Kapitlu Erbatax
“Xita taʼ Barkiet Sakemm Ma Jkun Jonqoskom Xejn Iktar”
1, 2. (a) Kull wieħed minna liema għażliet taʼ ġid jistaʼ jagħmel? (b) It-twettiq taʼ liema profezija għandu effett fuq il-barkiet li nistgħu ngawdu?
AĦNA qed ngħixu fi żmien taʼ ġudizzju u taʼ barkiet. Dan hu perijodu taʼ taħsir reliġjuż u taʼ tiġdid spiritwali. Żgur li int trid il-barkiet kif ukoll l-effetti tajbin tal-preżent u tal-futur tat-tiġdid spiritwali! Imma kif tistaʼ tkun ċert li jkollok dawn l-affarijiet? Ir-risposta tinvolvi profezija li kellha t-twettiq ewlieni tagħha ftit wara li bdew “l-aħħar jiem” fl-1914. (2 Timotju 3:1) Malakija bassar: “‘Jiġi fit-tempju Tiegħu l-Mulej il-veru [Ġeħova], li lilu qegħdin tfittxu, u jiġi l-messaġġier tal-patt li bih titgħaxxqu. Ara! Jiġi żgur,’ qal Ġeħova taʼ l-armati.”—Malakija 3:1.
2 Din il-profezija li għandha sinifikat kruċjali għal ħajtek tinsab fl-aħħar wieħed mit-12-il ktieb profetiku. Hekk kif nikkonkludu d-diskussjoni tagħna dwarhom, dak li kiteb Malakija hu taʼ importanza partikulari. Il-ktieb tiegħu jinkludi istruzzjoni vitali li tippermetti lilek u lil qaddejja oħrajn taʼ Ġeħova biex tirċievu “xita taʼ barkiet sakemm ma jkun jonqoskom xejn iktar.” (Malakija 3:10) Ejja nħarsu iktar mill-qrib lejn kapitlu 3 tal-ktieb taʼ Malakija.
IŻ-ŻMIEN GĦAL TINDIF SPIRITWALI
3. Liema żvilupp fost il-poplu li Alla kellu fil-qedem wassal biex jintgħażel “l-Israel t’Alla”?
3 Xi ħames sekli wara żmien Malakija, Ġeħova, rappreżentat minn Kristu (“messaġġier [t’Alla] tal-patt [Abrahamiku]”), ġie fit-tempju letterali f’Ġerusalemm biex jiġġudika lill-poplu li kien f’patt Miegħu. B’mod ġenerali, dak il-ġens kien wera li ma jistħoqqlux il-favur kontinwu, u għalhekk Ġeħova ċaħdu. (Mattew 23:37, 38) Int tistaʼ tara prova taʼ dan f’dak li seħħ fis-sena 70 E.K. Tistaʼ tkun daqstant ċert li Alla għażel, minflok “l-Israel t’Alla,” ġens spiritwali taʼ 144,000 li ttieħdu mill-ġnus kollha. (Galatin 6:16; Rumani 3:25, 26) Madankollu, dan ma kienx l-aħħar twettiq tal-profezija taʼ Malakija. Din tipponta wkoll lejn żmienna u għandha effett dirett fuq il-prospetti futuri li jkollok ‘xita taʼ barkiet sakemm ma jkun jonqsok xejn iktar.’
4. X’kellu bżonn jitwieġeb wara li Ġesù sar sultan fl-1914?
4 It-twettiq tal-profezija Biblika jikkonferma li fl-1914, Ġesù Kristu sar is-Sultan tas-Saltna tas-sema taʼ Ġeħova. Imbagħad wasal iż-żmien għal Ġesù biex jidentifika grupp taʼ Kristjani li kien jistħoqqilhom l-approvazzjoni divina. Min kien se jgħaddi mit-test tas-safa spiritwali? Tistaʼ ssib it-tweġiba indikata fil-kliem taʼ Malakija: “Min se jissaporti jum il-miġja tiegħu, u min se jiflaħ jieqaf meta jidher hu? Għax se jkun bħan-nar tar-raffinatur.” (Malakija 3:2) Ġeħova meta u kif ġie fit-“tempju” tiegħu għal ġudizzju?
5, 6. (a) Meta Ġeħova ġie fit-tempju spiritwali tiegħu biex jispezzjona, x’sab fost il-maġġuranza minn dawk li jgħidu li huma aduraturi? (b) Il-qaddejja midlukin bl-ispirtu t’Alla x’kellhom bżonn?
5 Ovvjament, Alla ma ġiex f’tempju magħmul mill-ġebel. L-aħħar tempju letterali għall-qima vera kien ġie meqrud fis-sena 70 E.K. Minflok, Ġeħova ġie f’tempju spiritwali, l-arranġament li bih il-bnedmin jistgħu jersqu lejh u jqimuh fuq il-bażi tas-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Ġesù. (Ebrej 9:2-10, 23-28) Il-knejjes tal-Kristjaneżmu żgur li ma kinux jifformaw dan it-tempju spiritwali, għax kienu parti minn sistema reliġjuża ħatja taʼ tixrid taʼ demm u żína spiritwali, sistema li ppromwoviet it-tagħlim falz minflok il-qima pura. Ġeħova sar “xhud ħafif kontra” dawn, u int taf li l-ġudizzju tiegħu kontrihom kien ġust. (Malakija 3:5) Madankollu, wara li ġiet stabbilita s-Saltna t’Alla, kien hemm grupp taʼ Kristjani veri jaqdu fil-btieħi tat-tempju spiritwali t’Alla li wrew il-lealtà tagħhom lejn Alla meta għaddew minn provi ħorox. Minkejja dan, anki dawn il-midlukin kellhom bżonn jiġu purifikati xi ftit. Il-kitbiet tat-12-il profeta indikaw dan, għax fihom wegħdi li jqawwu l-qalb taʼ tiġdid spiritwali u fiżiku fost il-qaddejja t’Alla. Malakija bassar li kellu jkun hemm poplu li Ġeħova kien se ‘jsaffih bħad-deheb u bħall-fidda.’ Dawn kellhom “isiru għal Ġeħova nies li qed jippreżentaw offerta bħala għotja bis-sewwa.”—Malakija 3:3.
6 Skond evidenza sostanzjali li għandna disponibbli, mill-1918 ’l hawn Ġeħova pprovda t-tindif meħtieġ għall-Kristjani midlukin u ppurifika l-qima, il-prattiki, u d-duttrini tagħhom.a Huma u l-“folla kbira” li iktar tard issieħbet magħhom ibbenefikaw ħafna. (Rivelazzjoni 7:9) Bħala grupp magħqud, huma jkomplu jippreżentaw “offerta bħala għotja bis-sewwa” li “togħġob lil Ġeħova.”—Malakija 3:3, 4.
7. X’nistgħu nistaqsu b’mod xieraq lilna nfusna dwar ir-reputazzjoni tagħna m’Alla?
7 Dan huwa minnu dwar il-poplu t’Alla kollu kemm hu, imma x’ngħidu dwar kull wieħed minna individwalment? Forsi tistaqsi: ‘Hemm xi aspetti taʼ l-attitudni u l-aġir tiegħi li għadhom jeħtieġu l-irfinar? Għad għandi bżonn nirfina l-kondotta tiegħi, saħansitra bħalma Ġeħova rfina l-midlukin tiegħu?’ Aħna rajna qabel li t-12-il profeta enfasizzaw ħarsiet u kondotta negattivi kif ukoll karatteristiki u għemejjel pożittivi. Dak li għamlu huma għamilha possibbli għalik li tkun taf “x’qed jitlob minnek” Ġeħova. (Mikea 6:8) Innota l-kelma “minnek.” Din tenfasizza għala kull wieħed minna għandu jiċċekkja jekk għandux bżonn jagħmel iktar irfinar jew tindif persunali.
“GĦADDUNI MINN PROVA, JEKK JOGĦĠOBKOM”
8. Ġeħova liema stedina ta lill-poplu tiegħu?
8 Ikkunsidra xi jkompli jgħid Ġeħova permezz taʼ Malakija f’kapitlu 3, vers 10. Hemmhekk issib din l-istedina kordjali: “‘Ġibu l-għexur kollha fil-maħżen, biex ikun hemm l-ikel f’dari; u għadduni minn prova, jekk jogħġobkom, f’dan ir-rigward,’ qal Ġeħova taʼ l-armati, ‘u taraw jekk iniex se niftħilkom bwieb l-għargħar tas-smewwiet u nitfaʼ fuqkom xita taʼ barkiet sakemm ma jkun jonqoskom xejn iktar.’” Din l-offerta tingħata lin-nies t’Alla bħala grupp. Tħoss int li din hi wkoll stedina persunali għalik?
9. Liema tip t’offerti u għexur tistaʼ tippreżentalu lil Ġeħova?
9 Kif tistaʼ tagħti “l-għexur” tiegħek lil Ġeħova? M’għandniex xi ngħidu, m’intix obbligat tippreżenta offerti u għexur letterali, bħal dawk preskritti fil-Liġi. Alla issa jistenna offerti spiritwali. Kif iddiskutejna fil-kapitlu taʼ qabel dan, Pawlu ddeskriva x-xogħol taʼ l-għoti taʼ xiehda tiegħek bħala offerta. (Ħosea 14:2) L-appostlu mbagħad semma tip ieħor taʼ sagrifiċċju meta kiteb: “Tinsewx tagħmlu l-ġid u taqsmu m’oħrajn [l-affarijiet materjali], għax sagrifiċċji bħal dawn jogħġbu ħafna lil Alla.” (Ebrej 13:15, 16) B’hekk, huwa ovvju li “l-għexur” imsemmijin f’Malakija 3:10 jirrappreżentaw offerti spiritwali u materjali. Bħala Kristjan mgħammed, int dedikat bis-sħiħ lil Ġeħova, imma l-għexur tiegħek jirrappreżentaw is-sehem minn dak li hu tiegħek u li tistaʼ tagħtih lil Ġeħova, jew tużah fis-servizz tiegħu. Dan is-sehem jinkludi l-ħin, l-enerġija, ir-riżorsi, u l-kontribuzzjonijiet materjali li int tagħmilhom disponibbli biex jintużaw fis-servizz taʼ Ġeħova.
10. F’liema sens tistaʼ ‘tgħaddi lil Ġeħova minn prova’ b’mod xieraq?
10 Kemm hu xieraq li toffri dawn l-għexur simboliċi lil Ġeħova b’sentimenti taʼ devozzjoni u mħabba! Hu involut ukoll sens t’urġenza. Int tirrealizza li l-jum il-kbir taʼ Ġeħova riesaq bl-għaġla u “jqanqal biżaʼ kbir.” (Ġoel 2:1, 2, 11) Hemm il-ħajjiet fin-nofs. Alla jagħti stedina li int tistaʼ twieġeb għaliha personalment. Ġeħova jitolbok ‘tgħaddih minn prova.’ M’għandniex xi ngħidu, ebda bniedem umli m’għandu jissogra jgħaddi lil Ġeħova minn prova bħallikieku Alla kien xi wieħed li ma tistax tafdah. (Ebrej 3:8-10) Imma tistaʼ tgħaddih minn prova umilment f’sens xieraq. Kif? Hu wiegħed xita taʼ barkiet. Meta tobdih tkun qed tgħaddi lil Alla minn prova, bħallikieku qed tistaqsi ‘Se jberikni?’ Bi tweġiba, hu jqiegħed lilu nnifsu taħt obbligu li jagħmel hekk, u b’hekk iżomm il-wegħda tiegħu. Għalhekk, il-fatt li Alla jħallik ‘tgħaddih minn prova’ jsaħħaħ il-konvinzjoni tiegħek li se jbierkek bl-abbundanza.
11, 12. Liema barkiet mingħand Ġeħova fuq in-nies tiegħu rajt b’għajnejk stess?
11 Int tistaʼ tara li n-nies taʼ Ġeħova għamlu offerti materjali u sagrifiċċji spiritwali ġenerużi. U Ġeħova sawwab ‘xita taʼ barkiet sakemm ma jkun jonqoshom xejn iktar.’ Forsi osservajt dawk il-barkiet jissawbu fuq in-nies t’Alla, kif jidher mit-tkabbir drammatiku li gawdew ix-Xhieda taʼ Ġeħova minn kmieni fis-seklu 20 sa żmienna. Rajt ukoll żjieda ċara fl-abbiltà li jifhmu “l-affarijiet profondi t’Alla.” (1 Korintin 2:10; Proverbji 4:18) Iżda, aħseb ftit dwar dan minn angolu ieħor: Kif ġejt effettwat personalment?
12 Forsi darba kont membru taʼ xi knisja, jew kont wieħed li għadek kif bdejt tattendi l-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova. F’dak il-punt, kemm fhimt mill-veritajiet bażiċi tal-Bibbja? Issa agħmel kuntrast bejn dan u bejn dak li tgħallimt minn dakinhar ’l hawn u li tistaʼ tagħti prova tiegħu direttament mill-Iskrittura. Jew aħseb dwar l-affarijiet iktar profondi li sirt tifhimhom, inkluż profeziji li qed jitwettqu issa. U qis il-progress tiegħek fl-applikar taʼ ċerti siltiet Bibliċi f’aspetti prattiċi tal-ħajja. Kemm imxejt ’il quddiem! Fil-każ tiegħek, tistaʼ tgħid, kif għamel l-appostlu Pietru: “Għandna l-kelma profetika magħmula iktar ċerta.” (2 Pietru 1:19) Il-punt hu: Int ġejt ‘mgħallem minn Ġeħova’ personalment u qiegħed fost nies li jipprattikaw il-Kristjanità taʼ veru u li jridu jaqdu lil Ġeħova għal dejjem. (Isaija 54:13) Diġà tistaʼ tgħid b’mod validu li bierkek bil-kbir.
ISMEK FIL-KTIEB TAL-ĦAJJA
13. Kif inhu possibbli li isem dak li jkun jitniżżel fil-ktieb tat-tifkira t’Alla?
13 Issib iktar barkiet mingħand Ġeħova msemmijin f’Malakija 3:16: “Dak iż-żmien dawk li kellhom il-biżaʼ taʼ Ġeħova tkellmu bejniethom, kull wieħed maʼ sieħbu, u Ġeħova ta kas u qagħad jismaʼ. U ktieb it-tifkira beda jinkiteb quddiemu dwar dawk li għandhom il-biżaʼ taʼ Ġeħova u dwar dawk li jaħsbu fuq ismu.” Kemm il-midlukin u kemm dawk tal-folla kbira juru dan “il-biżaʼ taʼ Ġeħova” b’qima kbira. Ma tqisux int bħala privileġġ li tkun wieħed jew waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, parti minn poplu hieni li jaħseb fuq isem Ġeħova u jigglorifikah globalment? Kemm tistaʼ tkun kuntent personalment, minħabba li għandek l-assiguranza li Ġeħova jiftakar fil-fedeltà tiegħek!—Ebrej 6:10.
14. It-12-il profeta kif għenuk tara liema attitudnijiet u prattiki jistmerr Ġeħova?
14 Madankollu, kif tistaʼ tikkwalifika bħala individwu biex ikollok ismek inkluż f’dak ‘il-ktieb tat-tifkira,’ li saħansitra issa qed jinkiteb quddiem Ġeħova? Ftakar ftit mill-pariri għaqlin li sibna fil-kotba tat-12-il profeta. Sirna nafu liema huma l-kondotta, il-kwalitajiet, u l-attitudnijiet li ma jogħġbux lil Ġeħova. Per eżempju, il-profeti ġibdulna l-attenzjoni lejn prattiki li Alla jgħid li huma f’konflitt mal-livelli ġusti tiegħu u jistgħu jirrovinawlna ħajjitna, bħalma huma l-“kondotta laxka” u “l-ispirtu taż-żína.” (Ħosea 4:12; 6:9) Alla jistmerr lil dawk li jittrattaw lis-sieħeb jew lis-sieħba tagħhom fiż-żwieġ bil-qerq jew, b’mod iktar estensiv, lil membri oħrajn tal-familja. (Malakija 2:15, 16) Ġeħova nebbaħ lill-profeti biex jenfasizzaw li ma jiħux pjaċir bil-vjolenza, fi kwalunkwe forma tagħha. (Għamos 3:10) Hu bl-istess mod inkarigahom jenfasizzaw il-ħtieġa li jevitaw l-inġustizzja jew id-diżonestà fin-negozju u fil-kuntatti finanzjarji. (Għamos 5:24; Malakija 3:5) U t-12-il ktieb enfasizzaw kemm hu importanti li l-irġiel li huma fdati bl-awtorità ma jħallux il-ġudizzju tagħhom jiċċajpar minħabba l-parzjalità jew l-interessi egoistiċi.—Mikea 7:3, 4.
15. X’inhuma xi benefiċċji mill-aħjar li se tirċievi jekk issegwi t-twissijiet tat-12-il profeta?
15 Iżda, il-profeti għamlu iktar milli ġibdulna l-attenzjoni lejn l-affarijiet li jmissna nevitaw. Huma ġibdu l-attenzjoni għall-benefiċċji li nistgħu ngawdu billi nappoġġaw il-livelli t’Alla. Ir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova tkun iktar intima. (Mikea 4:5) Il-kongregazzjoni tagħna tkun iktar stabbli u attiva meta s-sewwa jiffjorixxi. Iż-żwieġ tagħna jissaħħaħ, u l-familja tagħna tkun iktar magħquda, iktar iffokata fuq affarijiet spiritwali. (Ħosea 2:19; 11:4) Billi naġixxu bil-ġustizzja u bl-onestà, niksbu r-rispett taʼ ħaddieħor. Biex nimitaw il-ħniena taʼ Ġeħova, irridu nuru l-mogħdrija u l-qalb tajba bl-imħabba u dawn mill-banda l-oħra jintwerew magħna minn ħutna rġiel u nisa. (Mikea 7:18, 19) Iva, se nkunu mdawrin b’nies spiritwali, aħwa rġiel u nisa li jħobbu l-verità u s-sliem, u fuq kollox, inkunu ksibna l-ħbiberija taʼ Ġeħova. (Żakkarija 8:16, 19) Ma taqbilx int li dawn il-barkiet diġà qed tesperjenzahom?
16. Illum, liema distinzjoni hi evidenti, u x’se tkun tfisser fil-jum li Ġeħova jagħmel ġudizzju?
16 Minħabba dak li għadna kif ikkunsidrajna, hu tassew minnu li “d-distinzjoni bejn bniedem sewwa u wieħed mill-agħar”—bejn Kristjani veri u dawk foloz—hi iktar ċara minn qatt qabel. (Malakija 3:18) Aħna qed nistinkaw biex ngħixu skond il-livelli taʼ Ġeħova waqt li d-dinja in ġenerali nieżla dejjem iktar ’l isfel fil-ħama taʼ dawk li jiċħdu lil Alla. U int taf li din id-differenza se jkollha konsegwenzi serji meta jasal “il-jum il-kbir taʼ Ġeħova.”—Sofonija 1:14; Mattew 25:46.
17. Fil-futur, kif tkun tistaʼ tuża t-tagħrif li hemm f’dan il-ktieb?
17 Allura, huwa ċar li l-pariri tat-12-il profeta huma dejjiema. Hekk kif tiffaċċja sfidi jew deċiżjonijiet speċifiċi, ninkuraġġuk tirrivedi t-tagħrif prattiku preżentat fil-kapitli taʼ dan il-ktieb. B’hekk, tkun tistaʼ turi x-xewqa kontinwa tiegħek li tiġi mgħallem timxi fit-triqat taʼ Ġeħova u “fil-mogħdijiet tiegħu.” (Mikea 4:2) Madankollu, mhux fil-preżent biss għandek timxi b’dan il-mod. Ix-xewqa ħerqana tiegħek hi li jkollok ismek miktub fi ktieb it-tifkira taʼ Ġeħova għal dejjem, mhux hekk? Il-kotba tat-12-il profeta jistgħu jgħinuk tilħaq dan l-għan.
IL-FIDI TWASSAL GĦAS-SALVAZZJONI
18. Liema ħtieġa vitali ssib f’Ġoel 2:32, u l-appostlu Pawlu x’żied maʼ din il-ħtieġa?
18 Biex jenfasizza fattur ewlieni li jistaʼ jġiblek l-approvazzjoni dejjiema t’Alla, Ġoel stqarr: “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jsalva.” (Ġoel 2:32) Żewġ appostli, Pietru u Pawlu, ikkwotaw din il-ħtieġa vitali. (Atti 2:21; Rumani 10:13) Pawlu żied aspett ieħor maʼ din it-twissija meta staqsa: “Kif se jsejħu lil dak li ma poġġewx il-fidi fih? (Rumani 10:14) Inkwantu għalik, żgur li trid issejjaħ isem Ġeħova u teżerċita l-fidi fih issa u għal dejjem!
19. X’jinvolvi li ssejjaħ isem Ġeħova?
19 Il-fatt li ssejjaħ isem Ġeħova jinvolvi iktar milli sempliċement tkun taf u tuża l-isem persunali t’Alla. (Isaija 1:15) Il-kuntest f’Ġoel 2:32 jenfasizza l-indiema vera u l-fiduċja fil-maħfra taʼ Ġeħova. (Ġoel 2:12, 13) Il-fatt li nsejħu isem Alla jimplika li verament insiru nafuh, nafdawh, nobduh, u nagħtuh l-ewwel post f’ħajjitna. Iva, il-prijorità ewlenija tagħna tkun li naqdu lil Ġeħova. Mill-banda l-oħra, li nagħmlu dan se jikkontribwixxi bil-kbir għal ħajja sodisfaċenti u dejjiema, li hi barka mingħand Alla.—Mattew 6:33.
20. Waqt li teżerċita l-fidi, liema premju meraviljuż isir possibbli?
20 Ġeħova stqarr permezz taʼ Ħabakkuk: “Imma l-ġust permezz tal-fedeltà tiegħu jibqaʼ jgħix.” (Ħabakkuk 2:4) Kun ċert li ddaħħal dan il-kliem profondament f’moħħok u f’qalbek. Din hi waħda mill-veritajiet ċentrali tal-Bibbja. Pawlu rrefera għal din l-iskrittura tliet darbiet fil-kitbiet ispirati tiegħu.b (Rumani 1:16, 17; Galatin 3:11, 14; Ebrej 10:38) Din il-verità tirrikjedi minnek li teżerċita l-fidi fis-sagrifiċċju li Ġesù Kristu offra għal dnubietna. Ġesù spjega: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih . . . ikollu l-ħajja taʼ dejjem.” Naqraw ukoll: “Min jeżerċita l-fidi fl-Iben għandu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16, 36) Dan is-sagrifiċċju jipprovdi fejqan li l-Feddej tagħna biss jistaʼ joffrih. Wara li niżżel bil-miktub l-istqarrija taʼ Ġeħova dwar dak li l-jum il-kbir Tiegħu se jagħmel lid-dinja mill-agħar taʼ Satana, Malakija kompla: “Għalikom li għandkom il-biżaʼ taʼ ismi se tiddi x-xemx tas-sewwa, bil-fejqan fir-raġġi tagħha.” Iva, Ġesù se jiddi bil-fejqan. Dan jinvolvi l-fejqan spiritwali li nesperjenzaw issa. Madankollu, kemm hu kommoventi li tkun taf li dan se jestendi għall-fejqan fiżiku sħiħ fid-dinja l-ġdida!—Malakija 4:2.
21. Għala jistaʼ jkollok il-fidi fl-abbiltà taʼ Ġeħova li jwettaq ir-rieda tiegħu?
21 Hu vitali wkoll li tpoġġi l-fidi fl-abbiltà t’Alla li jwettaq ir-rieda tiegħu. Fi żmien Mikea, kien diffiċli li jafdaw lil bnedmin sħabhom. Il-profeta kiteb: “Tpoġġux il-fidi tagħkom f’xi sieħeb. Tpoġġux il-fiduċja tagħkom f’xi ħabib tal-qalb.” Madankollu, Mikea ma kellux problema biex jafda f’Ġeħova; u lanqas int m’għandu jkollok problema. Mikea stqarr: “Imma jien lil Ġeħova nibqaʼ nfittex.” (Mikea 7:5, 7) Kuntrarju għal bnedmin li ma tistax tobsor x’se jagħmlu, Ġeħova għandu r-rieda u l-qawwa li jwettaq l-iskop tiegħu għall-ivvindikar tas-sovranità tiegħu u għall-ġid dejjiemi tan-nies taʼ fidi.
22. Liema riżultat jistgħu jesperjenzaw dawk li jsejħu isem Ġeħova bil-fidi?
22 Int tistaʼ tidwi b’fiduċja l-kliem taʼ Ħabakkuk: “Se nifraħ b’Ġeħova; jien se nithenna bl-Alla tas-salvazzjoni tiegħi.” (Ħabakkuk 3:18) Il-profeta Ġoel jurina biċ-ċar raġuni għall-ferħ min-naħa taʼ dawk li jsejħu isem Ġeħova bil-fidi: Huma “jsalvaw” jew, kif ipoġġiha Pawlu, ‘jiġu salvati.’ (Ġoel 2:32; Rumani 10:13) Issalva, jew tiġi salvat, f’liema sens? Il-fatt li teżerċita l-fidi diġà salvak mill-makakkeriji taʼ Satana u mill-ħafna esperjenzi taʼ wġigħ li jridu jiffaċċjaw in-nies mill-agħar. (1 Pietru 1:18) Iżda, iktar minn hekk, int tistaʼ tħares ’il quddiem bil-fiduċja lejn li ssalva mit-tmiem katastrofiku taʼ din is-sistema dinjija mill-agħar. Dan se jiftaħlek it-triq biex tgawdi ħafna u ħafna barkiet li kienu mbassrin mit-12-il profeta.
LEMĦIET TAL-ĠENNA TAʼ L-ART
23, 24. (a) X’inhuma xi lemħiet tal-Ġenna taʼ l-art li tawna t-12-il profeta? (b) Kif ġiet effettwata l-ħarsa tiegħek lejn il-futur minn dak li kitbu t-12-il profeta?
23 Hemm barkiet dejjiema maħżunin għal dawk “li għandhom il-biżaʼ taʼ Ġeħova.” (Malakija 3:16) Xi wħud mit-12-il profeta pprovdew lemħiet ċari tal-Ġenna taʼ l-art li qiegħda eżatt quddiemna, deskrizzjonijiet li jistgħu jimlewk bil-ferħ u bl-antiċipazzjoni. Per eżempju, Mikea kiteb: “Joqogħdu bil-qiegħda, kull wieħed taħt id-dielja tiegħu u taħt is-siġra tat-tin tiegħu, u ma jkunx hemm min ibeżżagħhom.” (Mikea 4:4) Verament, taħt is-Saltna t’Alla, int se tkun fis-sigurtà u taħsad il-frott tal-ħidma tiegħek!
24 M’hijiex sempliċi ħolma għalik li tħares ’il quddiem lejn it-tmiem tal-mard, tan-niket, u saħansitra tal-mewt. Immaġina l-ferħ li se jkollhom dawk li jitqajmu lura għall-ħajja bil-prospett li jaslu għall-perfezzjoni umana! Huma se jesperjenzaw fl-iktar sens sħiħ fuq l-art dak li jindika Ħosea 13:14: “Minn taħt idejn il-Qabar se nifdihom; mill-mewt se nġibhom lura. Fejn hu t-tingiż tiegħek, O Mewt? Fejn hi s-setgħa qerrieda tiegħek, O Qabar?” Pawlu applika dan il-vers għall-irxoxt fis-sema.—1 Korintin 15:55-57.
25. X’sentimenti se jkollok fid-dinja l-ġdida?
25 M’għandux ikun diffiċli wisq biex temmen li se jkun hemm irxoxt fuq l-art. (Żakkarija 8:6) Meta Għamos u Mikea bassru li l-poplu t’Alla kellu jerġaʼ lura mill-eżilju, dan għandu mnejn kien jidher diffiċli biex jitwemmen. Madankollu, int taf li dan seħħ. (Għamos 9:14, 15; Mikea 2:12; 4:1-7) Dawk li reġgħu lura wieġbu: “Aħna sirna qisna wħud qed joħolmu. F’dak iż-żmien fommna mtela bid-daħq, u lsienna b’għajat ferrieħi. . . . Ġeħova għamel ħaġa kbira f’dak li għamel magħna. Aħna fraħna.” (Salm 126:1-3) Hekk se tħossok fid-dinja l-ġdida meta tesperjenza ‘xita taʼ barkiet sakemm ma jkun jonqsok xejn iktar.’
26. X’hemm jistenna lil dawk li jgħixu bil-jum taʼ Ġeħova f’moħħhom?
26 Wara li “jum Ġeħova” jnaddaf l-art mill-ħażen, “is-saltna ssir taʼ Ġeħova” f’sens iktar sħiħ. (Għobadija 15, 21) Ma tkunx din barka meraviljuża għas-sudditi kollha tiegħu fuq l-art? U int tistaʼ tkun fost dawk li għalihom japplika l-kliem taʼ Malakija kapitlu 3: “‘Isiru tiegħi,’ qal Ġeħova taʼ l-armati, . . . ‘U nagħdirhom, sewwasew bħalma raġel jagħder lil ibnu li jaqdih.’” (Malakija 3:17) B’mod ċar, il-fedeltà tiegħek, li issa tagħmilhielek possibbli li tiġi salvat, imbagħad tiftaħlek ‘xita taʼ barkiet sakemm ma jkun jonqsok xejn iktar.’ Xi prospett meraviljuż!
[Noti taʼ taħt]
a Għal iktar tagħrif, ara It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Settembru, 1987, paġni 14-20.
b Pawlu kkwota mis-Settanta Griega, fejn il-kliem hu mpoġġi ftit differenti mill-Ebrajk.
KIF ĠEJT EFFETTWAT?
• Kif ibbenefikajt mit-tindif spiritwali tan-nies taʼ Ġeħova fi żmienna?—Danjel 12:10; Malakija 3:12.
• Għala trid int li żżid is-sagrifiċċji li toffri lil Alla?—Ħosea 14:2; 1 Pietru 2:5.
GĦIX BIL-JUM TAʼ ĠEĦOVA F’MOĦĦOK
• Għala tħoss li hu vitali li żżomm f’moħħok Ħabakkuk 2:4?—Ħosea 2:18, 20.
• It-12-il profeta kif kabbru l-istennijiet tiegħek għad-dinja l-ġdida? —Salm 126:1-3.
• Għala int determinat li tgħix bil-jum taʼ Ġeħova f’moħħok?—Ġoel 2:1, 2; Ħabakkuk 2:2, 3.
[Stampa f’paġna 180, 181]
Ġeħova kien u għadu qed jirfina lill-poplu tiegħu bħala grupp. Għadna aħna neħtieġu xi rfinar individwalment?
[Stampa f’paġna 187]
Ġoel
[Stampi f’paġna 188, 189]
Il-qaddejja taʼ Ġeħova huma mdawrin b’dawk li jħobbu l-verità u l-ġustizzja