LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 11/1 pp. 11-15
  • Taħfer Int Bħalma Jaħfer Jehovah?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Taħfer Int Bħalma Jaħfer Jehovah?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Mosè Jinterċedi​—Jehovah Jismaʼ
  • L-​Idolatrija Taʼ Manasse u L-​Adulterju Taʼ David
  • Id-​Dedikazzjoni Tat-​Tempju Taʼ Salamun
  • Maħfra Fl-​Iskrittura Griega Kristjana
  • ‘Komplu Aħfru lil Xulxin Liberament’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Jehovah, Alla li ‘Lest Biex Jaħfer’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Ġeħova—L-​Iktar Wieħed li Jaħfer
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Għala Taħfer?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 11/1 pp. 11-15

Taħfer Int Bħalma Jaħfer Jehovah?

“Jekk taħfru lill-​bnedmin in-​nuqqasijiet tagħhom, Missierkom tas-​sema wkoll se jaħfer lilkom; fil-​waqt li jekk ma taħfrux lill-​bnedmin in-​nuqqasijiet tagħhom, lanqas Missierkom ma se jaħfer in-​nuqqasijiet tagħkom.”—MATTEW 6:14, 15.

1, 2. Liema xorta taʼ Alla għandna bżonn, u għala?

“JEHOVAH hu ħanin u grazzjuż, bil-​mod biex jirrabja u abbundanti fil-​qalb tajba bl-​imħabba. Mhux se jibqaʼ għaż-​żmien kollu jsib il-​ħtija, lanqas ma se jibqaʼ għal żmien indefinit iżomm f’qalbu. M’għamlilniex saħansitra skond dnubietna; lanqas skond l-​iżbalji tagħna ma ġieb fuqna dak li jistħoqqilna. Għax bħalma s-​smewwiet huma ogħla mill-​art, il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu hija superjuri lejn dawk li qegħdin jibżgħu minnu. Daqs kemm tlugħ ix-​xemx huwa mbiegħed minn inżul ix-​xemx, daqshekk ’il bogħod minna hu poġġa n-​nuqqasijiet tagħna. Bħalma missier juri ħniena maʼ wliedu, Jehovah wera ħniena lejn dawk li qegħdin jibżgħu minnu. Għax hu nnifsu jaf sewwa t-​tiswir tagħna, billi jiftakar li aħna trab.”—Salm 103:8-14.

2 Ikkonċeputi fid-​dnub u miġjubin barra bl-​iżball, b’imperfezzjonijiet li writna dejjem lesti li jmexxuna fil-​jasar għal-​liġi tad-​dnub, aħna għandna bżonn kbir taʼ Alla li ‘jiftakar li aħna magħmulin mit-​trab.’ Tliet mitt sena wara li David iddeskriva lil Jehovah b’mod tant sabiħ fis-​Salm 103, kittieb ieħor tal-​Bibbja, Mikea, għolla lil dan l-​istess Alla bi kważi l-​istess mod għall-​maħfra grazzjuża tiegħu tad-​dnubiet li jkunu twettqu: “Liema alla jistaʼ jitqabbel miegħek: billi jieħu l-​ħtija lil hinn, jaħfer il-​kriminalità, ma jgħożżx ir-​rabja għal dejjem imma jitgħaxxaq f’li juri ħniena? Għal darb’oħra ħa jkollok ħniena minna, għaffeġ id-​difetti tagħna, lejn qiegħ il-​baħar itfaʼ d-​dnubiet tagħna kollha.”—Mikea 7:18, 19, The Jerusalem Bible.

3. Xi jfisser li taħfer?

3 Fl-​Iskrittura Griega, il-​kelma għal “jaħfer” tfisser li “jħalli jitlaq.” Innota li David u Mikea, ikkwotati hawn fuq, iġorru l-​istess tifsira fi kliem ħelu u deskrittiv. Biex napprezzaw bis-​sħiħ l-​estent taʼ l-​għaġeb tal-​maħfra taʼ Jehovah, ejjew nirrevedu ftit mill-​ħafna eżempji tagħha fl-​azzjoni. L-​ewwel wieħed juri li moħħ Jehovah jistaʼ jiġi mdawwar minn distruzzjoni għal maħfra.

Mosè Jinterċedi​—Jehovah Jismaʼ

4. Wara liema turijiet tal-​qawwa taʼ Jehovah l-​Iżraeliti kienu għadhom beżgħanin li jidħlu fl-​Art Imwiegħda?

4 Jehovah ħareġ lill-​ġens taʼ Iżrael qawwi u sħiħ mill-​Eġittu u ġabhom qrib l-​art li kien wegħidhom bħala arthom, imma huma rrifjutaw li jimxu ’l quddiem, billi beżgħu minn sempliċi rġiel f’Kangħan. Wara li kienu raw lil Jehovah jeħlishom mill-​Eġittu b’għaxar kastigi distruttivi, jiftaħ triq taʼ ħarba minn ġol-​Baħar l-​Aħmar, jeqred l-​armata Eġizzjana li pprovat issegwihom, jinawgura magħhom ħdejn il-​Muntanja Sinaj il-​patt tal-​Liġi li għamilhom il-​ġens magħżul taʼ Jehovah, u b’mod mirakoluż jipprovdi kuljum manna mis-​sema biex isostnihom, huma kienu beżgħanin jidħlu fl-​Art Imwiegħda minħabba xi ftit Kangħaniti li ġabu ruħhom!—Numri 14:1-4.

5. Żewġ spiji leali kif ipprovaw jagħmlu l-​ħila lil Iżrael?

5 Mosè u Aronne waqgħu wiċċhom maʼ l-​art diżappuntati. Ġożwè u Kaleb, żewġ spiji leali, ipprovaw jagħmlu l-​ħila lil Iżrael: ‘L-​art hija art tajba ħafna, ħafna, art li qiegħda tnixxi bil-​ħalib u l-​għasel. Tibżgħux min-​nies; Jehovah hu magħna!’ Minflok ma ġew inkuraġġiti bi kliem bħal dan, in-​nies imbeżżgħin u ribellużi pprovaw iħaġġru lil Ġożwè u Kaleb.—Numri 14:5-10.

6, 7. (a) Jehovah x’iddeċieda li jagħmel meta Iżrael irreżista li jidħol fl-​Art Imwiegħda? (b) Mosè għala oġġezzjona għall-​ġudizzju taʼ Jehovah fuq Iżrael, u b’liema riżultat?

6 Jehovah irrabja! “Fl-​aħħarnett Jehovah qal lil Mosè: ‘Kemm se jdum dan il-​poplu jittrattani mingħajr rispett, u kemm se jdumu ma jpoġġux fidi fija għas-​sinjali kollha li jien wettaqt fosthom? Ħa nolqothom bil-​pesta u nkeċċihom lil hinn, u ħalli nagħmlek ġens akbar u iktar setgħan milli huma.’ Imma Mosè qal lil Jehovah: ‘Imbagħad l-​Eġizzjani żgur li se jisimgħu li int bil-​qawwa tiegħek tellajt lil dan il-​poplu minn ġo nofshom. U żgur li se jgħidu dan lill-​abitanti taʼ din l-​art. . . . Kieku kellek tpoġġi lil dan il-​poplu għall-​mewt bħala bniedem wieħed, allura l-​ġnus li semgħu dwar il-​fama tiegħek ċertament li se jgħidu dan, “Minħabba li Jehovah ma kellux il-​ħila jġib lil dan il-​poplu ġewwa l-​art li dwarha ħalfilhom hu ssokta jbiċċirhom fix-​xagħri.”’”—Numri 14:11-16.

7 Mosè talab bil-​ħrara għall-​maħfra, minħabba isem Jehovah: “‘Aħfer, jekk jogħġbok, l-​iżball taʼ dan il-​poplu skond il-​kobor tal-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek, u sewwa sew bħalma ħfirt lil dan il-​poplu mill-​Eġittu ’l quddiem s’issa.’ Imbagħad Jehovah qal: ‘Jien tassew naħfer skond il-​kelma tiegħek.’”—Numri 14:19, 20.

L-​Idolatrija Taʼ Manasse u L-​Adulterju Taʼ David

8. Is-​Sultan Manasse taʼ Ġuda liema xorta taʼ rekord għamel?

8 Eżempju li jispikka tal-​maħfra taʼ Jehovah huwa l-​każ taʼ Manasse, bin is-​sultan tajjeb Ħeżekija. Manasse kellu 12-il sena meta beda jsaltan f’Ġerusalemm. Bena l-​postijiet għoljin, waqqaf artali lill-​Bagħlin, għamel arbli sagri, miel lejn il-​kwiekeb tas-​sema, ipprattika l-​maġija u s-​seħer, għamel medji taʼ l-​ispirti u nies li jaqraw ix-​xorti, poġġa xbiha minquxa fit-​tempju taʼ Jehovah, u ġiegħel lil uliedu subjien stess jgħaddu min-​nar fil-​Wied taʼ Ħinnom. “Għamel fuq skala kbira ħafna dak li kien ħażin f’għajnejn Jehovah” u “baqaʼ jisseduċi lil Ġuda u lill-​abitanti taʼ Ġerusalemm biex jagħmlu agħar mill-​ġnus li Jehovah kien ġieb fix-​xejn minn quddiem ulied Iżrael.”—2 Kronaki 33:1-9.

9. Wiċċ Jehovah kif ġie mrattab lejn Manasse, u b’liema riżultat?

9 Fl-​aħħarnett, Jehovah ġab lill-​Assirjani kontra Ġuda, u huma qabdu lil Manasse u ħaduh f’Babilonja. “U malli dan ikkaġunalu hemm, hu rattab wiċċ Jehovah Alla tiegħu u baqaʼ jumilja lilu nnifsu bil-​kbir minħabba dak Alla taʼ missirijietu tal-​qedem. U baqaʼ jitlob Lilu, sabiex Hu ħalla lilu nnifsu jkun mitlub bil-​ħrara minnu u Hu samaʼ t-​talba tiegħu għal favur u rrestawrah lejn Ġerusalemm lejn l-​istat taʼ sultan tiegħu.” (2 Kronaki 33:11-13) Manasse mbagħad neħħa l-​allat barranin, l-​idoli, u l-​artali u ġegħilhom jintefgħu ’l barra mill-​belt. Beda joffri sagrifiċċji fuq l-​artal taʼ Jehovah u qabbad lil Ġuda lejn li taqdi lil dak Alla veru. Din kienet turija taʼ l-​għaġeb tar-​rieda taʼ Jehovah li jaħfer meta umiltà, talb, u azzjoni korrettiva jipproduċu frott li jixraq lill-​indiema!—2 Kronaki 33:15, 16.

10. David kif ipprova jaħbi dnubu maʼ mart Urija?

10 Id-​dnub adulteruż tas-​Sultan David maʼ mart Urija l-​Ħitti huwa magħruf ħafna. Hu mhux biss ikkommetta adulterju magħha imma wkoll fassal pjan elaborat biex kollox jibqaʼ moħbi meta hi ħarġet tqila. Is-​sultan ta lil Urija permess biex jitlaq mill-​gwerra, billi stennih li jmur f’daru u jkollu x’jaqsam maʼ martu. Imma, b’rispett għas-​suldati sħabu fuq il-​front tal-​battalja, Urija rrifjuta. David imbagħad stiednu għall-​ikel u sakkru, imma Urija xorta waħda ma daħalx għand martu. David imbagħad bagħat messaġġ lill-​ġeneral tiegħu biex ipoġġi lil Urija fl-​eqqel tal-​ġlied, sabiex Urija jiġi maqtul, li huwa dak li ġara.—2 Samwel 11:2-25.

11. David kif inġab għall-​indiema għal dnubu, u madankollu x’sofra?

11 Jehovah bagħat lill-​profeta tiegħu Natan għand David biex jikxef id-​dnub tas-​sultan. “David issa qal lil Natan: ‘Jien dnibt kontra Jehovah.’ Għal dan Natan qal lil David: ‘Jehovah, mill-​banda l-​oħra, tassew iħalli lil dnubek jgħaddi. M’intix se tmut.’” (2 Samwel 12:13) David ħassu ħati ħafna minħabba d-​dnub tiegħu u esprima l-​indiema tiegħu f’talba mill-​qalb lil Jehovah: “Għax int ma titgħaxxaqx bis-​sagrifiċċju​—inkella kont nagħti dan; b’offerta maħruqa sħiħa int ma tiħux gost. Is-​sagrifiċċji lil Alla huma spirtu miksur; qalb miksura u mgħaffġa, O Alla, int mhux se tistmerrha.” (Salm 51:16, 17) Jehovah ma stmerrx it-​talba taʼ David offruta minn qalb miksura. Xorta waħda, David sofra kastig iebes, fi qbil maʼ l-​istqarrija taʼ Jehovah dwar il-​maħfra f’​Eżodu 34:6, 7: “B’ebda mod ma se jeżenta mill-​kastig.”

Id-​Dedikazzjoni Tat-​Tempju Taʼ Salamun

12. Salamun x’rikjesta għamel fiż-​żmien tad-​dedikazzjoni tat-​tempju, u x’kien ir-​rispons taʼ Jehovah?

12 Meta Salamun lesta l-​bini tat-​tempju taʼ Jehovah, qal fit-​talba tiegħu taʼ dedikazzjoni: “Trid tagħti widen lit-​talb bil-​ħrara tal-​qaddej tiegħek u tal-​poplu tiegħek Iżrael meta jitolbu lejn dan il-​post, biex int innifsek tkun tistaʼ tismaʼ mill-​post taʼ l-​għamara tiegħek, mis-​smewwiet; u int trid tismaʼ u taħfer.” Jehovah wieġeb: “Meta nagħlaq is-​smewwiet biex ebda xita ma sseħħ u meta nikkmanda lill-​ġurati biex jibilgħu l-​art u jekk nibgħat pesta fost il-​poplu tiegħi, u l-​poplu tiegħi li fuqhom ismi ġie msejjaħ jumiljaw ruħhom u jitolbu u jfittxu lil wiċċi u jduru lura mill-​mogħdijiet ħżiena tagħhom, allura jien innifsi se nismaʼ minn ġos-​smewwiet u naħfer lil dnubhom, u se nfejjaq lill-​art tagħhom.”—2 Kronaki 6:21; 7:13, 14.

13. Eżekjel 33:13-16 x’juri rigward kif Jehovah iħares lejn persuna?

13 Hekk kif Jehovah iħares lejk, hu jaċċettak għal dak li int issa, mhux dak li kont. Se jkun kif jgħid Eżekjel 33:13-16: “Meta ngħid lill-​wieħed twajjeb: ‘Int pożittivament se tibqaʼ tgħix,’ u hu nnifsu attwalment jafda fit-​tjieba tiegħu stess u jagħmel inġustizzja, l-​atti taʼ tjieba kollha tiegħu stess m’humiex se jitfakkru, imma għall-​inġustizzja tiegħu li għamel​—għal din hu se jmut. U meta ngħid lill-​wieħed mill-​agħar: ‘Int pożittivament se tmut,’ u hu attwalment idur lura mid-​dnub tiegħu u jwettaq il-​ġustizzja u t-​tjieba, u l-​wieħed mill-​agħar jirritorna l-​istess ħaġa mwiegħda, iħallas lura l-​istess affarijiet meħudin bis-​serq, u attwalment jimxi fl-​istess statuti tal-​ħajja billi ma jagħmilx inġustizzja, hu pożittivament se jibqaʼ jgħix. Mhux se jmut. Ebda wieħed mid-​dnubiet tiegħu li bihom dineb ma se jitfakkar kontra tiegħu. Il-​ġustizzja u t-​tjieba huma dak li hu wettaq. Pożittivament se jibqaʼ jgħix.”

14. X’inhu distintiv dwar il-​maħfra taʼ Jehovah?

14 Il-​maħfra li Alla Jehovah jipprovdi għalina għandha fattur distintiv, wieħed li huwa diffiċli għal ħlejjaq umani li jinkludu mal-​maħfra li joffru lil xulxin​—hu kemm jaħfer kif ukoll jinsa. Xi nies jgħidu, ‘Jien nistaʼ naħfer dak li għamilt int, imma ma nistax (jew ma rridx) ninsieh.’ F’kuntrast, innota dak li Jehovah jgħid li se jagħmel: “Se naħfer l-​iżball tagħhom, u dnubhom m’inix se niftakar iktar.”—Ġeremija 31:34.

