Il-Ħarsa tal-Bibbja
Jaħfer Alla d-Dnubiet Serji?
IL-ĦNIENA hija waħda mill-kwalitajiet prinċipali t’Alla. (Salm 86:15) Kemm hi kbira l-ħniena tiegħu? Is-salmista kiteb: “Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ? Imma għandek hemm il-maħfra, biex hekk inqimuk fil-biżaʼ tiegħek.” (Salm 130:3, 4) Skrittura oħra tgħid: “Daqs kemm hu mbiegħed il-lvant mill-punent, hekk hu jbiegħed minna ħtijietna. Bħalma jħenn il-missier għal uliedu, hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biżaʼ tiegħu. Għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.”—Salm 103:12-14.
Jidher ċar li l-ħniena taʼ Ġeħova hija kompleta u ġeneruża, u din tqis il-limitazzjonijiet u l-imperfezzjonijiet tagħna—li aħna “trab.” Ikkunsidra xi eżempji Bibliċi li juru kemm hi kbira l-ħniena t’Alla.
L-appostlu Pietru ċaħad lil Kristu tliet darbiet. (Marku 14:66-72) L-appostlu Pawlu, li kien għadu ma sarx Kristjan, kien jippersegwita lis-segwaċi taʼ Kristu. Meta xi wħud minnhom kienu se jingħataw il-mewt, Pawlu vvota kontrihom. Hu saħansitra approva l-qtil taʼ wieħed minnhom. (Atti 8:1, 3; 9:1, 2, 11; 26:10, 11; Galatin 1:13) Qabel ma saru Kristjani, xi membri tal-kongregazzjoni f’Korintu kienu sakranazzi, imbroljuni, u ħallelin. (1 Korintin 6:9-11) Madankollu, dawn kollha ġew approvati minn Alla. Alla għala ħafrilhom?
Tliet Passi biex Tikseb il-Ħniena t’Alla
“Intwerejt ħniena, għax kont fl-injoranza u aġixxejt b’nuqqas taʼ fidi,” kiteb Pawlu. (1 Timotju 1:13) L-espressjoni onesta tiegħu ġġibna għall-ewwel pass li hu meħtieġ biex niksbu l-maħfra mingħand Alla—li nneħħu l-velu taʼ l-injoranza billi niksbu għarfien eżatt dwar Ġeħova u l-livelli tiegħu kif inhuma mniżżlin fil-Bibbja. (2 Timotju 3:16, 17) Ċertament li ma nistgħux nogħġbu lill-Ħallieq tagħna jekk ma nkunux nafuh sew. “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan,” qal Ġesù f’talba lil Missieru, “li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”—Ġwanni 17:3.
Meta wħud taʼ qalb onesta jiksbu dan l-għarfien, huma jiddispjaċihom ferm għan-nuqqasijiet taʼ l-imgħoddi u jiġu mqanqlin biex jesprimu ndiema minn qalbhom. Dan hu t-tieni pass biex wieħed jikseb il-maħfra mingħand Ġeħova. Atti 3:19 jgħid: “Għalhekk, indmu u duru lura sabiex dnubietkom jitħassrulkom.”
Dan il-vers isemmi wkoll it-tielet pass—li nduru lura. Wieħed idur lura billi jabbanduna l-mod kif kien jaġixxi u l-attitudnijiet taʼ qabel tiegħu u japplika l-livelli t’Alla kif ukoll iħares lejn l-affarijiet bil-mod kif iħares lejhom Hu. (Atti 26:20) Fi kliem ieħor, individwu li jbiddel ħajtu jkun qed juri li verament irid ifisser kliemu meta jgħid lil Alla, “Jiddispjaċini.”
Hemm Limitu Sakemm Alla Jaħfer
Hemm xi nies li Alla ma jaħfrilhomx id-dnubiet tagħhom. Pawlu kiteb: “Jekk wara li nkunu rċivejna l-għarfien eżatt dwar il-verità nipprattikaw id-dnub għax irridu, ma jibqaʼ ebda sagrifiċċju għad-dnubiet, imma stennija tal-biżaʼ tal-ġudizzju [taʼ kundanna].” (Ebrej 10:26, 27) Il-kliem “nipprattikaw id-dnub għax irridu” jissuġġerixxi li individwu b’xejn ma jkun irid jindem mill-ħażen tiegħu, u li qalbu tkun verament mill-agħar.
Ġuda l-Iskarjota żviluppa qalb bħal din. “Kien ikun aħjar għalih kieku ma twilidx,” qal Ġesù. (Mattew 26:24, 25) U dwar ċerti mexxejja reliġjużi taʼ żmienu, Ġesù qal: “Intom minn missierkom ix-Xitan . . . Meta jigdeb, jitkellem skond il-karattru tiegħu, għax hu giddieb u missier il-gidba.” (Ġwanni 8:44) Bħal Satana, dawn l-irġiel kienu ħżiena mill-fond taʼ qalbhom. Ma ddispjaċihomx għal dak li għamlu imma saru saħansitra iktar ħżiena fl-għemejjel mill-agħar tagħhom.a Veru li minħabba l-imperfezzjoni u d-dgħjufija, saħansitra Kristjani ġenwini jidinbu, u kultant serjament. Imma n-nuqqasijiet tagħhom ma jurux li huma jagħmlu dan għax fil-fond taʼ qalbhom huma nies mill-agħar.—Galatin 6:1.
Baqaʼ Ħanin sa l-Aħħar
Ġeħova ma jinnotax biss id-dnub imma jinnota wkoll l-attitudni tal-midneb. (Isaija 1:16-19) Ikkunsidra għal mument iż-żewġt irġiel ħżiena li kienu mdendlin fuq zokk ħdejn Ġesù. Bla dubju, it-tnejn li huma kienu wettqu atti kriminali serji, għax wieħed mill-irġiel ammetta: “Aħna . . . qed nieħdu bis-sħiħ dak li jistħoqqilna għal li għamilna; imma dan ir-raġel [Ġesù] m’għamel xejn barra minn loku.” Kliem dak ir-raġel ħażin jindika li hu kien jaf xi ħaġa dwar Ġesù. U dak l-għarfien x’aktarx li għen biex ikollu bidla notevoli fl-attitudni tiegħu. Dan hu indikat mill-kliem li qal wara, u din id-darba kien qed jitlob bil-ħniena lil Ġesù: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek.” Kristu kif wieġeb għal din it-talba mill-qalb? “Tassew ngħidlek illum,” qallu hu, “Int tkun fil-Ġenna miegħi.”—Luqa 23:41-43.
Aħseb ftit dwar dan: L-istqarrija finali taʼ Ġesù bħala bniedem kienet tinkludi espressjoni taʼ ħniena lejn bniedem li kien ammetta li kien ħaqqu l-piena tal-mewt. Kemm hu inkuraġġanti dan! Allura, nistgħu nibqgħu ċerti li kemm Ġesù Kristu u kemm Missieru, Ġeħova, se juru mogħdrija lejn dawk kollha li juru l-indiema vera, minkejja l-għemejjel tagħhom taʼ l-imgħoddi.—Rumani 4:7.
QATT ĦSIBT DWAR DAN?
◼ Kif tiddeskriviha l-ħniena t’Alla?—Salm 103:12-14; 130:3, 4.
◼ Liema passi għandu wieħed jieħu biex jikseb il-ħniena t’Alla?—Ġwanni 17:3; Atti 3:19.
◼ Ġesù x’wiegħdu lil dak ir-raġel ħażin li kien imdendel fuq zokk ħdejh?—Luqa 23:43.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “Dnibt Int Kontra l-Ispirtu Qaddis?” f’paġni 16-20 tal-ħarġa tat-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Lulju, 2007.
[Stampa f’paġna 26]
Ġesù wera li d-dnubiet serji jistgħu jinħafru