Ikseb il-Verità Kollha!
JIEN qatt ma rajt dak l-isem fil-Bibbja tiegħi,” qal Francisco. L-isem Jehovah kien għadu kif ġie muri lilu waqt diskussjoni maʼ wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Veru, hu ma setax ra l-isem divin fil-Bibbja tiegħu, edizzjoni tal-1969 tal-verżjoni Almeida Portugiża. L-isem Jehovah ma jidhirx fiha. Bħala Kattoliku Brażiljan, Francisco regolarment imur il-Quddies kull nhar taʼ Ħadd u jieħu gost jaqra l-Bibbja fid-dar tiegħu. Imma l-isem Jehovah qanqallu l-kurżità.
Min Hu Alla?
Il-ġimgħa taʼ wara, ix-Xhud ġablu edizzjoni oħra tal-verżjoni Almeida. Huma qabblu ż-żewġ edizzjonijiet f’Salm 83:18. U x’sabu? F’dik l-edizzjoni tal-1966, din l-iskrittura taqra: “Int, li lilek biss jappartjeni l-isem JEHOVAH, int l-Iktar Għoli għal fuq l-art”! Madankollu, fl-edizzjoni tal-1969, minflok “JEHOVAH” il-kelma “MULEJ” hija wżata. “Qed tara, biddlu xi ħaġa hawnhekk,” qal ix-Xhud, u mbagħad staqsa: “‘Mulej’ żgur li mhux isem, hux hekk?” “Le,” qal Francisco. Kemmxejn irrabjat, hu żied: “Kif setgħu jagħmlu hekk?”
Dan fetaħ it-triq għal riċerka żgħira dwar l-isem t’Alla. Per eżempju, Francisco sar jaf li skond The Catholic Encyclopedia (1910), Jehovah huwa “l-isem xieraq t’Alla fit-Testment il-Qadim.” Hu sar jaf ukoll li fit-“Testment il-Qadim,” li l-biċċa l-kbira tiegħu nkitbet fil-lingwa Ebrajka, dak l-isem jidher kważi 7,000 darba. L-ebda traduttur ma għandu d-dritt li jbiddel l-isem xieraq Jehovah għat-titlu indefinit Mulej. Francisco ried il-verità dwar l-isem Jehovah, u hu kisibha mill-Bibbja nfisha u permezz taʼ riċerka ggwidata b’mod xieraq.
X’Inhi l-Pożizzjoni taʼ Ġesù?
Kif innotajna fl-artiklu taʼ qabel, ir-reliġjonijiet tad-dinja ħassru ħafna veritajiet. Inċidentalment, fil-ministeru tagħhom minn dar għal dar, ix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom l-opportunità biex jiddeterminaw x’jemmnu n-nies. Naturalment, dan jistaʼ jvarja minn post għal post, imma xi idejat huma tipiċi. Per eżempju, meta jiġu mistoqsijin, ‘Min hu Alla?’ xi nies igħidu, ‘Ġesù.’ B’dan huma jridu jfissru li Ġesù huwa Alla li Jistaʼ Kollox. Imma din l-ideja tirrappreżenta l-verità?
Aħseb ftit dwar il-punti li ġejjin. Ġesù talab lil Missieru: “Dan ifisser il-ħajja taʼ dejjem, li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku veru Alla, u dwar dak li inti bgħatt, Ġesù Kristu.” (Ġwann 17:3) Innotajt int li Ġesù rrefera mhux għalih innifsu imma għal Missieru tas-sema bħala “l-uniku veru Alla”? Għalhekk, id-dixxipli bikrin taʼ Ġesu kienu korretti meta qalulu: “Inti tabilħaqq l-Iben t’Alla.” Ġesù nnifsu qal: “Jien l-Iben t’Alla.” Għalhekk, il-verità hi li Ġesu ma hux Alla li Jistaʼ Kollox, imma hu l-Iben taʼ Alla Jehovah.—Mattew 14:33; Ġwann 10:36.
X’Inhu d-Destin tal-Art?
Xi ngħidu dwar id-destin taʼ din il-ġenerazzjoni u tal-art? John F. Kennedy, li kien president tal-Istati Uniti, qal f’indirizz lill-Assemblea Ġenerali tal-ĠM: “Għandna l-qawwa li nagħmlu lil din il-ġenerazzjoni l-aħjar waħda tal-umanità fl-istorja tad-dinja—jew li nagħmluha l-aħħar waħda.” Mexxejja dinjin tal-lum mid-dehra jħossu l-istess ħaġa. Dak li x-Xhieda taʼ Jehovah spiss jisimgħu fil-ministeru tagħhom huwa li fit-tmiem tad-dinja, il-pjaneta Art se tiġi meqruda bin-nar jew bi gwerra nukleari. B’appoġġ lejn dan it-twemmin, xi wħud jippuntaw subgħajhom lejn Rivelazzjoni 21:1, li jgħid: “Jien rajt sema gdid u art ġdida; għax is-sema taʼ qabel u l-art taʼ qabel kienu għaddew, u l-baħar ma għadux iktar.”
Il-Bibbja spiss tuża l-kelma “art” f’sens figurattiv, billi tirreferi għall-umanità. Eżempju jinstab f’Ġenesi 11:1, li jgħid: “L-art kollha kompliet tkun taʼ lingwa waħda u taʼ sett wieħed taʼ kliem.” (Ara wkoll 1 Slaten 2:1, 2; Salm 96:1.) F’Rivelazzjoni 21:1, “l-art taʼ qabel” tirreferi, mhux għal din il-pjaneta, imma għas-soċjetà umana mill-agħar li se tiġi meqruda. Dan se jiftaħ it-triq biex il-Ġenna tiġi restawrata fuq l-art. (Luqa 23:43; 2 Tessalonkin 1:6-9; Rivelazzjoni 21:4) U dan jaqbel mal-bqija tal-Bibbja, li tindika li l-art litterali qatt ma se tiġi meqruda. Per eżempju, Salm 104:5 jistqarr li Alla “sejjes l-art fuq il-postijiet stabbiliti tagħha; mhux se tintgħamel tixxengel għal żmien indefinit, jew għal dejjem.” (Qabbel Ekkleżjasti 1:4.) Tabilħaqq, Jehovah ‘ifforma l-art biex tkun imgħammra’ għal dejjem.—Isaija 45:18.
Għala Niksbu l-Verità Kollha?
Dawk li rajna huma biss eżempji taʼ idejat żballjati li tant huma komuni llum. Madankollu, meta xi ħadd ikun lest li jirraġuna, bħalma kien il-każ taʼ Francisco, ix-Xhieda taʼ Jehovah jieħdu pjaċir li t-triq hija miftuħa għal diskussjoni li ddawwal dwar veritajiet Skritturali.
Li wieħed ma jiksibx il-verità kollha jistaʼ jwassal għal konsegwenzi koroh. Biex nagħtu eżempju: Meta Ġesù kien fuq l-art, ħafna ġew ipperswaduti biex jemmnu li hu kien sempliċement iben ieħor taʼ Marija u Ġuzeppi, sempliċement wieħed li qabel kien mastrudaxxa minn Nazzaret. B’hekk, huma ma tawhx ħafna attenzjoni. Sa ċertu punt, kellhom raġun. Ġesù kien l-iben taʼ Marija, ikkonċeput bl-ispirtu qaddis. Hu kien l-iben adottiv taʼ Ġużeppi, u hu kien verament ħadem bħala mastrudaxxa. (Mark 6:3) Madankollu, kienet dik il-verità kollha dwaru? Le! Ma kien xejn inqas mill-Messija u s-“Sultan tas-slaten” prospettiv! (Rivelazzjoni 17:14; Luqa 1:32-35; Atti 2:36) Li ma kisbux il-verità kollha dwar Ġesù wassal lil ħafna nies biex jitilfu privileġġ li qatt ma se jiġi ripetut—li jgawdu sħubija persunali maʼ Ġesù fuq l-art.
Fittex għall-Verita Kollha
Il-belt taʼ Berea (issa msejħa Véroia) f’Maċedonja tal-qedem hija magħrufa sewwa mal-qarrejja tal-Bibbja minħabba l-attitudni taʼ min ifaħħarha tal-abitanti tagħha tal-ewwel seklu. X’kienet dik l-attitudni? Il-kitba tgħid: “Huma laqgħu l-kelma [ippridkata mill-appostlu Pawlu] bl-akbar ħeġġa tal-moħħ, waqt li jeżaminaw bir-reqqa l-Iskrittura kuljum rigward jekk dawn l-affarijiet kinux hekk.” Ir-riżultat? “Ħafna minnhom saru jemmnu, u hekk għamlu mhux ftit min-nisa Griegi taʼ fama tajba u mill-irġiel.”−Atti 17:11, 12.
Xejn inqas taʼ mertu kienet l-attitudni tal-profeti t’Alla tal-qedem. Huma għamlu “inkjesta bil-għaqal u tfitxija bir-reqqa” rigward is-salvazzjoni li kellha tiġi permezz tal-Messija. (1 Pietru 1:10) Alla bierek l-isforzi tagħhom. Ovvjament, mela, ma tistax taqtaʼ fil-qasir. Li b’mod persistenti nfittxu għal u neżaminaw bir-reqqa t-tagħlim—dan hu l-mod kif niksbu l-verità kollha mill-Bibbja!
Int forsi tistaqsi, ‘Fejn għandi nibda?’ Wara li qrat xi pubblikazzjonijiet Kristjani, waħda mara li tgħix fil-Brażil kitbet: “Aħna [hi u żewġha] mill-ewwel irrealizzajna li kellna bżonn iktar minn dak ix-xorta taʼ għarfien, biex niksbu r-risposti għall-ħafna mistoqsijiet li kellna . . . Jekk jogħġbok, kif nistaʼ nikseb Bibbja u kotba oħra li se jgħinuni nkun naf iktar dwar Missierna tas-sema?” Hi kienet fit-triq it-tajba: taqra l-Bibbja flimkien maʼ letteratura li tgħid il-verità u li hija bbażata fuq il-Bibbja. Jekk int ukoll trid il-verità kollha, iftaħ qalbek għal Alla Jehovah u itlob il-għajnuna tiegħu. U jekk jogħġbok innota dan il-kliem inkuraġġanti: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, ħa jibqaʼ jistaqsi ’l Alla, għax hu jagħti b’mod ġeneruż lil kulħadd u mingħajr ma jċanfar; u sejjer jingħatalu. Imma ha jibqaʼ jistaqsi bil-fidi, bla ma jiddubita xejn.”—Ġakbu 1:5, 6.
Miljuni taʼ nies qed jiddiskutu l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah, u b’hekk jagħmlu inkjesta bil-għaqal u tfitxija bir-reqqa għall-verità. Li wieħed idaħħal ġo fih u japplika għarfien eżatt bħal dan dwar il-veru Alla u dwar Ġesù Kristu jfisser ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 17:3) Dik tistaʼ tkun il-barka grandjuża tiegħek jekk int tfittex bil-għaqal u tikseb il-verità kollha.
[Stampa f’paġna 6]
Il-verità kollha dwar Ġesù kienet li hu kien il-Messija, mhux sempliċi mastrudaxxa