15. Jehovah x’rekord taʼ maħfra għandu?

15 Jehovah ilu jaħfer lill-​adoraturi tiegħu fuq l-​art għal eluf taʼ snin. Ilu jaħfer dnubiet li huma konxji li kkommettew kif ukoll ħafna li m’humiex konxji tagħhom. Il-​provvediment tiegħu taʼ ħniena, sabar fit-​tul, u maħfra huwa bla tmiem. Isaija 55:7 jgħid: “Ħalli r-​raġel mill-​agħar iħalli l-​mogħdija tiegħu, u r-​raġel li jagħmel ħsara ħsibijietu; u ħallih jerġaʼ lura għand Jehovah, li se jkollu ħniena minnu, u għand Alla tagħna, għax hu se jaħfer bil-​kbir.”

Maħfra Fl-​Iskrittura Griega Kristjana

16. Għala nistgħu ngħidu li l-​mod kif Ġesù pprattika l-​maħfra huwa fi qbil maʼ dak taʼ Jehovah?

16 Ir-​rakkonti tal-​maħfra t’Alla jimlew ir-​rekord fl-​Iskrittura Griega Kristjana. Ġesù jitkellem dwarha taʼ spiss, billi juri li hu fi qbil maʼ moħħ Jehovah fuq dan is-​suġġett. Il-​ħsieb taʼ Ġesù jiġi mingħand Jehovah, hu jirrifletti lil Jehovah, hu r-​rappreżentazzjoni eżatta taʼ l-​istess esseri taʼ Jehovah; li tara lilu huwa li tara lil Jehovah.—Ġwann 12:45-50; 14:9; Ebrej 1:3.

17. Ġesù kif wera li Jehovah jaħfer “bil-​kbir”?

17 Li Jehovah jaħfer bil-​kbir huwa indikat f’waħda mit-​tixbihat taʼ Ġesù, dik taʼ sultan li ħafer lil irsir dejn taʼ 10,000 talent (madwar $33,000,000, Amerikan). Imma meta dak l-​irsir ma riedx jaħfer lil irsir sieħbu dejn taʼ mitt dinier (xi $60, Amerikan), is-​sultan ifferoċja. “‘Irsir mill-​agħar, jien ikkanċellajt dak id-​dejn kollu għalik, meta int tlabtni bil-​ħrara. Ma missekx int, mill-​banda l-​oħra, kellek ħniena mill-​irsir sieħbek, bħalma jien ukoll kelli ħniena minnek?’ Maʼ dan sidu, ipprovokat għal korla, ikkunsinnah lill-​kalzriera, sakemm iħallas lura dak kollu li kellu jagħti.” Ġesù mbagħad għamel l-​applikar: “Bl-​istess manjiera Missieri tas-​sema se jaġixxi wkoll magħkom jekk intom ma taħfrux kull wieħed lil ħuh minn qlubkom.”—Mattew 18:23-35.

18. Il-​mod kif Pietru kien iħares lejn il-​maħfra kif kien jitqabbel mal-​ħarsa taʼ Ġesù?

18 Eżatt qabel ma Ġesù ta t-​tixbieha t’hawn fuq, Pietru resaq fuq Ġesù u staqsa: “Mulej, kemm-il darba għandu ħija jidneb kontra tiegħi u jien għandi naħfirlu? Sa sebaʼ darbiet?” Pietru ħaseb li kien qed ikun ġeneruż ħafna. Għalkemm l-​iskribi u l-​Fariżej poġġew limitu fuq il-​maħfra, Ġesù qal lil Pietru: “Ngħidlek, mhux, Sa sebaʼ darbiet, imma, Sa sebgħa u sebgħin darba.” (Mattew 18:21, 22) Sebaʼ darbiet bil-​kemm iservu għal jum wieħed, bħalma qal Ġesù: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom. Jekk ħuk jagħmel dnub agħtih twiddiba, u jekk jindem aħfirlu. Saħansitra jekk jidneb sebaʼ darbiet kuljum kontra tiegħek u jiġi lura għandek sebaʼ darbiet, jgħid, ‘Nindem,’ int trid taħfirlu.” (Luqa 17:3, 4) Meta Jehovah jaħfer, ma jżommx amment​—b’ferħ għalina.

19. X’irridu nagħmlu biex niksbu l-​maħfra taʼ Jehovah?

19 Jekk għandna l-​umiltà biex nindmu u nistqarru dnubietna, Jehovah jaċċetta li jaġixxi b’mod favorevoli lejna: “Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u twajjeb biex jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull nuqqas taʼ tjieba.”—1 Ġwann 1:9.

20. Liema rieda li jaħfer id-​dnub intweriet minn Stiefnu?

20 Stiefnu s-​segwaċi taʼ Ġesù, fi spirtu straordinarju taʼ maħfra, għajjat dan l-​appell hekk kif folla rrabjata kienet qiegħda tħaġġru: “‘Mulej Ġesù, irċievi l-​ispirtu tiegħi.’ Imbagħad, billi niżel għar-​rkobbtejh, hu għajjat b’leħen qawwi: ‘Jehovah, takkużahomx b’dan id-​dnub.’ U wara li qal dan hu raqad fil-​mewt.”—Atti 7:59, 60.

21. Ir-​rieda taʼ Ġesù li jaħfer lis-​suldati Rumani għala kienet tant taʼ l-​għaġeb?

21 Ġesù waqqaf saħansitra eżempju iżjed taʼ l-​għaġeb taʼ rieda li jaħfer. L-​għedewwa tiegħu kienu arrestawh, illegalment għaddewh ġuri, issentenzjawh, waqqgħuh għaċ-​ċajt, beżqulu, flaġellawh bi frosta b’ħafna strixxi tal-​ġild li x’aktarx kien fihom biċċiet taʼ għadam u metall imdaħħlin fihom, u fl-​aħħarnett ħallewh imsammar maʼ zokk għal sigħat sħaħ. Ir-​Rumani kienu involuti f’ħafna minn dan. Madankollu, hekk kif Ġesù kien qed imut fuq dak iz-​zokk tat-​tortura, qal lil Missieru tas-​sema dwar is-​suldati li kienu sammruh maz-​zokk: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’qegħdin jagħmlu.”—Luqa 23:34.

22. Liema kliem mill-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja rridu nipprovaw inpoġġu fi prattika?

22 Fil-​Priedka tiegħu fuq il-​Muntanja, Ġesù kien qal: “Komplu ħobbu lill-​għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qegħdin jippersegwitawkom.” Sat-​tmiem tal-​ministeru tiegħu fuq l-​art, hu obda dak il-​prinċipju hu stess. Jitlob dan wisq minna, li nissieltu mad-​djufijiet tal-​laħam imwaqqaʼ tagħna? Għall-​inqas għandna nipprovaw inpoġġu fil-​prattika l-​kliem li Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu wara li tahom it-​talba mudell: “Jekk taħfru lill-​bnedmin in-​nuqqasijiet tagħhom, Missierkom tas-​sema wkoll se jaħfer lilkom; fil-​waqt li jekk ma taħfrux lill-​bnedmin in-​nuqqasijiet tagħhom, lanqas Missierkom ma se jaħfer in-​nuqqasijiet tagħkom.” (Mattew 5:44; 6:14, 15) Jekk naħfru bħalma jaħfer Jehovah, se naħfru u ninsew. (w94 10/15)

Tiftakar Int?

◻ Jehovah kif jittratta maʼ dnubietna, u għala?

◻ Manasse għala kien irrestawrat għall-​istat tiegħu taʼ sultan?

◻ Liema fattur distintiv tal-​maħfra taʼ Jehovah huwa taʼ sfida għall-​bnedmin biex jimitawh?

◻ Ir-​rieda taʼ Ġesù li jaħfer kif kienet tant taʼ l-​għaġeb?

[Stampa f’paġna 13]

Natan għen lil David biex jara l-​bżonn għall-​maħfra t’Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja