Dawn Għamlu r-Rieda taʼ Jehovah
Marija Tagħżel “l-Aħjar Sehem”
FI ŻMIEN Ġesù, in-nisa Lhud kienu mxekklin mit-tradizzjonijiet rabbiniċi. Għaldaqstant, kienu skuraġġiti milli jistudjaw il-Liġi. Fil-fatt, opinjoni waħda kwotata fil-Mixna kienet tgħid: “Jekk xi raġel jagħti lil bintu xi għarfien mil-Liġi jkun qisu għallimha xi ħaġa faħxija.”—Sotah 3:4.
Minħabba f’hekk, ħafna nisa fil-Ġudea fl-ewwel seklu ma kinux taʼ skola. “M’hemm l-ebda evidenza li xi darba, qabel il-ministeru taʼ Ġesù, in-nisa Lhud kienu qatt tħallew ikunu dixxipli taʼ xi għalliem kbir, aħseb u ara li jivvjaġġaw maʼ għalliem bħal dan, jew jgħallmu lil xi ħadd jekk mhux lit-tfal,” jinnota The Anchor Bible Dictionary. Biex iktar ibaxxu lin-nisa, xi mexxejja reliġjużi saħansitra għamlu regola li tesiġi li raġel m’għandux ikellem lil xi mara fil-pubbliku!
Ġesù injora attitudnijiet bħal dawn li jiċħdu ’l Alla. Hu għallem kemm lin-nisa u kemm lill-irġiel, u fost is-segwaċi tiegħu kien ikun hemm kemm irġiel u kemm nisa. (Luqa 8:1-3) F’okkażjoni minnhom, Ġesù kien mistieden għand Marta u Marija. (Luqa 10:38) Dawn iż-żewġ nisa kienu ħut Lazzru, u t-tlieta li huma kienu dixxipli u ħbieb sewwa taʼ Ġesù. (Ġwann 11:5) Din il-familja għandha mnejn kienet prominenti, meta wieħed iqis l-għadd kbir taʼ nies li ġew ifarrġu lil Marta u Marija meta miet Lazzru. Kien x’kien il-każ, dak li ġara f’darhom meta Ġesù kien mistieden għandhom ipprovda lezzjoni taʼ valur mhux għalihom biss imma għalina wkoll.
Titgħallem f’Riġlejn Ġesù
Bla dubju, Marta u Marija kienu ħerqanin biex lil Ġesù jlestulu ikla kbira, u probabbli kellhom biex. (Qabbel Ġwann 12:1-3.) Madankollu, meta wasal il-mistieden tagħhom, Marija “niżlet bil-qiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid.” (Luqa 10:39) L-ebda tradizzjoni tal-bniedem ma kienet se twaqqaf lil Ġesù milli jgħallem mara sinċiera li kienet tant ħerqana biex titgħallem! Nistgħu nimmaġinaw lil Marija bil-qegħda quddiem Ġesù, waqt li qegħdet lilha nfisha f’pożizzjoni bħala studenta, mitlufa tismaʼ t-tagħlim taʼ l-Imgħallem tagħha.—Qabbel Dewteronomju 33:3; Atti 22:3.
Kuntrarju għal Marija, Marta “kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar.” Peress li kienet qed tipprepara ikla kbira, kellha ħafna x’tagħmel. Marta ma ħaditx pjaċir li baqgħet waħedha tagħmel ix-xogħol waqt li oħtha kienet bil-qegħda f’riġlejn Ġesù! Għalhekk, Marta qatgħet il-kliem taʼ Ġesù lil Marija, forsi ħesrem, u stqarret: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi!”—Luqa 10:40.
Ma kien hemm xejn ħażin fit-talba nfisha taʼ Marta. Fuq kollox, biex tħejji ikla għal xi grupp jirrikjedi xogħol iebes, u l-piż m’għandux jaqaʼ fuq persuna waħda. Madankollu, fl-istqarrija tagħha Ġesù ra l-opportunità biex jgħallem lezzjoni taʼ valur. “Marta Marta,” hu qal, “inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex.”—Luqa 10:41, 42.
Ġesù ma kienx qed jgħid li Marta ma kellhiex interess biżżejjed fl-affarijiet spiritwali. Għall-kuntrarju, hu kien jafha bħala mara taʼ devozzjoni kbira lejn Alla.a Wara kollox, dan kien mingħajr dubju dak li qanqalha biex tistieden lil Ġesù f’darha. Madankollu, fit-twiddiba tiegħu bil-ħlewwa, Ġesù kien qed joħroġ il-punt li Marta, minħabba l-attenzjoni ansjuża għall-ikla, kienet qed titlef opportunità rari li tirċievi istruzzjoni persunali mingħand Bin Alla.
Veru, il-kultura taʼ dak iż-żmien għandha mnejn kienet tappoġġa l-ħarsa li l-aħjar prova taʼ kemm mara tiswa hi l-kapaċità tagħha fil-faċendi tad-dar. Imma l-kliem taʼ Ġesù wera li n-nisa, bħall-irġiel, setgħu joqogħdu bil-qegħda f’riġlejn Bin Alla u jirċievu l-kliem tal-ħajja! (Ġwann 4:7-15; Atti 5:14) Meta tqis dan, kien ikun ħafna aħjar għal Marta li tipprovdi sempliċement ftit ikel—jew saħansitra platt wieħed biss—jekk dan setaʼ jħallilha l-opportunità li toqgħod f’riġlejn l-Imgħallem u titgħallem mingħandu.—Qabbel Mattew 6:25.
Lezzjoni Għalina
Illum, kemm l-irġiel u kemm in-nisa jinsabu fost dawk li jwieġbu għall-istedina taʼ Ġesù biex ‘jieħdu l-ilma tal-ħajja b’xejn.’ (Apokalissi 22:17) Imqanqlin mill-imħabba, xi wħud—bħal Marta—jagħmlu ħilithom biex ikunu t’għajnuna għall-bżonnijiet taʼ sħabhom fit-twemmin. Huma prattiċi u ħfief biex jieħdu azzjoni, u Jehovah jwiegħed li se jbierek ix-xogħlijiet li jagħmlu bl-imħabba. (Lhud 6:10; 13:16) Oħrajn forsi jixbhu iktar mill-qrib lil Marija. Huma ġwejdin u jħobbu jaħsbu fil-kwiet fuq affarijiet spiritwali. Il-ħerqa tagħhom biex jimmeditaw fuq il-Kelma t’Alla tgħinhom jibqgħu bl-għeruq tagħhom sodi fil-fidi.—Efesin 3:17-19.
Iż-żewġ tipi taʼ individwi jimlew bżonn vitali fil-kongregazzjoni Kristjana. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, kulħadd għandu ‘jagħżel l-aħjar sehem’ billi jpoġġi enfasi primarju fuq l-affarijiet spiritwali. Billi nkunu żguri mill-affarijiet iktar importanti, aħna se jkollna l-favur u l-barka taʼ Jehovah.—Filippin 1:9-11.
[Nota taʼ taħt]
a Li Marta kienet mara spiritwali taʼ fidi kbira hu evidenti mill-konversazzjoni tagħha maʼ Ġesù wara l-mewt taʼ ħuha, Lazzru. F’din l-okkażjoni, Marta kienet iktar ħerqana biex tiltaqaʼ maʼ l-Imgħallem tagħha.—Ġwann 11:19-29.