Il-Jum taʼ Jehovah li Jispira l-Biżaʼ Huwa Qrib
“Ktieb taʼ tfakkira beda jinkiteb quddiemu għal dawk fil-biżaʼ taʼ Jehovah u għal dawk li kienu qegħdin jaħsbu fuq ismu.”—MALAKIJA 3:16.
1, 2. Malakija dwar liema jum li jispira l-biżaʼ jwissi bil-quddiem?
LI JISPIRA L-BIŻAʼ! Hekk kif żernaq il-jum tas-6 t’Awissu, 1945, belt kbira ġġarrfet f’mument wieħed. Madwar 80,000 mejtin! Għaxriet t’eluf feruti għall-mewt! Nar iħeġġeġ! Il-bomba nukleari kienet għamlet xogħolha. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif fendew matul dik il-katastrofi? Kien hemm biss Xhud wieħed f’Hiroshima—miżmum wara l-ħitan protettivi taʼ ħabs minħabba l-integrità Kristjana tiegħu. Il-ħabs ċeda u sar gozz ġebel, imma ħuna ma weġġax. Bħalma poġġieha hu, kien ġie ‘splodut ’il barra mill-ħabs’—forsi l-unika ħaġa tajba li wettqet il-bomba.
2 Kienet kemm kienet tal-biżaʼ dik l-isplużjoni tal-bomba, issir insinjifikanti meta tiġi mqabbla mal-“jum il-kbir u li jispira l-biżaʼ taʼ Jehovah” li jinsab preċiż quddiemna. (Malakija 4:5) O, iva, kien hemm jiem li spiraw il-biżaʼ fil-passat, imma dan il-jum taʼ Jehovah se jiżboqhom ilkoll kemm huma.—Mark 13:19.
3. Liema kuntrast għandu jiġi nnotat bejn “[i]l-laħam kollu” u l-familja taʼ Noè sakemm ġiet l-Għarqa?
3 Fi żmien Noè, “il-laħam kollu kien irrovina l-mogħdija tiegħu fuq l-art,” u Alla ddikjara: “L-art mimlija vjolenza bħala riżultat tagħhom; u hawn jien qiegħed inġibhom f’rovina flimkien maʼ l-art.” (Ġenesi 6:12, 13) Bħalma huwa ddokumentat f’Mattew 24:39, Ġesù qal li n-nies “ma tawx kas sakemm ġie d-dilluvju u kinishom ilkoll.” Imma l-leali Noè, “predikatur tat-tjieba,” flimkien mal-familja tiegħu li kellha l-biżaʼ t’Alla, salvaw minn dik l-għarqa.—2 Pietru 2:5.
4. Liema eżempju taʼ twissija huwa pprovdut minn Sodom u Gomorra?
4 “Hekk ukoll,” Ġuda vers 7 jirrakkonta, “Sodom u Gomorra u l-ibliet taʼ madwarhom, wara li huma . . . kienu kkommettew fornikazzjoni b’mod eċċessiv u telqu wara l-laħam għal użu m’huwiex naturali, huma mqegħdin quddiemna bħala eżempju taʼ twissija billi għaddew mill-kastig ġudizzjarju taʼ nar taʼ dejjem.” Dawk in-nies taʼ mingħajr Alla għebu minħabba l-istil taʼ ħajja maħmuġ b’mod diżgustanti tagħhom. Ħalli l-komunitajiet taʼ din id-dinja moderna li moħħhom biss fis-sess jiġu mwissijin! Innota, madankollu, li Lot u l-bniet tiegħu li kellhom il-biżaʼ t’Alla ġew ippreservati ħajjin matul dik il-katastrofi, saħansitra bħalma l-adoraturi taʼ Jehovah se jiġu protetti matul it-tribulazzjoni l-kbira li qiegħda toqrob bil-ħeffa.—2 Pietru 2:6-9.
5. X’nistgħu nitgħallmu mill-ġudizzji esegwiti fuq Ġerusalemm?
5 Imbagħad ikkunsidra l-eżempji taʼ twissija pprovduti meta Jehovah uża l-armati taʼ invażjoni biex jeqred għalkollox lil Ġerusalemm, il-belt glorjuża li darba kienet “l-eżaltar taʼ l-art kollha kemm hi.” (Salm 48:2) Dawn il-ġrajjiet traġiċi seħħew, l-ewwel fis-sena 607 Q.E.K. u jerġaʼ fis-sena 70 E.K., minħabba li l-hekk imsejjaħ poplu t’Alla abbanduna l-qima vera. B’hena, qaddejja leali taʼ Jehovah salvaw. Id-diżastru tas-sena 70 E.K. (li jidher hawn taħt) huwa deskritt bħala “tribulazzjoni li bħalha ma ġratx mill-bidu tal-ħolqien li Alla ħalaq sa dak iż-żmien.” Din neħħiet darba għal dejjem is-sistema t’affarijiet Lhudija apostata, u ċertament li f’dak ir-rigward din “m’hijiex se terġaʼ tiġri.” (Mark 13:19) Imma saħansitra din l-esekuzzjoni taʼ ġudizzju divin kienet sempliċement dell tat-“tribulazzjoni l-kbira” li issa qiegħda thedded lil din is-sistema t’affarijiet dinjija kollha kemm hi.—Rivelazzjoni 7:14.
6. Jehovah għala jippermetti l-hemmijiet?
6 Għala għandu Alla jippermetti hemmijiet terribbli, b’telf taʼ tant ħajjiet? Fil-każ taʼ Noè, taʼ Sodom u Gomorra, u taʼ Ġerusalemm, Jehovah kien qiegħed jesegwixxi ġudizzju fuq dawk li kienu rrovinaw il-mogħdija tagħhom fuq l-art, li kienu ġiddmu lil din il-pjaneta sabiħa b’tinġis litterali u degradazzjoni morali, u li kienu apostatizzaw minn, jew ċaħdu, il-qima vera. Illum qegħdin fix-xifer t’esekuzzjoni taʼ ġudizzju li tinkludi kollox u li se tkopri d-dinja kollha kemm hi.—2 Tessalonkin 1:6-9.
“Fl-Aħħar Jiem”
7. (a) Ġudizzji divini tal-qedem dwar liema ħaġa kienu profetiċi? (b) Liema prospett glorjuż jinsab quddiemna?
7 Dawk l-atti taʼ qerda taʼ żmien l-antik kienu profetiċi dwar it-tribulazzjoni l-kbira li tispira l-biżaʼ deskritta fit-2 Pietru 3:3-13. L-appostlu jgħid: “Għax tafu dan l-ewwel, li fl-aħħar jiem se jiġu dawk li jwaqqgħu għaċ-ċajt bit-twaqqigħ għaċ-ċajt tagħhom, jissoktaw skond ix-xewqat tagħhom stess.” Imbagħad, billi jiffoka fuq żmien Noè, Pietru jikteb: “Id-dinja taʼ dak iż-żmien sofriet qerda meta kienet mgħarrqa bl-ilma. Imma bl-istess kelma s-smewwiet u l-art li huma issa huma maħżunin għan-nar u qegħdin jiġu merfugħin għall-jum taʼ ġudizzju u taʼ qerda tan-nies taʼ mingħajr Alla.” Billi ssegwi lil dik l-akbar waħda mit-tribulazzjonijiet kollha, il-ħakma tas-Saltna tant mistennija tal-Messija se tieħu dimensjonijiet ġodda—“smewwiet ġodda u art ġdida . . . , u f’dawn it-tjieba għandha tgħammar.” Xi prospett mimli ferħ!
8. Il-ġrajjiet dinjin kif qegħdin jimxu lejn quċċata?
8 Matul is-seklu 20 tagħna, ġrajjiet dinjin imxew b’mod progressiv lejn quċċata. Għalkemm it-tħarbit taʼ Hiroshima ma kienx xi żjara minn Alla, jistaʼ jiġi inkluż fid-“dehriet tal-biżaʼ” li Ġesù pprofetizza għaż-żmien tat-tmiem. (Luqa 21:11) Dan ta bidu għal theddida nukleari li għadha mdendla bħal sħaba tal-maltemp fuq l-umanità. B’hekk, titlu prinċipali f’The New York Times tad-29 taʼ Novembru, 1993, jgħid: “Il-Kanuni Jistgħu Jkunu Xi Ftit Imsaddin imma l-Armamenti Nukleari Għadhom Ileqqu.” Sadattant, gwerer internazzjonali, interrazzjali, u intertribali jkomplu jaħsdu ħsad orribbli. Fil-gwerer taʼ qabel il-maġġoranza vasta taʼ vittmi kienet fost is-suldati. Illum, 80 fil-mija tal-vittmi tal-gwerra huma rrapportati li huma pajżani, biex ma nsemmux il-miljuni li jaħarbu minn art twelidhom bħala refuġjati.
9. Il-mexxejja reliġjużi kif urew ħbiberija mad-dinja?
9 Mexxejja reliġjużi taʼ spiss urew, u jkomplu juru, “ħbiberija mad-dinja” billi jkunu involuti b’mod attiv fi gwerer u rivoluzzjonijiet imdemmijin. (Ġakbu 4:4) Xi wħud ikkollaboraw mal-barunijiet rgħiba tad-dinja kummerċjali hekk kif dawn jipproduċu armamenti bil-massa u jibnu imperi tad-drogi. Per eżempju, billi rrapportat l-assassinar taʼ wieħed mill-perċimes tad-drogi mill-Amerka t’Isfel, The New York Times stqarret: “Billi ħeba l-ittraffikar tad-drogi wara stqarrijiet t’għana minn negozju leġittimu u l-immaġni taʼ benefattur, kellu programm tar-radju tiegħu stess u taʼ spiss kien akkumpanjat minn qassisin Kattoliċi Rumani.” The Wall Street Journal irrapporta li flimkien maʼ l-irrovinar tal-ħajjiet taʼ miljuni li saru jiddependu fuq id-drogi, dan il-perċimes tad-drogi dderieġa personalment il-qtil t’eluf. The Times taʼ Londra nnotat: “Il-qattilin taʼ spiss iħallsu biex issir Quddiesa speċjali biex iroddu ħajr . . . fl-istess ħin li l-quddiesa tal-funeral tal-vittma tkun qiegħda ssir xi mkien ieħor.” X’kattiverja!
10. Kif għandna nqisu l-kundizzjonijiet tad-dinja li sejrin għall-agħar?
10 Min jaf xi straġi għad iridu jagħmlu fuq din l-art il-bnedmin ispirati mid-demonji? Bħalma jistqarr 1 Ġwann 5:19, “[i]d-dinja kollha qiegħda taħt il-poter tal-wieħed mill-agħar,” Satana x-Xitan. Illum huwa “gwaj għall-art u għall-baħar, għaliex ix-Xitan niżel għandkom, billi għandu rabja kbira, billi jaf li għandu perijodu qasir taʼ żmien.” (Rivelazzjoni 12:12) B’hena, iżda, Rumani 10:13 jassigurana li “kulmin isejjaħ isem Jehovah se jkun salvat.”
Alla Jersaq Qrib Biex Jiġġudika
11. Liema kundizzjonijiet f’Iżrael invokaw il-profezija taʼ Malakija?
11 Inkwantu għall-futur immedjat taʼ l-umanità, il-profezija taʼ Malakija tixħet dawl fuq dak li dalwaqt se jiġri. Malakija huwa mniżżel l-aħħar fil-linja twila taʼ profeti Ebrej tal-qedem. Iżrael kien ġarrab il-ħerba taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K. Imma 70 sena wara Jehovah wera qalb tajba bl-imħabba mimlija ħniena f’li rrestawra lil dak il-ġens lejn artu. F’temp taʼ mitt sena, madankollu, Iżrael kien għal darb’oħra qed jinġarr lejn l-apostasija u l-ħażen. In-nies kienu qegħdin jiddiżonoraw isem Jehovah, billi injoraw il-liġijiet taʼ tjieba tiegħu, u niġġsu t-tempju tiegħu billi ġabu annimali għomja, zopop, u morda għas-sagrifiċċju. Kienu qegħdin jiddivorzjaw lin-nisa taʼ żgħożithom sabiex setgħu jiżżewġu nisa barranin.—Malakija 1:6-8; 2:13-16.
12, 13. (a) Liema ppurifikar kien meħtieġ għall-klassi saċerdotali midluka? (b) Il-folla kbira kif jibbenefikaw ukoll mit-tindif?
12 Xogħol taʼ purifikar kien meħtieġ. Dan huwa deskritt f’Malakija 3:1-4. Bħal Iżrael tal-qedem ix-Xhieda taʼ Jehovah taʼ llum kellhom bżonn jiġu mnaddfin, u għalhekk ix-xogħol taʼ purifikar deskritt minn Malakija jistaʼ jiġi applikat għalihom. Hekk kif l-ewwel gwerra dinjija kienet waslet biex tintemm, xi wħud mill-Istudenti tal-Bibbja, bħalma kienu magħrufin ix-Xhieda f’dak iż-żmien, ma żammewx newtralità stretta fl-affarijiet dinjin. Fl-1918, Jehovah bagħat lill-“messaġġier tal-patt” Tiegħu, Ġesù Kristu, lill-arranġament tat-tempju spiritwali Tiegħu biex inaddaf lill-grupp żgħir t’adoraturi Tiegħu minn tbajjaʼ dinjin. Profetikament, Jehovah kien staqsa: “Min se jkun qiegħed jissaporti l-jum tal-miġja [tal-messaġġier], u min se jkun il-wieħed wieqaf meta jidher hu? Għax hu se jkun bħan-nar taʼ raffinatur u bħal-lissija tal-ħasselin. U jrid joqgħod bil-qiegħda bħal raffinatur u wieħed li jnaddaf il-fidda u jrid inaddaf lil ulied Levi [grupp taʼ qassisin midlukin]; u jrid jiċċarahom bħad-deheb u bħall-fidda, u ċertament li se jsiru għal Jehovah nies li qegħdin jippreżentaw offerta taʼ l-għotja fit-tjieba.” Bħala poplu ppurifikat, għamlu preċiżament hekk!
13 Dak il-grupp taʼ qassisin midlukin jikkonsisti biss f’144,000. (Rivelazzjoni 7:4-8; 14:1, 3) X’ngħidu, iżda, dwar Kristjani ddedikati oħrajn illum? Issa billi qegħdin jiżdiedu fil-miljuni, dawn jifformaw “folla kbira” li wkoll trid tiġi mnaddfa minn mogħdijiet dinjin, ‘billi jaħslu lbieshom u jagħmluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf.’ (Rivelazzjoni 7:9, 14) B’hekk, billi jeżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju bħala rahan tal-Ħaruf, Kristu Ġesù, huma jistgħu jżommu waqfa nadifa quddiem Jehovah. Huma mwegħdin salvazzjoni matul it-tribulazzjoni l-kbira kollha kemm hi, il-jum taʼ Jehovah li jispira l-biżaʼ.—Sofonija 2:2, 3.
14. In-nies t’Alla llum taʼ liema kliem għandhom jagħtu kas hekk kif jibqgħu jikkultivaw il-personalità l-ġdida?
14 Flimkien mal-fdal saċerdotali, din il-folla kbira trid tagħti kas il-kliem li jmiss t’Alla: “Jien se nersaq lejkom għall-ġudizzju, u se nsir xhud għaġġiel kontra s-saħħâra, u kontra l-adulteri, u kontra dawk li qegħdin jaħilfu fil-falz, u kontra dawk li qegħdin jaġixxu bil-frodi mal-pagi taʼ ħaddiem li jitħallas il-paga, maʼ l-armla u mat-tifel bla missier, u dawk li qegħdin ikeċċu lir-resident barrani, waqt li huma ma beżgħux minni . . . Għax jien Jehovah; jien ma nbdiltx.” (Malakija 3:5, 6) Le, il-livelli taʼ Jehovah ma jinbidlux, u għalhekk fil-biżaʼ taʼ Jehovah, in-nies tiegħu llum iridu jevitaw idolatrija taʼ kull xorta u jkunu wħud li jgħidu l-verità, onesti, u ġenerużi hekk kif ikomplu jikkultivaw il-personalità Kristjana.—Kolossin 3:9-14.
15. (a) Jehovah liema stedina mimlija ħniena jestendi? (b) Kif nistgħu nevitaw li ‘nisirqu’ lil Jehovah?
15 Jehovah jestendi stedina lil kulmin setaʼ warrab mill-mogħdijiet tiegħu taʼ tjieba, billi jgħid: “Erġgħu lura lejja, u jien se nerġaʼ lura lejkom.” Jekk dawn jistaqsu: “B’liema mod se nerġgħu lura?” hu jwieġeb: “Intom qegħdin tisirquni.” U bi tweġiba għall-mistoqsija l-oħra: “B’liema mod sraqniek?” Jehovah jistqarr li serquh billi naqsu li jġibu l-aħjarnett tagħhom bħala offerti għas-servizz tiegħu tat-tempju. (Malakija 3:7, 8) Billi sirna parti mill-poplu taʼ Jehovah, għandna tabilħaqq inkunu rridu niddedikaw l-aħjar parti taʼ l-enerġiji, l-abbiltajiet, u assi materjali tagħna għas-servizz taʼ Jehovah. B’hekk, minflok ma nisirqu lil Alla, aħna ‘nibqgħu nfittxu l-ewwel is-saltna u t-tjieba tiegħu.’—Mattew 6:33.
16. Liema inkuraġġiment insibu f’Malakija 3:10-12?
16 Hemm premju grandjuż għal dawk kollha li jpoġġu l-modi materjalistiċi tad-dinja f’li jaqdu lilhom infushom warajhom, bħalma jindika Malakija 3:10-12: “‘Ittestjawni, jekk jogħġobkom, f’dan ir-rigward,’ Jehovah taʼ l-armati qal, ‘jekk inix se niftħilkom il-kanċelli taʼ l-għargħar tas-smewwiet u attwalment inbattal fuqkom barka sakemm m’hemmx iktar bżonn.’” Lil dawk kollha li japprezzaw, Jehovah iwiegħed prosperità u fertilità spiritwali. Hu jżid: “[I]l-ġnus kollha se jkollhom jippronunzjawkom henjin, għax intom infuskom se ssiru pajjiż t’għaxqa.” Ma tax dak prova li hekk sar fost il-miljuni taʼ nies grati t’Alla madwar l-art illum?
Uħud Li Jżommu L-Integrità Fil-Ktieb Tal-Ħajja
17-19. (a) It-taqlib fl-Irwanda kif effettwa lil ħutna hemmhekk? (b) Dawn l-uħud leali kollha b’liema konvinzjoni mxew ’il quddiem?
17 F’dan il-mument, nistgħu nikkummentaw dwar l-integrità taʼ ħutna rġiel u nisa fl-Irwanda. Huma dejjem ġabu l-aħjar offerti spiritwali għad-dar spiritwali taʼ qima taʼ Jehovah. Per eżempju, fil-Konvenzjoni Distrettwali tagħhom “Tagħlim Divin” f’Diċembru 1993, l-2,080 pubblikatur tagħhom tas-Saltna kellhom ħsad t’attendenza totali taʼ 4,075. Kien hemm 230 Xhud ġodda li tgħammdu, u minn dawn, kważi 150 ingaġġaw fis-servizz taʼ pijunier awżiljarju x-xahar taʼ wara.
18 Meta l-mibgħeda etnika sbroffat f’April 1994, mill-inqas 180 xhud, inkluż l-indokratur tal-belt f’Kigali, il-kapitali, u l-familja tiegħu kollha kemm hi, ġew maqtulin. Is-sitt tradutturi fl-uffiċċju tal-Watch Tower Society f’Kigali, erbgħa minnhom Hutu u tnejn Tutsi, komplew jaħdmu għal diversi ġimgħat taħt theddid qalil, sakemm it-Tutsi kellhom jaħarbu, biex jaħasra ġew maqtulin f’checkpoint. Fl-aħħarnett, billi ġarrew dak li kien baqaʼ mit-tagħmir tal-kompjuter, l-erbgħa li kien fadal ħarbu lejn Goma, fiż-Zaire, fejn komplew jittraduċu lealment The Watchtower fil-lingwa Kinjarwanda.—Isaija 54:17.
19 Dawn ix-Xhieda refuġjati, għalkemm f’ċirkostanzi estremi, dejjem talbu għal ikel spiritwali qabel ma talbu għal provvedimenti materjali. B’sagrifiċċju kbir, aħwa kollhom imħabba minn diversi pajjiżi setgħu jwasslulhom il-provisti. Permezz tal-kelma mitkellma u biż-żamma taʼ l-ordni tagħhom f’sitwazzjoni taʼ stress, dawn ir-refuġjati taw xiehda meraviljuża. Tabilħaqq komplew iġibu l-aħjar tagħhom għall-qima taʼ Jehovah. Urew konvinzjoni, bħal dik taʼ Pawlu espressa f’Rumani 14:8: “Kemm jekk ngħixu, aħna ngħixu għal Jehovah, u kemm jekk immutu, aħna mmutu għal Jehovah. Għalhekk kemm jekk ngħixu u kemm jekk immutu, aħna nappartjenu lil Jehovah.”
20, 21. (a) L-ismijiet taʼ min m’humiex miktubin fil-ktieb taʼ tfakkira taʼ Jehovah? (b) L-ismijiet taʼ min jidhru fil-ktieb, u għala?
20 Jehovah iżomm rekord taʼ dawk kollha li jaqduh bl-integrità. Il-profezija taʼ Malakija tkompli: “F’dak iż-żmien dawk fil-biżaʼ taʼ Jehovah tkellmu maʼ xulxin, kull wieħed maʼ sieħbu, u Jehovah qagħad jagħti kas u jagħti widen. U ktieb taʼ tfakkira beda jinkiteb quddiemu għal dawk fil-biżaʼ taʼ Jehovah u għal dawk li kienu qegħdin jaħsbu fuq ismu.”—Malakija 3:16.
21 Kemm huwa importanti llum li aħna nuru biżaʼ t’Alla f’li nonoraw isem Jehovah! Billi nagħmlu hekk, m’aħniex se nsofru ġudizzju kontra tagħna, bħalma se jagħmlu dawk li b’ammirazzjoni jappoġġjaw lis-sistemi taʼ did-dinja. Rivelazzjoni 17:8 jirrakkonta li “ismijiethom ma ġewx miktubin fuq ir-romblu tal-ħajja.” Loġikament, l-isem li jispikka miktub fil-ktieb tal-ħajja taʼ Jehovah huwa dak taʼ l-Aġent Ewlieni tal-ħajja, l-Iben t’Alla stess, Ġesù Kristu. Mattew 12:21 jiddikjara: “Tabilħaqq, f’ismu ġnus se jittamaw.” Is-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù jiggarantixxi ħajja taʼ dejjem għal dawk kollha li jeżerċitaw fidi f’dan. Xi privileġġ huwa dan li jkollna l-ismijiet individwali tagħna miżjudin maʼ isem Ġesù f’dak ir-romblu!
22. Liema distinzjoni se tkun tidher meta Jehovah jesegwixxi ġudizzju?
22 Il-qaddejja t’Alla kif se jkampaw fil-ġudizzju? Jehovah iwieġeb f’Malakija 3:17, 18: “Se nuri mogħdrija lejhom, sewwa sew bħalma raġel juri mogħdrija lejn ibnu li qiegħed jaqdih. U intom ċertament li se taraw mill-ġdid id-distinzjoni bejn wieħed twajjeb u wieħed mill-agħar, bejn wieħed li qiegħed jaqdi lil Alla u wieħed li ma qdiehx.” Il-firda se tkun ċara għal kulħadd: dawk mill-agħar, isseparati għal qtugħ taʼ dejjem, u t-twajbin, approvati għal ħajja taʼ dejjem fil-qasam tas-Saltna. (Mattew 25:31-46) B’hekk folla kbira taʼ persuni bħal ngħaġ se jsalvaw mill-jum kbir taʼ Jehovah li jispira l-biżaʼ. (w95 4/15)
Tiftakar Int?
◻ Jehovah liema ġudizzji esegwixxa fi żminijiet Bibliċi?
◻ Il-kundizzjonijiet illum kif inhuma paralleli maʼ dawk taʼ żmien l-antik?
◻ Liema purifikar seħħ bi twettieq tal-profezija taʼ Malakija?
◻ L-ismijiet taʼ min huma miktubin fil-ktieb taʼ tfakkira t’Alla?