LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 1/1 pp. 22-32
  • Il-Glorja Akbar tad-Dar taʼ Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Glorja Akbar tad-Dar taʼ Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Provisti Taʼ Ikel” Abbundanti
  • Naħsdu mad-​Dinja Kollha
  • Nimxu Dejjem Iktar ’Il Quddiem
  • Il-​Messaġġ Finali Taʼ Ħaggaj
  • Ħalli Kulħadd Jigglorifika lil Jehovah!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • “Jiena Magħkom”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Ħa Jissaħħu Idejkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • “Se Rriegħed il-Ġnus Kollha”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 1/1 pp. 22-32

Il-​Glorja Akbar tad-​Dar taʼ Jehovah

“‘Se nimla lil din id-​dar bil-​glorja,’ Jehovah taʼ l-​eżerċti qal.”—ĦAGGAJ 2:7, NW.

1. L-​ispirtu qaddis kif għandu x’jaqsam mal-​fidi u x-​xogħol?

WAQT li kienet qiegħda tippriedka minn dar għal dar, waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah iltaqgħet maʼ mara tar-​reliġjon tal-​Pentekostals li kkummentat, ‘Aħna għandna l-​ispirtu qaddis, imma huwa intom li qegħdin tagħmlu x-​xogħol.’ Bit-​tattika, ġie spjegat lilha li xi ħadd li jkollu l-​ispirtu qaddis se jiġi b’mod naturali immotivat biex jagħmel ix-​xogħol t’Alla. Ġakbu 2:17 jistqarr: “Il-​fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-​għemil, tkun mejta fiha nfisha.” Bil-​għajnuna taʼ l-​ispirtu taʼ Jehovah, ix-​Xhieda tiegħu kkultivaw fidi soda, u hu ‘mela t-​tempju tiegħu bil-​glorja,’ billi ħatarhom biex jagħmlu xogħlijiet taʼ tjieba​—prinċipalment ‘billi jxandru dan l-​Evanġelju tas-​Saltna fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda.’ Meta dan ix-​xogħol ikun sar għas-​sodisfazzjon taʼ Jehovah, “[i]mbagħad jiġi t-​tmiem.”—Mattew 24:14.

2. (a) Li nkunu mehdijin fix-​xogħol taʼ Jehovah se jġib liema barka? (b) Għala għandna nkunu henjin dwar kwalunkwe ‘dewmien’ apparenti?

2 Minn dan il-​kliem taʼ Ġesù, għandna nikkonkludu li x-​xogħol tagħna llum irid jiffoka fuq l-​ippridkar lil oħrajn taʼ “l-​Evanġelju tal-​glorja taʼ Alla l-​imbierek,” li bih aħna ġejna fdati. (1 Timotju 1:11) Iktar ma nkunu mehdijin b’mod hieni fis-​servizz taʼ Jehovah, iktar se narawh ġej malajr it-​tmiem. F’Ħabakkuk 2:2, 3, naqraw il-​kliem taʼ Jehovah: “Ikteb id-​dehra, . . . onqoxha fuq tavlozzi, hekk li jkun jistaʼ jħaffef min jaqraha. Għax id-​dehra sseħħ meta jkun waqtha, tistenna s[a] ma ttemm, u ma tqarraqx. Jekk hija ddum ma tasal, int stennieha, għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!” Iva, “id-​dehra” se sseħħ saħansitra “jekk hija ddum ma tasal.” F’din is-​sena, it-​83 waħda tal-​ħakma tas-​Saltna taʼ Ġesù, xi wħud għandhom mnejn iħossu li aħna qegħdin f’perijodu taʼ ttardjar preċiż issa. M’għandniex aħna nkunu henjin, iżda, li t-​tmiem għadu ma ġiex? Matul dawn l-​għaxar snin tas-​snin 90, ġew imneħħijin, qisu b’xi miraklu, restrizzjonijiet fuq l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba fl-​Ewropa tal-​Lvant, f’partijiet taʼ l-​Afrika, u f’pajjiżi oħrajn. Id-​‘dewmien’ apparenti qiegħed iħalli żmien biex ħafna iktar “ngħaġ” jiġu miġburin minn dawn it-​territorji li nfetħu riċentement.—Ġwann 10:16.

3. Il-​fehma aġġornata tagħna dwar “din il-​ġenerazzjoni” għala għandha tqanqalna biex inkunu qegħdin nagħmlu x-​xogħol t’Alla b’mod urġenti?

3 “Ma tiddawwarx,” jgħid il-​profeta. Ġesù qal li din il-​ġenerazzjoni mill-​agħar preżenti ma kellhiex tgħaddi sa ma “jiġri dan kollu.” (Mattew 24:34) Tfisser din il-​fehma aġġornata tal-​kliem tiegħu li l-​attività tagħna taʼ l-​ippridkar m’hijiex daqshekk urġenti?a Il-​fatti juru li huwa preċiżament l-​oppost! Il-​ġenerazzjoni kontemporanja tagħna qiegħda togħdos ’l isfel lejn stat taʼ ħażen u korruzzjoni li qatt ma kien hawn bħalu fl-​istorja kollha preċedenti. (Qabbel Atti 2:40.) Għandna nkunu fuq xogħlna b’urġenza. (2 Timotju 4:2) Il-​profeziji kollha dwar il-​waqt tat-​tribulazzjoni l-​kbira juru li din se tiġi f’daqqa waħda, f’ħakka t’għajn, għall-​għarrieda​—bħal ħalliel. (1 Tessalonikin 5:1-4; Apokalissi 3:3; 16:15) “Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-​siegħa li fiha jiġi Bin il-​Bniedem.” (Mattew 24:44) Hekk kif din il-​ġenerazzjoni taʼ mingħajr Alla tinsab imdendla b’xagħra għall-​qerda, żgur li ma nkunux irridu narmu t-​tama prezzjuża tagħna taʼ ħajja eterna billi nerġgħu lura lejn ‘li nitmiegħku fit-​tajn’ taʼ distrazzjonijiet tad-​dinja!—2 Pietru 2:22; 3:10; Luqa 21:32-36.

4. Liema sitwazzjoni rrikjediet provisti taʼ ‘ikel spiritwali fiż-​żmien xieraq,’ u dan il-​bżonn kif ġie milħuq?

4 F’konsistenza mal-​profezija taʼ Ġesù, fl-​1914 kien hemm “il-​bidu taʼ tbatija kbira” hekk kif l-​umanità daħlet fiż-​żmien taʼ “tmiem id-​dinja.” In-​niket, il-​ġrajjiet katastrofiċi, u l-​illegalità komplew jimmoltiplikaw sal-​ġurnata tal-​lum. (Mattew 24:3-8, 12) Fl-​istess ħin, Jehovah inkariga lill-​klassi midluka taʼ l-​irsir leali u diskret biex tipprovdi ‘ikel spiritwali fiż-​żmien xieraq’ lin-​nies taʼ dar Sidhom, Kristu. (Mattew 24:45-47, NW) Mit-​tron tiegħu fis-​smewwiet, dan is-​Sultan Messjaniku qiegħed issa jidderieġi programm meraviljuż taʼ tmigħ spiritwali maʼ l-​art kollha.

“Provisti Taʼ Ikel” Abbundanti

5. L-​oġġett bażiku taʼ “ikel” liema attenzjoni qiegħed jirċievi?

5 Ikkunsidra l-​preparazzjoni taʼ “provisti taʼ ikel.” (Luqa 12:42, NW) L-​oġġett bażiku fuq il-​menù Kristjan huwa l-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Biex tiġi mgħallma l-​Bibbja b’mod effettiv, ħtieġa primarja hija traduzzjoni eżatta li tinqara faċilment. Matul is-​snin din il-​ħtieġa ġiet imwettqa b’mod progressiv, speċjalment mill-​1950 ’l hawn meta n-​New World Translation of the Christian Greek Scriptures ġiet ippubblikata bl-​Ingliż. Sa l-​1961 in-​New World Translation tal-​Bibbja kollha kemm hi kienet saret disponibbli, u malajr dehru xi edizzjonijiet f’lingwi prinċipali oħrajn. It-​3 volumi li ġew ippubblikati matul is-​sena taʼ servizz 1996 jammontaw għal total taʼ 27, li minnhom 14 huma l-​Bibbja kompleta. Sabiex jieħdu ħsieb dan ix-​xogħol fuq il-​Bibbja, kif ukoll fuq l-​għajnuniet dwar il-​Bibbja, madwar 1,174 Kristjan iddedikat qegħdin issa jaħdmu full-time fuq it-​traduzzjoni f’77 pajjiż.

6. Is-​Soċjetà kif laħqet mad-​domanda għal pubblikazzjonijiet tal-​Bibbja?

6 B’appoġġ għax-​xogħol taʼ din l-​armata taʼ tradutturi, l-​24 fergħa tal-​Watch Tower Society fejn isir l-​istampar qegħdin jipproduċu pubblikazzjonijiet f’ammont akbar minn qatt qabel. Għal dan l-​għan, iktar rotary presses taʼ veloċità kbira jkomplu jiġu installati fil-​fergħat prinċipali. Il-​produzzjoni tar-​rivisti Watchtower u Awake! qiegħda tikber minn xahar għal xahar, u b’kollox intlaħaq it-​total taʼ 943,892,500 kopja, żjieda taʼ 13.4 fil-​mija għas-​sena kollha. Il-​produzzjoni totali taʼ Bibbji bil-​qoxra iebsa fl-​Istati Uniti, fil-​Brażil, fil-​Finlandja, fil-​Ġermanja, fl-​Italja, fil-​Ġappun, fil-​Korea, u fil-​Messiku biss żdiedet b’40 fil-​mija mill-​1995 għal 76,760,098 kopja fl-​1996. Fergħat oħrajn għamlu wkoll kontribut konsiderevoli lejn iż-​żjieda inġenerali fil-​produzzjoni taʼ letteratura.

7. Isaija 54:2 kif juri li għandu iktar urġenza issa?

7 Ħafna miż-​żjieda saret neċessarja matul is-​snin 90 minħabba t-​tneħħija taʼ restrizzjonijiet fuq ix-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​Ewropa tal-​Lvant u fl-​Afrika. Il-​ġuħ għal ikel spiritwali huwa kbir ferm f’dawn il-​postijiet. Għalhekk, b’urġenza dejjem akbar tidwi s-​sejħa: “Kabbar il-​post taʼ l-​għarix tiegħek, wessaʼ t-​tined taʼ l-​għamajjar tiegħek, tibżax għalihom; tawwal il-​ħbula tiegħek, waħħal tajjeb il-​kunjardi.”—Isaija 54:2.

8. Liema rispons ġeneruż qiegħed jgħin biex jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju?

8 B’hekk, sar neċessarju li jiġu mkabbrin faċilitajiet f’ħafna mill-​104 fergħat tas-​Soċjetà. Minħabba l-​kundizzjonijiet ekonomiċi ħorox fil-​biċċa l-​kbira tat-​territorji li għadhom kif infetħu, parti kbira mill-​ispiża għal din l-​espansjoni qiegħda tiġi koperta minn kontribuzzjonijiet għax-​xogħol taʼ madwar id-​dinja li jiġu minn pajjiżi iktar tat-​tajjeb. B’ferħ, kongregazzjonijiet u individwi qegħdin iwieġbu b’qalb sħiħa, fl-​ispirtu t’Eżodu 35:21: “Kull min ħass f’qalbu u tħajjar f’ruħu, ġieb offerta lill-​Mulej.” Aħna nieħdu din l-​opportunità biex nirringrazzjaw lil dawk kollha li qegħdin jieħdu sehem f’dan l-​għoti ġeneruż.—2 Korintin 9:11.

9. Rumani 10:13, 18 kif qiegħed jiġi mwettaq illum?

9 Matul l-​1996 il-​pubblikazzjonijiet tal-​Watch Tower Society tassew li gglorifikaw l-​isem u l-​iskopijiet taʼ Jehovah sa truf l-​art. Huwa sewwa sew bħalma bassar l-​appostlu Pawlu. Billi kkwota l-​profezija taʼ Ġoel u Salm 19, hu kiteb: “Kull min isejjaħ isem il-​Mulej [“Jehovah,” NW] isalva. Imma ngħid jien, jaqaw ma semgħux? Żgur li semgħu. L-​Iskrittura tgħid: ‘Leħinhom xtered maʼ l-​art kollha, u l-​kelma tagħhom laħqet truf id-​dinja.’” (Rumani 10:13, 18) Billi jfaħħru l-​isem prezzjuż Jehovah b’dan il-​mod, in-​nies tiegħu kellhom parti sinjifikanti f’li jimlew id-​dar tiegħu taʼ qima bil-​glorja. Din il-​proklamazzjoni kif, iżda, ipprosperat speċifikament matul is-​sena 1996? Jekk jogħġbok eżamina t-​tabella li ġejja f’paġni 28 sa 31.

Naħsdu mad-​Dinja Kollha

10. Liema karatteristiċi li jispikkaw tinnota int fl-​attività tan-​nies taʼ Jehovah, kif inhu miġbur fil-​qosor fit-​tabella f’paġni 28 sa 31?

10 Qatt qabel ma kellu daqshekk impatt il-​kliem taʼ Ġesù misjub f’Luqa 10:2: “Il-​ħsad huwa kbir, imma l-​ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-​ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-​ħsad tiegħu.” Qiegħed int twieġeb għal dik is-​sejħa? Miljuni madwar l-​art kollha hekk qegħdin jagħmlu. Dan jidher ċar mill-​quċċata ġdida taʼ 5,413,769 pubblikatur tas-​Saltna li rrapportaw is-​servizz taʼ l-​għalqa matul l-​1996. Barra minn hekk, 366,579 aħwa ġodda rġiel u nisa tgħammdu. Kemm ngħożżuhom dawn “l-​affarijiet mixtiqin tal-​ġnus” li issa qegħdin jieħdu sehem f’li ‘jimlew din id-​dar taʼ Jehovah bil-glorja’!—Ħaggaj 2:7, NW.

11. Ilkoll kemm aħna għala għandna raġun li nkunu verament ferħanin?

11 Rapporti t’espansjoni f’oqsma miftuħin ġodda huma verament fenomenali. Ngħiru aħna għall-​oħrajn li qegħdin igawdu espansjoni bħal din? Għall-​kuntrarju, nifirħu magħhom. Il-​pajjiżi kollha kellhom bidu żgħir. Żakkarija, il-​profeta kontemporanju taʼ Ħaggaj kiteb: “Min jistaʼ imaqdar jum il-​ħwejjeġ żgħar?” (Żakkarija 4:10, KŻ) Aħna verament ferħanin li f’pajjiżi fejn ix-​xogħol taʼ xiehda huwa stabbilit sew, issa hemm miljuni taʼ pubblikaturi tas-​Saltna, u t-​territorju qiegħed jiġi maħdum taʼ spiss, saħansitra kull ġimgħa f’ħafna bliet kbar. Għandna aħna għalfejn immajnaw waqt li Jehovah qiegħed issa jestendi l-​opportunità għal salvazzjoni lil inħawi li qabel kienu żvantaġġjati? Dażgur li le! “L-​għalqa hija d-​dinja,” qal Ġesù. (Mattew 13:38) Xiehda bir-​reqqa trid tkompli tingħata, sewwa sew bħalma d-​dixxipli bikrin taʼ Ġesù taw xiehda bir-​reqqa matul il-​konklużjoni tas-​sistema t’affarijiet Lhudija.—Atti 2:40; 10:42; 20:24; 28:23.

Nimxu Dejjem Iktar ’Il Quddiem

12. Liema inċentiv għandna biex inkomplu mexjin “dritt ’il quddiem”? (Ara wkoll il-​kaxxa, “Il-​Ħsad ‘Minn Tarf L-​Art.’”)

12 Iva, irridu nżommu l-​pass, billi nimxu “dritt ’il quddiem” mal-​karru ċelestjali anġeliku taʼ Jehovah. (Eżekjel 1:12) Għandna quddiem għajnejna l-​kliem taʼ Pietru: “Mhux għax jiddawwar il-​Mulej li jtemm il-​wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-​indiema.” (2 Pietru 3:9) Ejjew inħallu ż-​żelu eżemplari taʼ ħutna f’pajjiżi fqar ekonomikament jagħtina spinta. Kwalunkwe dewmien apparenti f’li tfaqqaʼ Armageddon qiegħed iħalli żmien biex mijiet t’eluf jiġu miġburin f’dawn il-​pajjiżi kif ukoll ħafna li jinsabu f’territorji maħdumin sewwa. M’hemm ebda dubju: “Il-​jum il-​kbir tal-​Mulej fil-​qrib! Fil-​qrib, u riesaq b’ħeffa li ma bħalha!” (Sofonija 1:14) Għandu jkun hemm ħeffa min-​naħa tagħna wkoll f’li nagħtu xiehda finali bir-​reqqa!

13, 14. (a) X’jistaʼ jingħad dwar it-​tqassim tal-​pubblikazzjonijiet matul l-​1996? (b) Il-​kongregazzjonijiet liema pjanijiet speċjali jistgħu jagħmlu kull sena, u int kif qiegħed tippjana li tieħu sehem?

13 Għalkemm id-​dettalji ma jidhrux fit-​tabella tas-​servizz, kien hemm żjieda notevoli fit-​tqassim taʼ Bibbji, kotba, u rivisti matul is-​sena li għaddiet. Per eżempju, it-​tqassim taʼ rivisti mad-​dinja kollha wera żjieda taʼ 19 fil-​mija, billi ġie mqassam total taʼ 543,667,923 kopja. Ir-​rivisti tagħna jiffaċilitaw l-​ippridkar versatili​—fit-​toroq, fil-​ġonna pubbliċi, fuq l-​istages, fl-​inħawi tan-​negozju. Rapporti jindikaw li f’xi territorji li fihom spiss tingħata xiehda, nies professjonali ġew impressjonati bil-​kwalità tar-​rivisti tagħna u qegħdin jaċċettaw studji tal-​Bibbja.

14 Kull sena matul ix-​xahar t’April, il-​kongregazzjonijiet ġeneralment jorganizzaw attività speċjali bir-​rivisti, li tinkludi kampanja taʼ jum sħiħ minn dar għal dar u f’postijiet pubbliċi. Se tieħu sehem f’dan il-​kongregazzjoni tiegħek matul April 1997? Ħarġiet li jispikkaw taʼ The Watchtower u Awake! għal April ġew ippreparati, u l-​preżentazzjoni simultanja tagħhom mad-​dinja kollha għandha ċertament tħalli l-​marka tagħha! Fil-​gżira taʼ Ċipru, il-​kongregazzjonijiet, li wżaw bħala l-​motto tagħhom “ilħaq lil kulmin hu possibbli li tilħaq bil-​messaġġ tas-​Saltna,” saħansitra baqgħu għaddejjin kull xahar bi skeda bħal din taʼ xogħol taʼ tqassim tar-​rivisti, u laħqu quċċata ġdida taʼ 275,359 matul is-​sena, żjieda taʼ 54 fil-​mija.

Il-​Messaġġ Finali Taʼ Ħaggaj

15. (a) Jehovah għala bagħat iktar messaġġi permezz taʼ Ħaggaj? (b) It-​tielet messaġġ taʼ Ħaggaj liema lezzjoni għandu jwasslilna?

15 Jehovah bagħat lil Ħaggaj, 63 jum wara li kien wassal it-​tieni messaġġ tiegħu, bit-​tielet proklamazzjoni li aħna nagħmlu tajjeb li ndaħħluha f’qalbna llum. Ħaggaj tkellem bħal li kieku l-​Lhud kienu qegħdin ipoġġu l-​pedament tat-​tempju dak inhar, li fil-​fatt dan kienu poġġewh 17-il sena qabel. Għal darb’oħra Jehovah ra xieraq li jikkonduċi tindif. Il-​qassisin u n-​nies kienu majnaw u għalhekk ma kinux nodfa f’għajnejn Jehovah. Jistaʼ jagħti l-​każ li xi wħud min-​nies taʼ Jehovah majnaw f’xogħlhom illum saħansitra billi involvew lilhom infushom fil-​modi permissivi u materjalistiċi tad-​dinja? Huwa urġenti li lkoll kemm aħna nixħtu qalbna “mil-​llum ’il quddiem” fuq li nġibu glorja lill-​isem taʼ Jehovah, fiduċjużi dwar il-​wegħda tiegħu: “Mil-​llum stess jiena nibda nbierek.”—Ħaggaj 2:10-19; Lhud 6:11, 12.

16. Liema ‘theżhiż’ qiegħed tant qrib, u x’se jkun ir-​riżultat?

16 F’dak l-​istess jum, il-​kelma tal-​“Mulej taʼ l-​eżerċti” ġiet għand Ħaggaj għar-​rabaʼ u l-​aħħar darba. Hu għarraf x’kien involut f’li Hu ‘jheżheż is-​smewwiet u l-​art,’ billi jgħid: “Naqleb it-​tron tas-​saltniet u neqred il-​qawwa tas-​slaten tal-​ġnus, naqleb il-​karru u r-​rikkieb tiegħu u jaqgħu ż-​żwiemel u r-​rikkieba tagħhom, kull wieħed bis-​sejf taʼ sieħbu.” (Ħaggaj 2:6, 21, 22) It-​‘theżhiż’ b’hekk se jilħaq il-​quċċata tiegħu meta Jehovah inaddaf kompletament l-​art f’Armageddon. Sa dak inhar “l-​affarijiet mixtiqin tal-​ġnus” se jkunu nġabru, biex jifformaw nukleu taʼ soċjetà umana għad-​dinja l-​ġdida. Kemm għandna raġunijiet biex nifirħu u nagħtu tifħir lil Jehovah!—Ħaggaj 2:7, NW; Apokalissi 19:6, 7; 21:1-4.

17. Ġesù kif ġie mpoġġi bħala “siġill”?

17 Biex jikkonkludi l-​profezija tiegħu, Ħaggaj jikteb: “‘F’dak il-​jum, oraklu tal-​Mulej taʼ l-​eżerċti, jien nieħu lilek, Żerubbabel . . . , u nagħmlek bħal siġill, għax lilek għażilt.’ Oraklu tal-​Mulej taʼ l-​eżerċti.” (Ħaggaj 2:23) Kristu Ġesù hu issa s-​Sultan Messjaniku u l-​Qassis il-​Kbir antitipiċi taʼ Jehovah, li qiegħed jaqdi ż-​żewġ ħatriet fis-​smewwiet li l-​Gvernatur Żerubbabel u l-​Qassis il-​Kbir Ġożwè okkupaw separatament f’Ġerusalemm taʼ l-​art. Bħal ċurkett tas-​siġill uffiċċjali fl-​id il-​leminija taʼ Jehovah, Ġesù hu dak li sar l-​“Iva” bħala l-​istrument taʼ Jehovah f’li jwettaq fir-​realtà l-​ħafna “wegħdiet taʼ Alla.” (2 Korintin 1:20; Efesin 3:10, 11; Apokalissi 19:10) Il-​messaġġ kollu kemm hu tal-​Bibbja jiffoka fuq il-​provvediment minn Jehovah taʼ Kristu bħala Sultan u Feddej saċerdotali.—Ġwann 18:37; 1 Pietru 1:18, 19.

18. Il-​kliem konklużiv “oraklu tal-​Mulej taʼ l-​eżerċti” kif se jkollu twettiq rifreskanti?

18 Verament f’dan iż-​żmien tagħna, l-​akbar glorja tistaʼ tinstab fit-​tempju spiritwali kollu dija taʼ Jehovah! U dalwaqt, wara li Jehovah ikun kines għalkollox lis-​sistema kollha taʼ Satana, Ħaggaj 2:9 se jkollu iktar twettiq li jgħaxxqek: “F’dan il-​post jiena nagħti s-​sliem, oraklu tal-​Mulej taʼ l-​eżerċti.” Paċi sa fl-aħħar!​—paċi universali dejjiema, iggarantita mis-​“siġill” taʼ Jehovah, Ġesù Kristu, il-​“Prinċep tas-​sliem,” li dwaru huwa miktub: “Kbira tkun setgħetu, u s-​sliem bla qjies . . . Il-​ħeġġa tal-​Mulej taʼ l-​eżerċti tagħmel dan.” (Isaija 9:5, 6 [Isaija 9:6, 7, NW]) Għall-​eternità kollha l-​glorja tad-​dar għall-​qima taʼ Jehovah se tiġi riflessa matul il-​qasam paċifiku tas-​sovranità universali tiegħu. Jalla dejjem nibqgħu f’dik id-​dar!—Salm 27:4; 65:5 [Salm 65:4, NW]; Salm 84:11 [Salm 84:10, NW]. (w97 1/1)

[Nota taʼ taħt]

a Ara “Salvati Minn ‘Ġenerazzjoni Mill-​Agħar’” u “Żmien Biex Tibqaʼ Mqajjem” fil-​ħarġa taʼ l-​1 taʼ Novembru, 1995, taʼ It-​Torri taʼ L-​Għassa.

Tistaʼ Tispjega?

◻ Id-​dar taʼ Jehovah kif qiegħda ‘timtela bil-​glorja’ llum?

◻ Għala qatt qabel ma kien daqshekk urġenti li tiġi ppridkata l-​aħbar tajba?

◻ Liema inċentiv għall-​ippridkar jagħti r-​Rapport tas-​Sena taʼ Servizz 1996?

◻ Kristu kif qiegħed jaqdi bħala s-​“siġill” taʼ Jehovah?

[Kaxxa f’paġna 25]

Il-​Ħsad “Minn Tarf L-​Art”

F’Isaija 43:6, naqraw il-​kmand taʼ Jehovah: “La żżommhomlix! Ġibli s-​subjien mill-​bogħod, ’il bnieti minn tarf l-​art.” Din l-​iskrittura qiegħed ikollha twettiq eċċezzjonali llum fl-​Ewropa tal-​Lvant. Ħu per eżempju lil Moldova, pajjiż li qabel kien Komunist. Hemm irħula li madwar nofs il-​popolazzjoni tagħhom huma issa Xhieda. Dawn ikollhom jivvjaġġaw distanzi kbar biex isibu territorju biex jippridkaw fih, imma l-​isforz qegħdin jagħmluh! Bosta pubblikaturi f’dawn il-​kongregazzjonijiet huma n-​nisel taʼ ġenituri li kienu ġew eżiljati lejn is-​Siberja kmieni fis-​snin 50. Issa l-​familji tagħhom qegħdin fuq quddiem fix-​xogħol tal-​ħsad. Mit-​12,565 pubblikatur, 1,197 ġew mgħammdin din l-​aħħar sena. Tlieta u erbgħin mill-​kongregazzjonijiet għandhom madwar 150 pubblikatur kull waħda, u s-​circuits żdiedu minn erbgħa għal tmienja fis-​sena l-​ġdida taʼ servizz.

Rimarkevoli, ukoll, hija l-​espansjoni fl-​Albanija. Hemmhekk ftit Xhieda leali li tgħoddhom fuq idejk, issaportew dittatorjat mill-​iktar aħrax għal madwar 50 sena. Numru minnhom ġew maqtulin. Dan ifakkarna fil-​wegħda taʼ Ġesù: “Tibżax minn dak li se jkollok issofri; ara, id-​Demonju se jixħet ’il xi wħud minnkom fil-​ħabs biex iġarrabkom, . . . Ibqaʼ fidil sal-​mewt, u jien nagħtik il-​kuruna tal-​ħajja.” (Apokalissi 2:10; ara wkoll Ġwann 5:28, 29; 11:24, 25.) X’qegħdin naraw issa fl-​Albanija? Verament twettiq li jispikka tal-​wegħda taʼ Jehovah misjuba f’Isaija 60:22: “L-​iżgħar fostkom isir tribù [“elf,” NW]”! Fl-​1990 pubblikatur wieħed biss irrapporta s-​servizz fl-​Albanija. Madankollu, iktar “ħaddiema” mill-​Italja u pajjiżi oħrajn wieġbu għas-​sejħa taʼ Ġesù: “Morru, mela, agħmlu dixxipli . . . , u għammduhom.” (Mattew 28:19; Luqa 10:2) Saż-​żmien tal-​Mafkar tal-​mewt taʼ Ġesù fl-​1996, 773 pubblikatur kienu attivi fl-​għalqa, u dawn ġabru 6,523 persuna għal-​laqgħat tagħhom tal-​Mafkar, iktar minn tmien darbiet in-​numru taʼ pubblikaturi! Attendenzi taʼ l-​għaġeb ġew irrapportati minn inħawi iżolati. Għalkemm ma kien hemm ebda pubblikatur lokali, l-​ibliet taʼ Kuksi u Divjakë kellhom attendenzi taʼ 192 u 230 rispettivament. Fi Kroja, fejn hemm pubblikatur wieħed biss, kien hemm 212 preżenti. It-​30 pubblikatur f’Korizza krew faċilitajiet għal iktar minn 300. Wara li dak in-​numru taʼ nies kienu ppakkjati fl-​awditorju, 200 ruħ oħra kellhom jintbagħtu lura għax ma kienx hemm fejn joqogħdu. Verament għalqa misjura lesta għall-​ħsad!

Mir-​Rumanija jiġi dan ir-​rapport: “Waqt li konna qegħdin nagħmlu xogħol minn dar għal dar, iltqajna maʼ individwu li qal li kien wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah u li kien joqgħod f’belt żgħira li fiha, sa fejn konna nafu, ma kienx hemm Xhieda. Qalilna li minbarra hu kien hemm 15-il persuna oħra li għal ħafna snin kienu ilhom jagħmlu laqgħat kull nhar taʼ Ħamis u nhar taʼ Ħadd u li kienu bdew jippridkaw minn dar għal dar. L-​għada aħna morna f’dik il-​belt. Jistennewna f’żewġt ikmamar kien hemm 15-il ruħ, irġiel, nisa, u tfal li aċċettaw 20 ktieb u 20 rivista minn taʼ l-​aħħar. Urejniehom kif jikkonduċu studji tal-​Bibbja. Kantajna flimkien u weġibna l-​mistoqsijiet l-​iktar urġenti tagħhom. Dak li kien jippresiedi fil-​grupp ammetta: ‘Ftit jiem ilu, tlabt bid-​dmugħ f’għajnejja lil Jehovah biex jibagħtilna ragħaj, u t-​talba tiegħi ġiet mismugħa.’ Konna verament henjin, u malli konna se nitilqu, bħal iltim li fl-​aħħar sab missier, qal: ‘Jekk jogħġobkom tinsewniex. Erġgħu ejjew arawna!’ Hekk għamilna, u issa sebaʼ studji tal-​Bibbja qegħdin jiġu kondotti f’dik il-​belt. F’ħafna territorji ġodda, ix-​xogħol jibda b’mod taʼ l-​għaġeb bil-​letteratura tal-​Bibbja, li tant hija apprezzata, u dan juri li x-​xogħol għandu sors divin.” (w97 1/1)

[Tabella f’paġni 28-31]

RAPPORT TAS-​SENA TAʼ SERVIZZ 1996 TAX-​XHIEDA TAʼ JEHOVAH MADWAR ID-​DINJA

(Ara r-​rivista)

[Stampi f’paġni 26, 27]

“L-​affarijiet mixtiqin tal-​ġnus kollha” qegħdin jiġu miġburin fil-​Gżejjer tal-​Baħar (1), fl-​Amerka t’Isfel (2), fl-​Afrika (3), fl-​Asja (4), fl-​Amerka taʼ Fuq (5), u fl-​Ewropa (6)

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja