Kapitlu Ħamsa
‘Fittex lil Ġeħova’ Billi Tqimu Kif Japprova Hu
1. Liema barkiet qed tgawdi fost il-poplu t’Alla?
KEMM int privileġġat li taf lill-Alla li jwettaq il-profeziji! Int tistaʼ tgawdi dak li kiteb dwaru Ħosea: “Ngħarrsek miegħi bil-fedeltà; u int issir taf lil Ġeħova.” Ħosea kien qed jiddeskrivi kundizzjoni taʼ sigurtà bħal ġenna taʼ l-art li l-poplu t’Alla kellu jgawdi meta jmur lura mill-eżilju f’Babilonja. B’mod simili, il-poplu t’Alla fi żmienna qed igawdi prosperità u sigurtà spiritwali; is-sitwazzjoni tiegħu hi bħal ġenna taʼ l-art. (Ħosea 2:18-20) Issa, int qed iġġorr l-isem t’Alla bħala wieħed mill-qaddejja dedikati tiegħu—wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova—u int trid tibqaʼ tagħmel dan.—Isaija 43:10, 12; Atti 15:14.
2, 3. (a) Ġeħova għala sar jobgħod il-qima tal-poplu li kellu fil-qedem? (b) Għala għandna nikkunsidraw il-messaġġi li wasslu l-profeti?
2 Israel tal-qedem kien ġens dedikat lil Ġeħova, u hu tahom ġabra taʼ preċetti li ebda ġens ieħor ma kellu. (Dewteronomju 4:33-35) Madankollu, sa l-aħħar tad-disaʼ seklu Q.E.K., is-sitwazzjoni taʼ l-Israelin tant kienet inbidlet li, permezz tal-profeta Għamos, Alla qalilhom: “Jien bgħadt il-festi tagħkom, ma lqajthomx . . . Jekk intom toffruli offerti sħaħ tal-ħruq, lanqas b’dawn l-offerti bħala għotja ma nieħu gost.” (Għamos 5:21, 22) Għalkemm Alla mhux qed jgħid ħaġa bħal din lill-kongregazzjoni tiegħu taʼ madwar id-dinja llum, tistaʼ int timmaġina kif kont tħossok li kieku ntqallek kliem bħal dan dwar il-qima li tagħti int? Hemm xi lezzjoni f’dan għal kull wieħed u waħda minna?
3 Lura f’dak iż-żmien, il-poplu t’Alla sostna li qed iqim lil Ġeħova bil-mod li japprova Hu. Madankollu, ħafna minnhom kienu qed jaqdu allat pagani, bħall-Bagħal taʼ Kangħan u x-xbihat taʼ l-għoġol, jew kienu qed joffru sagrifiċċji fuq il-postijiet għoljin. Huma kienu qed imilu quddiem l-armati tas-smewwiet waqt li kien għadhom qed jaħilfu quddiem Ġeħova. Għalhekk, l-Alla l-veru bagħat profeti biex iħeġġu lin-nies jerġgħu jduru lejh permezz tal-qima pura. (2 Slaten 17:7-17; 21:3; Għamos 5:26) Allura, jidher ċar li anki l-qaddejja dedikati t’Alla jistaʼ jkollhom fejn jirranġaw—għemejjel jew attitudnijiet li għandhom jiġu eżaminati biex inkunu ċerti li dawn jirriflettu qima li japprova Ġeħova.
“GĦARFIEN DWAR ALLA”
4. Liema kundizzjonijiet kienu jeżistu matul ir-renju tas-Sultan Ġerobogħam II?
4 Aħseb dwar il-perijodu meta l-ewwel uħud mit-12-il profeta tkellmu għal Alla. Kien qed jiġi mbassar li l-jum taʼ Ġeħova kien se jolqot lis-Saltna taʼ Israel b’għaxar tribujiet. Madankollu, mad-daqqa t’għajn, il-ġens kien fi stat taʼ prosperità. Sewwasew bħalma kien ipprofetizza Ġona, is-Sultan Ġerobogħam II ġedded il-fruntiera taʼ Israel minn Damasku fit-tramuntana sal-Baħar il-Mejjet. (2 Slaten 14:24-27) Għalkemm Ġerobogħam għamel dak li hu ħażin, Ġeħova wera s-sabar fit-tul, minħabba li ma riedx jeqred lil Israel għalkollox minn taħt is-smewwiet. Alla ppermetta li jgħaddi ż-żmien biex l-Israelin jindmu, u ‘jfittxu lil Ġeħova, u jibqgħu jgħixu.’—Għamos 5:6.
5. L-Israelin x’kellhom nieqes biex Ġeħova ċaħadhom?
5 L-Israelin, li kienu fi stat taʼ prosperità, setgħu użaw iż-żmien biex imorru lura lejn Ġeħova billi jsiru jafuh aħjar u jistinkaw biex jagħmlu dak li japprova hu. Minflok, huma kienu kunfidenti dwarhom infushom, u ħassew li ‘l-gwaj ma kienx se jersaq u ma kienx se jasal sa ħdejhom.’ (Għamos 9:10) Tistaʼ tgħid li huma nsew lil Ġeħova ladarba “xebgħu u qalbhom tkabbret.” (Ħosea 13:6) M’għandniex inħossu li din hija biss storja tal-qedem li ma teffettwaniex. Innota r-raġuni għala Ġeħova kellu każ legali kontra l-Israelin: “Talli int stess ċħadt l-għarfien, jien ukoll se nċaħħdek milli taqdini bħala qassis.” Huma kienu dedikati lil Ġeħova u mdawrin b’membri tal-familja li kienu dedikati. Madankollu, b’mod individwali ma kellhomx “għarfien dwar Alla.”—Ħosea 4:1, 6.
6. L-Israelin f’liema sens kienu neqsin mill-għarfien dwar Alla?
6 Ma kienx bħallikieku huma qatt ma kienu semgħu l-kliem t’Alla li l-ġenituri Israelin kellhom jikkunsidraw maʼ wliedhom. Il-biċċa l-kbira minnhom x’aktarx li kienu semgħu r-rakkonti Bibliċi mingħand il-ġenituri tagħhom, fil-konversazzjoni taʼ madwarhom, jew f’assembleat pubbliċi. (Eżodu 20:4, 5; Dewteronomju 6:6-9; 31:11-13) Per eżempju, huma kienu semgħu x’ġara meta Aron għamel l-għoġol tad-deheb waqt li Mosè kien fuq il-Muntanja Sinaj biex jirċievi l-Għaxar Kmandamenti. (Eżodu 31:18–32:9) Għalhekk, l-Israelin fi żmien il-profeti kellhom xi tip t’għarfien dwar il-Liġi u kienu semgħu r-rakkonti storiċi. Minkejja dan, l-għarfien tagħhom kien mejjet minħabba li huma ma ħallewhx iqanqalhom biex iqimu lil Alla bil-mod li ried hu.
7. (a) L-Israelin kif saru diżubbidjenti daqshekk faċilment? (b) Kristjan kif jistaʼ ‘jibda jinsa lil Dak li għamlu’?
7 Għandek mnejn tistaqsi, ‘L-Israelin kif setgħu jitħajru daqshekk faċilment biex ma jobdux?’ Ħosea ddeskriva l-proċess: “Israel beda jinsa lil Dak li għamlu.” (Ħosea 8:14) Il-forma tal-verb oriġinali bl-Ebrajk hija tradotta sew bħala “beda jinsa.” L-Israelin ma nsewx f’daqqa waħda dak li ried minnhom Ġeħova. Minflok, maż-żmien huma nsew kemm kien importanti li jadurawh b’tali mod li japprova hu. Taħseb int li Kristjan jistaʼ jaqaʼ f’nassa bħal din? Per eżempju, ikkunsidra raġel li jieħu bis-serjetà r-responsabbiltà li jipprovdi għall-familja tiegħu. (1 Timotju 5:8) Biex jagħmel dan, hu b’mod xieraq iħares lejn ix-xogħol sekulari tiegħu bħala li hu importanti. Għandu mnejn tinqalaʼ xi ħaġa, u hu jħoss li jkollu jitlef xi laqgħat Kristjani sabiex imur għax-xogħol. Maż-żmien, isir iktar faċli għalih li jitlef il-laqgħat, u jibda jitlifhom iktar spiss. Ftit ftit, ir-rabta tiegħu maʼ Ġeħova tiddgħajjef—hu ‘jibda jinsa lil Dak li għamlu.’ Xi ħaġa simili tistaʼ tiġri lil Kristjan li għandu l-ġenituri jew qraba oħrajn li m’humiex taʼ l-istess twemmin. Hu jiffaċċja xi kwistjonijiet: Kemm se jwarrab ħin għalihom, u meta? (Eżodu 20:12; Mattew 10:37) Xi ngħidu dwar li jiddeċiedi kemm se jwarrab ħin u attenzjoni għall-vjaġġi, għad-delizzji, jew għad-divertiment?
8. Fi żmien Għamos, x’kien ifisser li jkollok “snien nodfa”?
8 Aħna studjajna l-Kelma t’Alla u applikajna l-għarfien li ħadna. Xorta waħda, ilkoll kemm aħna nistgħu nikkunsidraw frażi użata fil-ktieb t’Għamos: “snien nodfa.” Permezz t’Għamos, Alla wissa lill-poplu Tiegħu: “Jien ukoll, min-naħa tiegħi, bi snien nodfa ħallejtkom fi blietkom kollha u b’nuqqas taʼ ħobż fil-postijiet kollha tagħkom.” (Għamos 4:6) Din l-indafa ma kinitx minħabba l-ħasil tas-snien. Kienet minħabba li ma kellhom xejn x’jieklu, kienu qed ibatu l-ġuħ. Iktar minn hekk, kienet twissija taʼ “ġuħ, mhux għall-ħobż, u għatx, mhux għall-ilma, imma għas-smigħ tal-kliem taʼ Ġeħova.”—Għamos 8:11.
9, 10. (a) Kristjan kif għandu mnejn jispiċċa mġewwaħ spiritwalment? (b) Għala għandna bżonn noqogħdu attenti mill-perikli tal-mewt minħabba l-ġuħ spiritwali?
9 F’sens spiritwali, dak li ddeskriva Għamos għandu twettiq fil-kundizzjoni taʼ min jikkundannaha tal-Kristjaneżmu. B’kuntrast, “bwieb l-għargħar tas-smewwiet” huma miftuħin għall-poplu t’Alla madwar id-dinja. Huma mberkin b’abbundanza taʼ provvedimenti spiritwali. (Malakija 3:10; Isaija 65:13, 14) Imma Kristjan jistaʼ jistaqsi, ‘Kemm ingawdih dan l-ikel spiritwali personalment?’ Huwa interessanti li xi riċerkaturi sabu li annimali tal-laboratorju li kellhom il-ħsara fil-parti tal-moħħ li tikkontrolla l-ġuħ tilfu l-aptit sal-punt li mietu bil-ġuħ avolja tawhom ikel bl-abbundanza! Jistaʼ s-sens tal-ġuħ spiritwali taʼ Kristjan ikun effettwat sal-punt li jibda jmut bil-ġuħ avolja jkollu abbundanza taʼ ikel spiritwali madwaru?
10 Waqt li żżomm is-sitwazzjoni tiegħek stess f’moħħok, aħseb dwar dan: Ġeħova pprovda abbundanza taʼ ikel spiritwali għall-Israelin. Huma kellhom il-Liġi, li setgħet issaħħaħ ir-relazzjoni tagħhom miegħu; kellhom programm t’edukazzjoni biex itennu l-għarfien t’Alla lil nisilhom; u kellhom lill-profeti biex jgħinuhom jifhmu r-rieda t’Alla. Minkejja dan, huma bdew jinsew lil Ġeħova. Il-Bibbja tgħid li fi żmien Ħosea, “xebgħu [materjalment] u qalbhom tkabbret.” (Ħosea 13:6; Dewteronomju 8:11; 31:20) Jekk ma rridux li s-sitwazzjoni materjali tagħna ssir iktar importanti mir-rabta tagħna m’Alla, aħna kuljum irridu noqogħdu attenti għal dan il-periklu.—Sofonija 2:3.
AGĦTI KAS DAK LI HU L-IKTAR IMPORTANTI
11, 12. (a) Matul il-ħakma tas-Sultan Użżija, il-profeti għala kellhom jinkuraġġixxu lill-poplu biex jiġi lura għand Ġeħova? (b) Ġoel liema bżonn enfasizza?
11 Waqt li Ġerobogħam II kien qed jirrenja f’Israel, Użżija (imsejjaħ ukoll Għażarija) kien qed jaħkem f’Ġuda. Użżija kabbar kemm it-territorju tiegħu u kemm lil Ġerusalemm. Hu “wera l-qawwa tiegħu b’mod straordinarju” minħabba li “l-Alla l-veru kompla jgħinu.” Hu “għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova” u “kontinwament fittex lil Alla.” Però, ħafna wħud f’Ġuda komplew joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji fil-postijiet għoljin.—2 Kronaki 26:4-9.
12 Minn dan tistaʼ tara li għalkemm in-nies taʼ Ġuda u Israel kienu jġorru l-isem t’Alla, spiss il-qima tagħhom inkludiet affarijiet li hu ma kienx japprovahom. Il-profeti pprovaw jgħinuhom jaraw id-differenza bejn il-qima vera u dik falza. Permezz taʼ Ġoel, Alla talabhom bil-ħerqa: “Ejjew lura għandi b’qalbkom kollha, u bis-sawm, bil-biki, u bl-ilfiq.” (Ġoel 2:12) Innota: Alla ried lill-poplu tiegħu jmur lura għandu ‘b’qalbu kollha.’ Iva, il-problema kienet tinvolvi lil qalbhom. (Dewteronomju 6:5) Tistaʼ tgħid li huma kienu qed iqimu lil Ġeħova b’mod mekkaniku, għaliex ma kinux qed jaqduh b’qalb sħiħa. Għal darba wara l-oħra, permezz tal-profeti, hu enfasizzalhom l-importanza tal-qalb tajba bl-imħabba, il-ġustizzja, u l-ħlewwa—li kollha huma kwalitajiet tal-qalb.—Mattew 23:23.
13. X’kellhom bżonn jikkunsidraw il-Lhud li marru lura mill-eżilju f’Babilonja?
13 Issa se nikkunsidraw x’seħħ wara li l-Lhud marru lura pajjiżhom. Għalkemm il-qima vera fi qbil mal-Liġi ġiet imġedda, huma ma segwewx il-mogħdijiet t’Alla b’qalb sħiħa. Il-Lhud samu fi ġranet li kienu l-anniversarji taʼ ġrajjiet konnessi mal-qerda taʼ Ġerusalemm. “Verament somtu għalija, iva, għalija?” staqsa Ġeħova. Il-qerda taʼ dik il-belt kienet seħħet minħabba l-ġustizzja divina, u din ma kinitx xi ħaġa dwar xiex isewdu qalbhom. Minflok ma jħarsu lura lejn il-passat u jsumu bi swied taʼ qalb, dawk il-Lhud messhom kienu qed jifirħu, jithennew bl-istaġuni tal-festi minħabba l-barkiet tal-qima vera. (Żakkarija 7:3-7; 8:16, 19) U huma kellhom jagħtu kas affarijiet oħrajn. Per eżempju, bħal xiex? “Iġġudikaw bil-ġustizzja vera; u pprattikaw il-ħniniet u l-qalb tajba bl-imħabba maʼ xulxin . . . u tfasslu xejn ħażin kontra xulxin fi qlubkom.” (Żakkarija 7:9, 10) Aħna lkoll nistgħu nibbenefikaw minn dak li dawn il-profeti għallmu lill-poplu t’Alla dwar il-qima lil Alla b’qalb sħiħa.
14. (a) L-eżiljati li marru lura x’kellhom bżonn jinkludu fil-qima tagħhom? (b) Il-profeti kif enfasizzaw l-aspetti iktar importanti tal-qima?
14 X’tinkludi l-qima b’qalb sħiħa? Sewwa, x’kien meħtieġ mill-poplu t’Alla kemm qabel kif ukoll wara l-eżilju? Int taf li kellhom jimxu skond il-livelli t’Alla dwar kwistjonijiet morali. Kien hemm ukoll għemejjel jew attivitajiet speċifiċi meħtiġin mil-Liġi, inkluż il-fatt li jinġabru biex jisimgħu u jitgħallmu r-rieda t’Alla. Però, iżjed minn hekk, Alla uża l-profeti tiegħu biex jenfasizza l-bżonn li jiġu kultivati u murijin il-kwalitajiet tal-qalb tajba bl-imħabba, il-ġustizzja, il-ħlewwa, il-ħniena, u l-modestja. Innota kif Ġeħova enfasizza dawn il-kwalitajiet: “Jien bil-qalb tajba bl-imħabba tgħaxxaqt, mhux bis-sagrifiċċji; u bl-għarfien dwar Alla minflok bl-offerti sħaħ tal-ħruq.” “Iżirgħu bis-sewwa; aħsdu skond il-qalb tajba bl-imħabba.” (Ħosea 6:6; 10:12; 12:6) Mikea ddikjara: “X’qed jitlob minnek Ġeħova ħlief li tkun ġust u li tħobb il-qalb tajba u li tkun modest fil-mixi tiegħek m’Alla?” (Mikea 6:6-8) U l-profeta Sofonija ħeġġeġ lill-poplu t’Alla: “Fittxu lil Ġeħova, intom il-ġwejdin kollha taʼ l-art . . . Fittxu s-sewwa, fittxu li tkunu ġwejdin.” (Sofonija 2:3) Dawn il-kwalitajiet huma meħtiġin biex il-qima tkun waħda li Alla japprova.
15. Fi qbil maʼ dak li wissew il-profeti, il-Kristjani x’għandhom bżonn jagħmlu fil-qima tagħhom?
15 Xi rwol għandhom dawn l-attitudnijiet fil-qima tagħna? Int taf li l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna huwa vitali. (Mattew 24:14; Atti 1:8) Imma tistaʼ tistaqsi lilek innifsek: ‘Għandi jien it-tendenza li nħares lejn l-ippridkar fit-territorju tiegħi bħala biċċa xogħol li ddejjaqni, saħansitra taʼ piż? Jew inħares lejh bħala opportunità biex ngħin lil individwi li għandhom bżonn jisimgħu l-messaġġ tal-Bibbja li jsalva l-ħajjiet? Nuri jien ħniena magħhom?’ Iva, il-ħniena u l-qalb tajba bl-imħabba għandhom iqanqluna biex inwissu lil oħrajn dwar il-jum taʼ Ġeħova. Aħna niġu mqanqlin ukoll mill-ġustizzja u s-sewwa hekk kif nipprovaw nilħqu lil nies taʼ kull xorta b’dan il-messaġġ.—1 Timotju 2:4.
16, 17. Għala huwa vitali li tkun ġwejjed u modest fil-qima tiegħek?
16 Bħala eżempju ieħor, ikkunsidra l-obbligu tagħna li nattendu l-laqgħat Kristjani, li int taf kemm huma importanti. (Ebrej 10:24, 25) Qatt ħsibt kemm dan jinvolvi li nkunu ġwejdin u modesti? Min hu ġwejjed huwa umli biżżejjed biex jaċċetta l-istruzzjoni u mbagħad japplika dak li jitgħallem, u b’hekk jipprattika d-deċiżjoni ġudizzjarja taʼ Ġeħova. Min hu modest, jiġifieri, jagħraf il-limitazzjonijiet tiegħu, se jirrealizza kemm għandu bżonn l-inkuraġġiment u l-għarfien li huma disponibbli permezz tal-laqgħat.
17 Minn dawn l-eżempji tistaʼ tara kemm nistgħu nibbenefikaw minn dak li għallmu l-profeti. Però, xi ngħidu jekk tħoss li għandek bżonn tagħmel xi aġġustamenti f’xi wieħed jew iktar mill-aspetti li għadna kif semmejna? Jew xi ngħidu jekk għamilt żbalji serji, u l-memorji tagħhom kultant iniggżulek il-kuxjenza? It-12-il profeta joffrulek faraġ u għajnuna.
ERĠAʼ LURA LEJN ĠEĦOVA
18. (a) Il-messaġġ tat-12-il profeta għal min hu speċjalment taʼ faraġ? (b) Kif tħossok dwar Ġeħova, li jitlob bil-ħerqa lill-poplu tiegħu biex imur lura għandu?
18 Bħalma rajna, il-profeti li qed nikkunsidraw ma kinux hemm sempliċement biex jakkużaw u jikkundannaw. Huma taw stampa taʼ Ġeħova bħala wieħed li qed iħeġġeġ lin-nies tiegħu biex imorru lura lejh. Irrifletti dwar is-sentimenti f’dak li ħeġġeġ Ħosea: “Ejjew, ħa nerġgħu lura lejn Ġeħova, għax hu stess qattagħna biċċiet imma se jfejjaqna. Hu sawwatna, imma se jinfaxxana. . . . U se nkunu nafu, iva, se nibqgħu nfittxu li nkunu nafu lil Ġeħova.” (Ħosea 6:1-3) Huwa minnu li minħabba li hu ġust, Alla Ġeħova esegwixxa ġudizzju kontra Israel u mbagħad Ġuda. Xorta waħda, il-poplu tiegħu messu ħares lejn din id-dixxiplina bħala passi biex tiġġedded is-saħħa spiritwali tiegħu. (Ebrej 12:7-13) Kieku l-poplu stinat taʼ Ġeħova mar lura, Hu kien se ‘jfejqu’ u ‘jinfaxxah.’ Immaġina raġel li qed jitbaxxa sabiex jinfaxxa l-ġerħa taʼ sieħbu. Issa immaġina lil Ġeħova jagħmel l-istess. Kemm hu Alla ħanin Ġeħova, wieħed li jinfaxxa lil dawk li huma lesti li jmorru lura għandu! Ma jqanqalniex dan biex inkunu rridu mmorru lura għandu jekk nidinbu kontrih?—Ġoel 2:13.
19. X’jinvolvi li tkun taf lil Ġeħova?
19 X’jinvolvi li wieħed imur lura lejn Alla? Ħosea jfakkarna li mhux biss għandna bżonn inkunu “nafu” lil Alla, imma wkoll li “nibqgħu nfittxu li nkunu nafu lil Ġeħova.” Xogħol taʼ referenza reċenti jgħid dwar Ħosea 6:3: “Hemm differenza kbira bejn li tkun taf dwar Alla u li tkun taf lil Alla. Tistaʼ tqabbilha mad-differenza bejn li taqra dwar l-imħabba u li ssir tħobb lil xi ħadd.” Aħna jrid ikollna iktar minn għarfien superfiċjali dwar Ġeħova. Hu jrid ikun reali għalina, il-Ħabib fdat tagħna li nistgħu nersqu lejh fi kwalunkwe ħin. (Ġeremija 3:4) Meta jkollok relazzjoni bħal din, int tkun tistaʼ tħoss dak li jħoss hu meta taġixxi b’ċertu mod, u dan se jgħinek ħafna biex tqimu bil-mod li japprova hu.
20, 21. Is-Sultan Ġosija kif daħħal f’qalbu l-għarfien t’Alla?
20 Is-Sultan Ġosija kien eżempju mill-aqwa f’li jfittex il-qima vera. Ejja nkomplu nikkunsidraw l-esperjenza tiegħu. Sakemm Ġosija sar sultan, il-ġens kien imħarbat bl-idolatrija, il-vjolenza, u l-qerq li kienu abbundanti matul il-ħakmiet taʼ Manasse u Amon. (2 Slaten 21:1-6, 19-21) It-twissija taʼ Sofonija biex ‘ifittxu lil Ġeħova’ żgur li inkuraġġietu ħafna lil Ġosija, għaliex hu “beda jfittex lil Alla taʼ David.” Ġosija beda kampanja biex inaddaf lil Ġuda mill-idolatrija, u l-isforz tiegħu kopra wkoll dak li darba kien it-territorju tas-saltna tat-tramuntana.—Sofonija 1:1, 14-18; 2:1-3; 3:1-4; 2 Kronaki 34:3-7.
21 Wara dan it-tindif, Ġosija kompla jfittex lil Ġeħova. Hu ordna li jsiru tiswijiet fit-tempju. Matul dan ix-xogħol instab “il-ktieb tal-liġi taʼ Ġeħova mogħtija permezz taʼ id Mosè,” u x’aktarx li dan kien il-manuskritt oriġinali tal-Liġi. Kif irreaġixxa Ġosija meta nqara dan il-ktieb? “Malli s-sultan semaʼ l-kliem tal-liġi, hu minnufih ċarrat ħwejġu.” Ukoll, hu ‘ċarrat qalbu’ u applika minnufih dak li kien inqara. Hu ma pprovax jiġġustifika ruħu, billi jgħid li kien diġà għamel ħafna xogħol. Tiftakar x’kien ir-riżultat tar-riforma tiegħu? “Tul jiemu kollha [ulied Israel] ma żvijawx milli jsegwu lil Ġeħova, l-Alla taʼ missirijiethom.”—2 Kronaki 34:8, 14, 19, 21, 30-33; Ġoel 2:13.
22. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-eżempju taʼ Ġosija?
22 Għandek mnejn tistaqsi, ‘Kieku jien kif kont nirreaġixxi?’ Kont int, bħal Ġosija, se tismaʼ minn kliem il-profeti u tagħmel il-bidliet meħtiġin fl-għemejjel jew fil-ħsibijiet tiegħek? Għalkemm aħna ma ngħixux fi żmien Sofonija u Ġosija, nistgħu naraw li llum huwa meħtieġ li nwieġbu għall-messaġġi u l-pariri t’Alla. Għalhekk, jekk Kristjan iħoss f’qalbu li għandu bżonn jirranġa ħajtu u l-qima tiegħu, konsiderazzjoni tal-kotba tat-12-il profeta tistaʼ tkun għalih bħal bozza ħamra li tixgħel biex tallarmah.—Ebrej 2:1.
23. Jekk tħoss li għandek aspetti f’ħajtek li tistaʼ ttejjibhom, x’tistaʼ tagħmel?
23 Kultant, għandek mnejn tħossok bħalma ħassu Ġona meta kien f’żaqq il-ħuta kbira: “Jien tkeċċejt minn quddiem għajnejk! Kif qatt nistaʼ nerġaʼ nħares lejn it-tempju qaddis tiegħek?” (Ġona 2:4) Madankollu, kemm jistaʼ jserrħilna rasna l-kliem taʼ Ġeħova, ladarba aħna bnedmin imperfetti li faċli niżbaljaw! “Erġgħu lura lejja, u jien nerġaʼ lura lejkom.” (Malakija 3:7) Jekk tara li għandek bżonn issaħħaħ ir-relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova, l-anzjani fil-kongregazzjoni tiegħek se jgħinuk minn qalbhom. Sewwasew bħal meta ssuq karozza, int l-ewwel ikollok tibda ssuq b’veloċità inqas qawwija, biex ngħidu hekk. Imbagħad malli tibda miexi, ikun iktar faċli li tagħmel progress. Tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jilqgħek u se jgħinek, għax hu “grazzjuż u ħanin, bil-mod biex jirrabja u għani fil-qalb tajba bl-imħabba.” (Ġoel 2:12-14) Żgur li l-messaġġi tal-profeti huma inkuraġġanti għal kulmin qed jistinka biex iqim lil Alla kif japprova hu.
BĦALA REVIŻJONI
• Fi qbil mal-messaġġ tat-12-il profeta, x’kellu bżonn jagħmel il-poplu t’Alla? —Sofonija 2:3.
• Il-poplu li Alla kellu fil-qedem kif insieh?—Ħosea 8:14.
• Il-Kristjani għala jridu joqogħdu attenti anki meta jgħixu fost abbundanza taʼ ikel spiritwali?—Għamos 4:6; 8:11.
INT KIF TĦOSSOK?
• X’hemm involut fil-qima b’qalb sħiħa li japprova Ġeħova?—Ħosea 6:6; Mikea 6:8.
• Jekk qatt tħossok imbiegħed b’xi mod minn Ġeħova, kif tistaʼ tmur lura għandu? —Ħosea 6:1-3.
• Kif tistaʼ timita lis-Sultan Ġosija fil-mod kif tfittex lil Ġeħova?—2 Kronaki 34:19-21; Ġoel 2:13.
[Stampa f’paġna 57]
Għamos
[Stampa f’paġna 58]
Individwu kif għandu mnejn jibda jinsa lil Ġeħova?
[Stampa f’paġna 60]
Jistaʼ Kristjan jesperjenza l-ġuħ fost abbundanza taʼ ikel spiritwali?
[Stampa f’paġna 64]
Qiegħed int tipprova tilħaq lil kull xorta taʼ nies bl-aħbar tajba?
[Stampi f’paġna 66]
Ġosija ma qagħadx iġib l-iskużi meta kien hemm bżonn it-tindif
[Stampa f’paġna 67]
Se tagħmel int kwalunkwe bidla meħtieġa biex tgħix fi qbil mal-livelli tal-Bibbja?
[Stampa f’paġna 68]
Xi wħud għandhom bżonn ‘ifittxu lil Ġeħova’ billi jmorru lura għandu