LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 7/1 pp. 30-31
  • Samaritan Jagħti Prova li Hu Proxxmu Tajjeb

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Samaritan Jagħti Prova li Hu Proxxmu Tajjeb
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Samaritan li Jagħder
  • Lezzjoni Għalina
  • Samaritan taʼ Qalb Tajba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Samaritan taʼ Qalb Tajba
    L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
  • Samaritan juri li tassew iħobb lil proxxmu
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • Nitgħallmu Nuru Qalb Tajba
    Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 7/1 pp. 30-31

Huma Għamlu r-​Rieda taʼ Jehovah

Samaritan Jagħti Prova li Hu Proxxmu Tajjeb

FI ŻMIEN Ġesù, mibegħda palpabbli eżistiet bejn il-​Lhud u l-​Ġentili. Maż-​żmien, il-​Mixna Lhudija saħansitra inkludiet liġi li pprojbiet lin-​nisa Iżraeliti milli jassistu lil dawk li ma kinux Lhud waqt li jkunu qed iwelldu, ladarba dan kien ikun t’għajnuna biss biex Ġentil ieħor jinġieb fid-​dinja.—Abodah Zarah 2:1.

Is-Samaritani kienu rrelatati iktar mill-​qrib mal-​Lhud milli kienu l-​Ġentili, kemm reliġjożament u kemm razzjalment. Madankollu, huma wkoll kienu magħdudin bħala tturufnati. “Il-​Lhud ma jitħalltux mas-​Samaritani,” kiteb l-​appostlu Ġwanni. (Ġwann 4:9) Tabilħaqq, it-​Talmud għallem li “biċċa ħobż mogħtija minn Samaritan hija iktar maħmuġa mil-​laħam tal-​ħanżir.” Xi Lhud użaw ukoll it-​terminu “Samaritan” bħala espressjoni taʼ disprezz u ċanfir.—Ġwann 8:48.

Meta tqis din is-​sitwazzjoni, il-​kliem taʼ Ġesù lil ċertu raġel li l-​liġi Lhudija kien jafha sew huwa istruttiv ħafna. Ir-​raġel resaq lejn Ġesù u staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-​ħajja taʼ dejjem?” Bi tweġiba, Ġesù ġibidlu l-​attenzjoni għal-​Liġi Mosajka, li tikkmanda biex ‘tħobb il-​Mulej, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, bil-​qawwa tiegħek, u b’moħħok kollu,’ u biex ‘tħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’ L-​avukat imbagħad staqsa lil Ġesù: “[I]l-proxxmu tiegħi min hu?” (Luqa 10:25-29; Levitiku 19:18; Dewteronomju 6:5) Skond il-​Fariżej, it-​terminu “proxxmu” kien japplika biss għal dawk li żammew mat-​tradizzjonijiet Lhud​—ċertament mhux għal Ġentili jew Samaritani. Jekk dan l-​avukat inkwiżittiv ħaseb li Ġesù kien se jappoġġja din il-​ħarsa, kien se jkollu sorpriża.

Samaritan li Jagħder

Ġesù wieġeb il-​mistoqsija tar-​raġel billi rrakkontalu parabbola.a “Wieħed raġel,” qal hu, “kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm.” Id-​distanza bejn Ġerusalemm u Ġeriko kienet taʼ madwar 23 kilometru. It-​triq li kienet tgħaqqad liż-​żewġt ibliet kellha dawrien ikrah u blat għoli ħiereġ ’il barra għal ġot-​triq, u b’hekk kien faċli għall-​ħallelin biex jistaħbew, jattakkaw, u jaħarbu. Kif ġraw l-​affarijiet, il-​vjaġġatur fil-​parabbola taʼ Ġesù “waqaʼ f’idejn il-​ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-​swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet.”—Luqa 10:30.

“Inzerta,” kompla Ġesù, “kien nieżel qassis minn dik it-​triq u rah, għadda minn mal-​ġenb u baqaʼ sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-​ġenb u baqaʼ sejjer.” (Luqa 10:31, 32) Il-​qassisin u l-​Leviti kienu għalliema tal-​Liġi​—inkluża l-​liġi taʼ mħabba lejn il-​proxxmu. (Levitiku 10:8-11; Dewteronomju 33:1, 10) Żgur li minn fost in-​nies kollha huma kellhom iħossuhom obbligati li jgħinu lill-​vjaġġatur midrub.

Ġesù kompla: ‘Kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, u wasal ħdejh.’ Li ssemma Samaritan bla dubju kabbar il-​kurżità taʼ l-​avukat. Kien Ġesù se japprova l-​ħarsa negattiva lejn din ir-​razza? Għall-​kuntrarju, hekk kif ra lill-​vjaġġatur sfortunat, is-​Samaritan “tħassru.” Qal Ġesù: “Resaq lejh, dewwielu l-​ġrieħi biż-​żejt u l-​inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-​bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu.b L-​għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-​lukanda u qallu, ‘Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, nroddhielek jien meta nerġaʼ ngħaddi.’”—Luqa 10:33-35.

Ġesù issa staqsa lill-​avukat: “Minn dawn it-​tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu taʼ proxxmu maʼ dak li waqaʼ f’idejn il-​ħallelin?” L-​avukat kien jafha t-​tweġiba, u madankollu donnu żamm lura milli jgħid “is-​Samaritan.” Minflok, hu wieġeb sempliċement: “Min ħenn għalih.” Ġesù mbagħad qal: “Mur u agħmel hekk int ukoll.”—Luqa 10:36, 37.

Lezzjoni Għalina

Ir-​raġel li staqsa lil Ġesù għamel dan f’attentat biex “jiġġustifika lilu nnifsu.” (Luqa 10:29, KŻ) Forsi ħaseb li Ġesù kien se jfaħħar ir-​rabta fastidjuża tiegħu mal-​Liġi Mosajka. Imma dan l-​individwu li kien jippretendiha kellu bżonn jitgħallem il-​verità tal-​proverbju Bibliku: “Kull ma jagħmel il-​bniedem hu safi f’għajnejh, imma l-​Mulej jiżinlu qalbu.”—Proverbji 21:2.

Il-parabbola taʼ Ġesù turi li individwu verament rett huwa wieħed li mhux biss jobdi l-​liġi t’Alla imma wkoll jimita l-​kwalitajiet tiegħu. (Efesin 5:1) Per eżempju, il-​Bibbja tgħidilna li “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd.” (Atti 10:34) Nimitawh lil Alla f’dan ir-​rigward? Il-​parabbola kommoventi taʼ Ġesù turi li l-​imħabba tagħna lejn il-​proxxmu għandha tisboq lill-​barrieri nazzjonali, kulturali, u reliġjużi. Tassew, il-​Kristjani huma istruwiti biex ‘jagħmlu l-​ġid maʼ kulħadd’​—mhux biss man-​nies taʼ l-​istess klassi soċjali, razza, jew nazzjon u mhux biss lejn sħabna kredenti.—Galatin 6:10.

Ix-Xhieda taʼ Jehovah jħabirku biex isegwu din l-​ammonizzjoni Skritturali. Per eżempju, meta diżastri naturali jolqtu xi mkien, huma jestendu għajnuna umanitarja lil kredenti sħabhom kif ukoll lil dawk li m’humiex Xhieda.c Flimkien maʼ dan, huma kollettivament iqattgħu iktar minn biljun siegħa fis-​sena f’li jgħinu lin-​nies biex jaslu għal għarfien aħjar tal-​Bibbja. Huma jħabirku biex jilħqu lil kulħadd bil-​messaġġ tas-​Saltna, għax ir-​rieda t’Alla hi li “l-​bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-​verità.”—1 Timotju 2:4; Atti 10:35.

[Noti taʼ taħt]

a Parabbola hija rakkont qasir, taʼ spiss fittizju li minnu tistaʼ toħroġ verità morali jew spiritwali.

b Xi lukandi fi żmien Ġesù evidentement ipprovdew mhux biss kenn imma wkoll ikel u servizzi oħrajn. Dan setaʼ jkun it-​tip t’akkomodazzjonijiet li kellu f’moħħu Ġesù, għaliex il-​kelma Griega wżata hawn hija differenti minn dik tradotta “fil-​kamra taʼ l-​alloġġ” f’Luqa 2:7, NW.

c Għal eżempji, ara The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Diċembru, 1996, paġni 3-8, u It-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Jannar, 1998, paġni 3-7.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja