LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 7/1 pp. 4-7
  • Kif Jistaʼ Ġesù Jbiddillek Ħajtek?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Jistaʼ Ġesù Jbiddillek Ħajtek?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​Tagħlim Tiegħu
  • L-​Azzjonijiet Tiegħu
  • Is-​Sagrifiċċju Tiegħu
  • Ġesù Kristu—Mibgħut Minn Alla?
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Hu ħabb lin-nies
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Min Hu Ġesù Kristu?
    Alla X’Jirrikjedi Minna?
  • Min Hu Ġesù Kristu?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 7/1 pp. 4-7

Kif Jistaʼ Ġesù Jbiddillek Ħajtek?

ĠESÙ KRISTU kien Għalliem mill-​Aqwa li għex fil-​Palestina kważi 2,000 sena ilu. Ftit li xejn nafu dwar tfulitu. Madankollu, hemm biżżejjed provi li juru li meta kellu madwar 30 sena, hu beda l-​ministeru tiegħu biex ‘jixhed għall-​verità.’ (Ġwann 18:37; Luqa 3:21-23) L-​erbaʼ dixxipli li kitbu rakkonti dwar ħajtu jiffokaw fuq it-​tliet snin u nofs taʼ wara.

Matul il-​ministeru tiegħu, Ġesù Kristu ta lid-​dixxipli tiegħu kmand li jistaʼ jservi taʼ antidotu għal ħafna mill-​problemi li hawn fid-​dinja. X’kien dan il-​kmand? Ġesù qal: “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.” (Ġwann 13:34) Iva, is-​soluzzjoni għal ħafna mill-​problemi taʼ l-​umanità hija l-​imħabba. Meta, f’okkażjoni oħra, Ġesù ġie mistoqsi liema huwa l-​akbar kmandament, hu wieġeb: “‘Ħobb lill-​Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-​kmandament il-​kbir u l-​ewwel wieħed. U t-​tieni jixbhu: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.’”—Mattew 22:37-40.

Ġesù wriena bil-​kliem u bil-​fatti kif inħobbu lil Alla u lill-​bnedmin sħabna. Ejja nikkunsidraw xi ftit eżempji u naraw x’nistgħu nitgħallmu mingħandu.

It-​Tagħlim Tiegħu

F’waħda mill-​iktar priedki magħrufa fl-​istorja, Ġesù Kristu qal lis-​segwaċi tiegħu: “Ħadd ma jistaʼ jaqdi żewġ sidien: għax jew ikun jobgħod lil wieħed u jħobb lill-​ieħor, jew jintrabat maʼ wieħed u jistmell lill-​ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-​flus.” (Mattew 6:24) Għadu prattiku llum it-​tagħlim taʼ Ġesù taʼ li npoġġu lil Alla l-​ewwel f’ħajjitna, meta daqstant nies jemmnu li bil-​flus issolvi kollox? Veru, il-​flus bilfors irriduhom biex ngħaddu. (Koħèlet 7:12) Madankollu, jekk inħallu l-​“flus” isiru s-​sidien tagħna, “l-​imħabba tal-​flus” tispiċċa tikkontrollana, u tiddominalna ħajjitna kollha. (1 Timoteus 6:9, 10, Saydon) Ħafna wħud li waqgħu f’din in-​nassa spiċċaw biex tilfu l-​familja tagħhom, saħħithom, u saħansitra ħajjithom stess.

Mill-banda l-​oħra, il-​fatt li nqisu lil Alla bħala s-​Sid tagħna jagħtina skop fil-​ħajja. Bħala l-​Ħallieq, hu s-​Sors tal-​ħajja, u għaldaqstant, hu biss jixraqlu l-​qima tagħna. (Salm 36:10 [Salm 36:9, New World Translation]; Apokalissi 4:11) Dawk li jitgħallmu dwar il-​kwalitajiet tiegħu u jsiru jħobbuh jiġu motivati biex iħarsu l-​kmandamenti tiegħu. (Koħèlet 12:13; 1 Ġwann 5:3) Billi nagħmlu hekk, inkunu qed ingawdu aħna stess.—Isaija 48:17.

Fil-Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù għallem ukoll lid-​dixxipli tiegħu kif juru mħabba lejn il-​bnedmin sħabhom. Hu qal: “Mela dak kollu li tridu li l-​bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom.” (Mattew 7:12) Il-​kelma “bnedmin” li Ġesù uża hawnhekk tinkludi wkoll l-​għedewwa taʼ dak li jkun. Fl-​istess priedka, hu qal: “Ħobbu lill-​għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom.” (Mattew 5:43, 44) B’imħabba bħal din, ma jissolvewx kieku ħafna mill-​problemi li nħabbtu wiċċna magħhom illum? Il-​mexxej Ħindu Mohandas Gandhi l-​istess kien jaħsibha. Hu ġie kwotat li qal: “Meta [aħna] niltaqgħu flimkien fuq it-​tagħlim imqiegħed minn Kristu f’din il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, aħna nkunu solvejna l-​problemi . . . tad-​dinja kollha.” Li kieku kellu jiġi applikat, it-​tagħlim taʼ Ġesù dwar l-​imħabba jkun kapaċi jsolvi ħafna mill-​problemi taʼ l-​umanità.

L-​Azzjonijiet Tiegħu

Ġesù ma kienx jgħallem biss veritajiet profondi dwar kif nuru mħabba imma kien ukoll jipprattika dak li jgħallem. Per eżempju, kien ipoġġi l-​interessi taʼ ħaddieħor qabel l-​interessi tiegħu stess. Jum wieħed Ġesù u d-​dixxipli tiegħu tant kienu mħabbtin jgħinu lin-​nies li lanqas ħin jieklu xi ħaġa ma kellhom. Ġesù induna li d-​dixxipli kellhom bżonn jistrieħu ftit, u ħadhom f’post imwarrab. Imma meta waslu, sabu ċorma nies tistenniehom. X’kont tagħmel int malli tara dawk in-​nies kollha li jippretenduk li tkompli taħdem meta int tħoss li jixraqlek ftit tal-​mistrieħ? Sewwa, Ġesù lin-​nies “tħassarhom” u “qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.” (Mark 6:34) Dan it-​tħassib f’oħrajn dejjem immotiva lil Ġesù biex jgħinhom.

Ġesù għamel iktar man-​nies milli sempliċement għallimhom. Hu offra wkoll għajnuna prattika. Per eżempju, darba minnhom hu temaʼ ’l fuq minn 5,000 ruħ li kienu qagħdu jisimgħuh sa tard fil-​ġurnata. Ftit żmien wara, temaʼ folla oħra kbira​—din id-​darba taʼ iktar minn 4,000 ruħ—​li kienu qagħdu jisimgħuh għal tlett ijiem u spiċċaw bla ikel. Fl-​ewwel okkażjoni, hu uża ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, u d-​darba taʼ wara, sebaʼ ħobżiet u ftit ħut żgħir. (Mattew 14:14-22; 15:32-38) Mirakli? Iva, hu kien jagħmel il-​mirakli.

Ġesù fejjaq ukoll lil ħafna morda. Fejjaq l-​għomja, iz-​zopop, il-​lebbrużi, u t-​torox. Oħroġ il-​għaġeb, hu saħansitra qajjem lill-​mejtin! (Luqa 7:22; Ġwann 11:30-45) Darba waħda wieħed raġel lebbruż talbu bil-​ħniena: “Jekk trid, tistaʼ tnaddafni.” Ġesù kif irreaġixxa? “Mqanqal mill-​ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: ‘Irrid, kun imnaddaf.’” (Mark 1:40, 41) Permezz taʼ mirakli bħal dawn, Ġesù wera mħabbtu lejn il-​batuti.

Issibha xi ftit diffiċli li temmen fil-​mirakli taʼ Ġesù? Xi wħud hekk iħossuhom. Ftakar, iżda, li Ġesù wettaq il-​mirakli tiegħu fil-​pubbliku. Lanqas dawk taʼ kontrih, li pprovaw jaqbduh f’xi żball kull ċans li kien ikollhom, ma setgħu jiċħdu li hu kien jagħmel il-​mirakli. (Ġwann 9:1-34) Iżjed minn hekk, il-​mirakli tiegħu kellhom skop. Dawn kienu jgħinu lin-​nies jidentifikawh bħala l-​Wieħed mibgħut minn Alla.—Ġwann 6:14.

Ġesù m’għamilx il-​mirakli biex jieħu l-​kredtu hu. Minflok, hu gglorifika lil Alla, is-​Sors tal-​qawwa li kellu. Darba minnhom, hu kien qiegħed f’dar mimlija nies f’Kafarnahum. Wieħed raġel paralizzat xtaq jitfejjaq imma ma setax jidħol. Għalhekk ħbiebu niżżluh fuq sodda minn ġos-​saqaf. Malli ra l-​fidi li kellhom, Ġesù fejqu lill-​paralitiku. B’riżultat taʼ dan, in-​nies “bdew ifaħħru lil Alla” u qalu: “Ħwejjeġ bħal dawn qatt ma rajniehom.” (Mark 2:1-4, 11, 12) Il-​mirakli taʼ Ġesù ġabu tifħir fuq Jehovah, Alla tiegħu, u għenu lil min kien fil-​bżonn.

Madankollu, il-​fejqan mirakoluż tal-​morda ma kienx l-​objettiv prinċipali tal-​ministeru taʼ Ġesù. Wieħed minn dawk li kiteb rakkont tal-​ħajja taʼ Ġesù spjega: “Dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-​Messija l-​Iben taʼ Alla, u biex bit-​twemmin tagħkom ikollkom il-​ħajja f’ismu.” (Ġwann 20:31) Iva, Ġesù ġie fuq l-​art sabiex dawk il-​bnedmin li jemmnu jkun jistaʼ jkollhom il-​ħajja.

Is-​Sagrifiċċju Tiegħu

Int għandek mnejn tistaqsi, ‘Ġesù ġie fuq l-​art?’ ‘Minfejn ġie?’ Ġesù nnifsu qal: “Jiena nżilt mis-​sema mhux biex nagħmel ir-​rieda tiegħi, imma r-​rieda taʼ min bagħatni.” (Ġwann 6:38) Hu kellu eżistenza preumana bħala l-​Iben uniġenitu t’Alla. X’kienet mela r-​rieda taʼ Dak li bagħtu fuq l-​art? “Alla hekk ħabb lid-​dinja li ta lil Ibnu l-​waħdieni,” jgħid Ġwanni, wieħed mill-​Evanġelisti, “biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:16) Dan kif kien possibbli?

Il-Bibbja tirrevela kif ġiet il-​mewt fuq il-​bnedmin mingħajr ma setgħu jaħarbu minnha. L-​ewwel koppja umana rċiviet mingħand Alla l-​ħajja bil-​prospett li tgħix għal dejjem. Madankollu, dawn għażlu li jiħduha kontra Dak li għamilhom. (Ġenesi 3:1-19) Bħala riżultat taʼ din l-​azzjoni, l-​ewwel dnub uman, in-​nisel t’Adam u Eva wiret il-​wirt mhux mixtieq tal-​mewt. (Rumani 5:12) Sabiex l-​umanità tingħata l-​ħajja vera, id-​dnub u l-​mewt iridu jitwarrbu min-​nofs.

L-ebda xjenzat ma jistaʼ jelimina l-​mewt b’xi tip taʼ inġinerija ġenetika. Madankollu, il-​Ħallieq taʼ l-​umanità għandu l-​mezzi kif iġib il-​bnedmin ubbidjenti għall-​perfezzjoni sabiex ikunu jistgħu jgħixu għal dejjem. Fil-​Bibbja dan il-​provvediment jissejjaħ il-​prezz tal-​fidwa. L-​ewwel koppja umana biegħet lilha nfisha u lil nisilha fil-​jasar tad-​dnub u l-​mewt. Huma partu l-​ħajja bħala bnedmin perfetti u ubbidjenti lejn Alla maʼ ħajja indipendenti minn Alla, bl-​għażla f’idejhom dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Sabiex tinxtara lura l-​ħajja umana perfetta, kellu jitħallas prezz li kien ekwivalenti għall-​ħajja umana perfetta li tilfu l-​ewwel ġenituri tagħna. Billi wirtu l-​imperfezzjoni, il-​bnedmin ma kinux jikkwalifikaw biex jipprovdu dak il-​prezz.—Salm 49:8 [Salm 49:7, NW].

Għalhekk Alla Jehovah interviena biex jgħin. Hu ttrasferixxa l-​ħajja perfetta taʼ l-​Iben uniġenitu tiegħu għal ġol-​ġuf taʼ mara verġni, li welldet lil Ġesù. Għexur taʼ snin ilu, int għandek mnejn kont tiċħadha l-​idea taʼ twelid verġni. Illum, madankollu, ix-​xjenzati rnexxielhom jirriproduċu kopji identiċi taʼ mammali u jintroduċu ġeni minn annimal għal ieħor. Min, allura, jistaʼ bis-​sewwa jiddubita li l-​Ħallieq għandu l-​abbiltà li jaqbeż il-​proċess komuni tal-​prokreazzjoni?

Bl-eżistenza taʼ ħajja umana perfetta, il-​prezz sabiex tinfeda l-​umanità mid-​dnub u l-​mewt sar disponibbli. Madankollu, it-​tarbija li twieldet fuq l-​art bħala Ġesù kellha tikber biex issir it-​“tabib” li jkun kapaċi jforni d-​“duwa” sabiex ifejjaq il-​problemi taʼ l-​umanità. Hu għamel dan billi għex ħajja perfetta u bla dnub. Ġesù ma rax biss is-​sofferenza taʼ l-​umanità taħt id-​dnub imma ġarrab ukoll il-​limitazzjonijiet fiżiċi bħala bniedem. Din il-​ħaġa iktar għamlitu tabib li jagħder. (Lhud 4:15) Il-​fejqan mirakoluż li wettaq matul ħajtu fuq l-​art wera li hu għandu kemm il-​volontà u kemm il-​qawwa li jfejjaq lill-​morda.—Mattew 4:23.

Wara ministeru taʼ tliet snin u nofs hawn fuq l-​art, Ġesù nqatel mill-​għedewwa tiegħu. Hu wera li bniedem perfett jistaʼ jibqaʼ ubbidjenti lejn il-​Ħallieq saħansitra minkejja l-​akbar provi. (1 Pietru 2:22) Il-​ħajja umana perfetta li hu ssagrifika saret il-​prezz li tħallas għall-​fidwa, li bih setgħet tinfeda l-​umanità mid-​dnub u l-​mewt. Ġesù Kristu qal: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” (Ġwann 15:13) Fit-​tielet jum wara mewtu, Ġesù ġie rxoxtat għall-​ħajja fl-​ispirtu, u xi ġimgħat wara telaʼ s-​sema ħalli jippreżenta lil Alla Jehovah l-​prezz li tħallas għall-​fidwa. (1 Korintin 15:3, 4; Lhud 9:11-14) Billi għamel dan, Ġesù setaʼ japplika l-​mertu tas-​sagrifiċċju tal-​prezz tal-​fidwa għal dawk li jsegwuh.

Tixtieq int tibbenefika minn dan il-​fejqan tal-​mard spiritwali, emozzjonali, u fiżiku? Biex tagħmel dan jeħtieġ fidi f’Ġesù Kristu. Għala ma tmurx int stess għand it-​Tabib? Int tistaʼ tagħmel dan billi titgħallem dwar Ġesù Kristu u l-​irwol tiegħu f’li jsalva l-​umanità leali. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah lesti bil-​qalb kollha li jgħinuk.

[Stampa f’paġna 5]

Ġesù għandu kemm il-​volontà u kemm il-​qawwa li jfejjaq lill-​morda

[Stampa f’paġna 7]

Kif teffettwak il-​mewt taʼ Ġesù?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja