ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 25
Tfixklux lil “Dawn iċ-Ċkejknin”
“Tistmerrux lil xi wieħed minn dawn iċ-ċkejknin.”—MT. 18:10.
GĦANJA 113 Is-sliem li għandna
ĦARSA BIL-QUDDIEMa
1. Ġeħova x’għamel lil kull wieħed u waħda minna?
ĠEĦOVA ġibed lil kull wieħed u waħda minna lejh. (Ġw. 6:44) Aħseb ftit xi jfisser dan. Waqt li Ġeħova kien qed jeżamina lil biljuni taʼ nies li hawn fid-dinja, hu ra xi ħaġa prezzjuża fik—qalb sinċiera li tistaʼ ssir tħobbu. (1 Kron. 28:9) Ġeħova jafek sew, jifhmek, u jħobbok. Kemm hu inkuraġġanti dan il-ħsieb!
2. Ġesù kif għenna nifhmu kemm Ġeħova jimpurtah minna?
2 Ġeħova jimpurtah ħafna minnek u hu jinteressah ukoll minn ħutek il-Kristjani. Biex jgħinna nifhmu dan, Ġesù qabbel lil Ġeħova maʼ ragħaj. Meta ragħaj ikollu mitt nagħġa u tintilef waħda minnhom x’jagħmel? Hu ‘jħalli lid-disgħa u disgħin fuq il-muntanji u jitlaq ifittex lil dik li ntilfitlu.’ Meta jsib lil dik in-nagħġa li tkun intilfet ma jirrabjax magħha, anzi jieħu pjaċir. X’nitgħallmu minn dan? Kull nagħġa hi importanti għal Ġeħova. Ġesù qal: “Missieri li hu fis-sema ma jridx li jinqered wieħed minn dawn iċ-ċkejknin.”—Mt. 18:12-14.
3. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
3 Aħna żgur li qatt ma rridu li niskuraġġixxu lil xi ħadd minn ħutna. Kif nistgħu nevitaw li nfixklu lil xi ħadd? U x’nistgħu nagħmlu jekk xi ħadd iweġġagħna? Se nwieġbu dawn il-mistoqsijiet matul dan l-artiklu. Imma l-ewwel se nitgħallmu iktar dwar “dawn iċ-ċkejknin” li jissemmew f’Mattew kapitlu 18.
MIN HUMA “DAWN IĊ-ĊKEJKNIN”?
4. Min huma “dawn iċ-ċkejknin”?
4 “Dawn iċ-ċkejknin” huma d-dixxipli taʼ kull età li għandu Ġesù. Huma “bħal tfal żgħar” għax huma jixtiequ jitgħallmu minnu. (Mt. 18:3) Minkejja li għandhom kulturi, backgrounds, u personalitajiet differenti, huma kollha għandhom il-fidi fi Kristu u hu jħobbhom ħafna.—Mt. 18:6; Ġw. 1:12.
5. Ġeħova kif iħossu meta persuna tfixkel jew tweġġaʼ lil xi ħadd mill-poplu tiegħu?
5 “Dawn iċ-ċkejknin” kollha huma prezzjużi għal Ġeħova. Biex nifhmu kif iħossu, aħseb ftit dwar kif inħossuna aħna dwar it-tfal. Huma prezzjużi għalina. Minħabba li mhumiex b’saħħithom, m’għandhomx esperjenza, u huma innoċenti, aħna nkunu rridu nipproteġuhom. Aħna ma nieħdu pjaċir naraw lil ħadd iweġġaʼ, imma meta naraw it-tfal ibatu, jiddispjaċina iktar u x’aktarx inħossuna rrabjati wkoll. Bl-istess mod, Ġeħova jrid jipproteġina, u meta xi ħadd ifixkilna jew iweġġagħna, Ġeħova jiddispjaċih u jirrabja wkoll.—Is. 63:9; Mk. 9:42.
6. Skont l-1 Korintin 1:26-29, in-nies fid-dinja kif iqisu lid-dixxipli taʼ Ġesù?
6 B’liema mod ieħor id-dixxipli taʼ Ġesù huma bħal tfal “ċkejknin”? Aħseb ftit, id-dinja lil min tqis importanti? Lin-nies sinjuri, famużi, u li għandhom il-poter. Imma d-dixxipli taʼ Ġesù mhumiex hekk. Għalhekk, in-nies fid-dinja jaħsbu li dawn mhumiex importanti, bħallikieku huma “ċkejknin.” (Aqra l-1 Korintin 1:26-29.) Imma Ġeħova ma jqishomx b’dan il-mod.
7. Ġeħova kif iridna nqisuhom lil ħutna?
7 Ġeħova jħobb lill-qaddejja kollha tiegħu, sew jekk ilhom jaqduh għal ħafna snin u sew jekk m’ilhomx ħafna fil-verità. Ħutna kollha huma importanti għal Ġeħova, u dawn għandhom ikunu importanti għalina wkoll. Aħna rridu ‘nħobbu l-fratellanza kollha,’ mhux biss lil xi ftit minnhom. (1 Pt. 2:17) Irridu nkunu lesti li nipproteġuhom u ngħinuhom. Jekk nindunaw li weġġajna lil xi ħadd, m’għandniex naġixxu bħallikieku ma ġara xejn u naħsbu li għandu jaħfrilna u jinsa dak li għamilna. Għala xi wħud jaf jieħdu għalihom? Għax xi wħud, minħabba l-background tagħhom, iħossuhom inqas minn oħrajn. Oħrajn m’ilhomx li ġew fil-verità, u għalhekk għad iridu jitgħallmu li għandhom jaħfru meta oħrajn jiżbaljaw. Hu x’inhu l-każ, irridu naħdmu biex inżommu l-paċi. Barra minn hekk, persuna li tieħu għaliha malajr għandha bżonn ma tibqax daqshekk sensittiva. Imbagħad se tkun ferħana u tgawdi ħbiberija mal-aħwa.
QIS LILL-OĦRAJN AĦJAR MINNEK
8. Liema attitudni kellhom in-nies fi żmien Ġesù, u din kif affettwat lid-dixxipli tiegħu?
8 Ġesù għala tkellem dwar “dawn iċ-ċkejknin”? Għax id-dixxipli tiegħu kienu staqsewh: “Min tassew hu l-akbar fis-saltna tas-smewwiet?” (Mt. 18:1) Dak iż-żmien, ħafna Lhud riedu li oħrajn iqisuhom importanti. Studjuż jgħid: “L-iktar ħaġa importanti fil-ħajja tagħhom kienet li jkunu famużi u li oħrajn jonorawhom.”
9. Id-dixxipli taʼ Ġesù x’kellhom jagħmlu?
9 Ġesù kien jaf li għal ħafna Lhud kien importanti li jkunu aħjar minn oħrajn. Għalhekk, id-dixxipli kellhom jaħdmu iebes biex ma jaħsbuhiex b’dan il-mod. Hu qalilhom: “Min hu l-akbar fostkom ħa jsir bħall-iżgħar, u min jaġixxi bħala kap isir bħal min jaqdi.” (Lq. 22:26) Aħna naġixxu “bħall-iżgħar” meta ‘nqisu lill-oħrajn superjuri għalina.’ (Flp. 2:3) Iktar ma naħdmu biex ikollna din l-attitudni, inqas se nfixklu lil oħrajn.
10. Liema parir li tana Pawlu għandna napplikaw?
10 B’xi mod jew ieħor, ħutna kollha huma aħjar minna. Dan narawh meta niffokaw fuq il-kwalitajiet tajbin tagħhom. Għandna nieħdu bis-serjetà l-parir li ta l-appostlu Pawlu lill-Korintin: “Min jagħmlek biex tkun differenti minn ħaddieħor? Tabilħaqq, x’għandek li ma rċivejtx? Issa, jekk int tabilħaqq irċivejtu, għala tiftaħar bħallikieku ma rċivejtux?” (1 Kor. 4:7) Mela rridu noqogħdu attenti li ma niġbdux l-attenzjoni lejna jew naħsbu li aħna aħjar minn oħrajn. Pereżempju, aħwa rġiel li jagħtu taħditiet tajbin, jew aħwa nisa li huma tajbin biex jibdew studju tal-Bibbja, għandhom jagħtu l-krettu lil Ġeħova għall-abbiltajiet tagħhom.
AĦFRU MILL-QALB
11. Ġesù x’jgħallimna mit-tixbiha dwar is-sultan u l-ilsir?
11 Wara li Ġesù wissa lis-segwaċi tiegħu biex ma jfixklux lill-oħrajn, hu ġabilhom tixbiha dwar sultan u lsir. Is-sultan ħafer id-dejn kollu li l-ilsir qatt ma setaʼ jħallas. Iktar tard, dan l-ilsir m’aċċettax li jaħfer il-ftit dejn li lsir ieħor kellu miegħu. Meta sar jaf b’dan, is-sultan tefaʼ lil dan l-ilsir bla qalb fil-ħabs. X’inhi l-lezzjoni għalina? Ġesù qal: “Hekk ukoll jagħmlilkom Missieri tas-sema jekk ma taħfrux minn qalbkom kull wieħed lil ħuh.”—Mt. 18:21-35.
12. Meta ma naħfrux kif inkunu qed inweġġgħu lil oħrajn?
12 Dak li għamel l-ilsir mhux biss weġġaʼ lilu nnifsu, imma anki lil oħrajn. L-ewwel ħaġa, hu ma weriex ħniena mal-ilsir l-ieħor billi “tefgħu l-ħabs sakemm iħallas lura dak li kellu jagħtih.” It-tieni, bil-mod kif aġixxa weġġaʼ lil ilsiera oħrajn. Fil-fatt, meta “l-ilsiera sħabu raw x’kien ġara, iddispjaċiehom ferm.” Bl-istess mod, dak li nagħmlu aħna jaffettwa lil oħrajn. Meta xi ħadd jittrattana ħażin u aħna ma naħfrulux, x’jistaʼ jiġri? L-ewwel, inkunu qed inweġġgħuh għax ma naħfrulux, u forsi ninjorawh u ma nuruhx imħabba. It-tieni, meta oħrajn fil-kongregazzjoni jinnutaw li għandna xi nuqqas taʼ qbil maʼ xi ħadd, mhux se jħossuhom komdi.
Se tibqaʼ żżomm f’qalbek jew se taħfer mill-qalb? (Ara paragrafi 13-14)b
13. X’titgħallem mill-esperjenza taʼ din il-pijuniera?
13 Meta naħfru lil ħutna nħossuna aħjar, u se ngħinu lilhom biex iħossuhom tajjeb ukoll. Oħt pijuniera, li se nsejħulha Crystal, hekk ġralha. Oħt fil-kongregazzjoni tagħha kienet weġġgħetha. Crystal tgħid: “Kultant, tant kienet tuża kliem aħrax li kont inħossha qisha qed ittini daqqiet taʼ sikkina. Ma kontx inkun irrid noqgħod magħha fuq il-ministeru. Spiċċajt bdejt nitlef il-ferħ u ż-żelu għall-ministeru.” Crystal ħasset li kellha raġun tħossha mweġġgħa. Imma hi ma baqgħetx irrabjata maʼ din l-oħt jew iffokat fuqha nfisha u s-sentimenti tagħha. B’umiltà applikat il-parir tal-Bibbja li sabet fl-artiklu “Aħfer Minn Qalbek” f’It-Torri tal-Għassa tal-15 t’Ottubru 1999. Hi ħafret lil oħtha. Crystal tkompli tgħid: “Issa nifhem li lkoll kemm aħna qed naħdmu iebes biex nilbsu l-personalità l-ġdida, u Ġeħova lest li jaħfrilna kuljum. Issa, li ħfirtilha nħossni striħajt u ferħana.”
14. Skont Mattew 18:21, 22 l-appostlu Pietru xi problema jaf kellu, u x’nitgħallmu mill-mod kif Ġesù wieġbu?
14 Aħna nafu li rridu naħfru lil xulxin, imma kultant jistaʼ jkun diffiċli għalina biex naħfru. Jistaʼ jkun li anki l-appostlu Pietru xi kultant ukoll ħassu hekk. (Aqra Mattew 18:21, 22.) X’jistaʼ jgħinna? L-ewwel, aħseb dwar kemm-il darba Ġeħova ħafirlek. (Mt. 18:32, 33) Aħna ma jixirqilniex din il-maħfra, imma hu dejjem lest li jaħfrilna. (Salm 103:8-10) Fl-istess ħin, “aħna għandna l-obbligu li nħobbu lil xulxin.” Għalhekk, li naħfru mhix għażla. Aħna għandna naħfru lil ħutna. (1 Ġw. 4:11) It-tieni, immedita x’jiġri meta naħfru. Nistgħu ngħinu lill-persuna li weġġgħetna, inżommu l-paċi fil-kongregazzjoni, nipproteġu l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova, u nneħħu t-toqol minn fuqna. (2 Kor. 2:7; Kol. 3:14) Fl-aħħar, itlob lill-wieħed li jridna naħfru, Ġeħova. Tħallix lil Satana jkisser il-ħbiberija tajba li għandek mal-aħwa. (Efes. 4:26, 27) Aħna għandna bżonn l-għajnuna taʼ Ġeħova biex ikollna l-paċi fil-kongregazzjoni.
OQGĦOD ATTENT LI MA TITFIXKILX INT
15. Skont Kolossin 3:13, jekk ħu jew oħt tweġġagħna x’għandna nagħmlu?
15 Xi ngħidu jekk xi ħadd mill-aħwa aġixxa b’mod ħażin ħafna miegħek? X’għandek tagħmel? Agħmel l-almu tiegħek biex iżżomm il-paċi. Għid lil Ġeħova kif qiegħed tħossok. Itolbu biex jgħin lil dik il-persuna li weġġgħetek u biex jgħinek tara l-kwalitajiet tajbin tagħha—kwalitajiet li Ġeħova jogħġbuh fiha. (Lq. 6:28) Jekk ma tistax tinsa dak li xi ħadd għamillek, aħseb ftit kif tistaʼ titkellem miegħu. Ikun tajjeb li taħseb li hu ma weġġgħekx apposta. (Mt. 5:23, 24; 1 Kor. 13:7) Meta tkun qed titkellem miegħu żomm f’moħħok li hu għandu intenzjonijiet tajbin. Imma xi ngħidu jekk hu ma jridx jagħmel paċi miegħek? Taqtax qalbek, kompli uri l-paċenzja miegħu. (Aqra Kolossin 3:13.) U l-iktar ħaġa importanti hi li ma tibqax irrabjat għalih għax dan jistaʼ jagħmel ħsara lill-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova. Tħalli xejn ifixklek. Jekk tagħmel hekk, int se tagħti prova li tħobb lil Ġeħova iktar minn kull ħaġa oħra.—Salm 119:165.
16. X’responsabbiltà għandu kull wieħed u waħda minna?
16 Aħna grati li nistgħu naqdu lil Ġeħova flimkien maʼ ħutna bħala “merħla waħda” u “ragħaj wieħed”! (Ġw. 10:16) Il-ktieb Organizzati biex nagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova, paġna 165, jgħid: “Peress li tibbenefika minn din l-unità, għandek ir-responsabbiltà li tgħin biex tinżamm.” Għalhekk, għandna bżonn “nibqgħu nitħarrġu biex naraw lil ħutna kif jarahom Ġeħova.” Għal Ġeħova, aħna lkoll prezzjużi. L-aħwa fil-kongregazzjoni tqishom int b’dan il-mod? Ġeħova jinnota u japprezza dak kollu li tagħmel biex tgħinhom u tieħu ħsiebhom.—Mt. 10:42.
17. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?
17 Lil ħutna nħobbuhom ħafna. Aħna determinati ‘li quddiem ħutna ma npoġġu xejn li jistaʼ jfixkilhom jew iwaqqagħhom.’ (Rum. 14:13) Aħna nqisu lil ħutna aħjar minna, u nkunu rridu li naħfrulhom mill-qalb. Jalla qatt ma nitfixklu minħabba oħrajn. Minflok, ejja “niġru wara l-affarijiet li jġibu l-paċi u l-affarijiet li bihom nibnu lil xulxin.”—Rum. 14:19.
GĦANJA 130 Aħfer
a Minħabba l-imperfezzjoni tagħna, aħna nistgħu ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa li tweġġaʼ lil ħutna. Meta jiġri hekk x’għandna nagħmlu? Nagħmlu l-almu tagħna biex nerġgħu nirranġaw il-ħbiberija taʼ bejnietna? Nitolbu skuża mill-ewwel? Jew meta jieħdu għalihom ngħidu, ‘It-tort tagħhom?’ U xi ngħidu jekk jagħmlu jew jgħidu xi ħaġa huma? Nieħdu għalina mill-ewwel u ngħidu, ‘Dan hu l-karattru tiegħi,’ jew nifhmu li hemm bżonn nagħmlu xi bidliet?
b X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Oħt irrabjata minħabba oħt oħra fil-kongregazzjoni. Wara li jsolvu l-problema taʼ bejniethom fil-privat, jinsew kollox u jkomplu jaqdu lil Ġeħova ferħanin.