Lhud. Saż-​żmien li fih Ġesù deher fuq l-​art, tradizzjonijiet rabbiniċi kienu rrestrinġew bil-​kbir lin-​nisa fil-​privileġġi reliġjużi tagħhom u l-​ħajja soċjali tagħhom. Influwenzaw tradizzjonijiet bħal dawn il-​mod kif Ġesù ttratta man-​nisa? Kif għandhom jiġu ttrattati nisa Kristjani llum? Dawn il-​mistoqsijiet se jiġu diskussi fl-​artiklu li jmiss. (w95 7/15)

[Noti taʼ taħt]

a Skond il-​Webster’s Ninth New Collegiate Dictionary, “poligamija” tirreferi għal “żwieġ li fih ir-​raġel jew il-​mara jistgħu jkollhom iżjed minn sieħeb (jew sieħba) wieħed fl-​istess ħin.” It-​terminu iżjed speċifiku “poligini” huwa definit bħala “l-​istat jew prattika li jkollok iżjed minn mara jew sieħba waħda fl-​istess ħin.”

b Fl-Iskrittura Ebrajka kollha, irġiel u nisa miżżewġin huma rreferuti bil-​wisq iżjed taʼ spiss bħala “raġel miżżewweġ” (Ebrajk, ’ish) u “mara miżżewġa” (Ebrajk, ’ish·shahʹ). F’Għeden, per eżempju, it-​termini li Jehovah uża, ma kinux “sid” u ‘waħda li tappartjeni,’ imma ‘raġel miżżewweġ’ u ‘mara miżżewġa.’ (Ġenesi 2:24; 3:16, 17) Il-​profezija taʼ Ħosea bassret li wara li jirritornaw mill-​eżilju, Iżrael kienu bi ndiema se jsejħu lil Jehovah “Żewġi,” u mhux iżjed “Sidi.” Dan jistaʼ jissuġġerixxi li t-​terminu ‘raġel miżżewweġ’ ġab miegħu ħsieb iżjed teneru minn ‘sid.’—Ħosea 2:16.

c Notevoli huwa l-​użu taʼ l-​ewwel persuna b’referenza għal Debora f’Imħallfin 5:7.

Kif Twieġeb Int?

◻ Il-​kelmiet “ajjutant” u “kompliment” x’jindikaw dwar l-​irwol tal-​mara mogħti lilha minn Alla?

◻ Meta nikkunsidraw drawwiet li kienu jeffettwaw lin-​nisa fi żminijiet Bibliċi, x’għandna nżommu f’moħħna?

◻ Liema ħaġa turi li n-​nisa kellhom rwol dinjituż fost il-​qaddejja t’Alla taʼ żminijiet bikrin?

◻ Jehovah b’liema modi ta favur speċjali lil xi nisa fi żminijiet taʼ qabel il-​Kristjanità?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja