Komplu ‘Agħtu Ħafna Frott’
1 Billi uża termini simboliċi, Ġesù xebbah lilu nnifsu mad-dielja vera, lil Missieru maʼ Bidwi, u lis-segwaċi tiegħu midlukin bl-ispirtu maʼ friegħi produttivi tad-dielja. Meta ddeskriva x-xogħol tal-Bidwi simboliku, Ġesù enfasizza l-importanza taʼ li nibqgħu mqabbdin sodi mad-dielja. (Ġw. 15:1-4) It-tagħlima hi li dawk kollha li għandhom relazzjoni persunali mill-qrib maʼ Ġeħova għandhom ikunu bħall-friegħi produttivi tad-“dielja vera,” Ġesù Kristu. Aħna għandna nkomplu nipproduċu b’mod abbundanti kemm “il-frott taʼ l-ispirtu” u kemm il-frott tas-Saltna.—Gal. 5:22, 23; Mt. 24:14; 28:19, 20.
2 Il-Frott taʼ l-Ispirtu: Il-progress spiritwali tagħna jistaʼ jiġi mkejjel sew minn kemm qed nuru l-frott taʼ l-ispirtu. Qiegħed taħdem biex tikkultiva l-frott taʼ l-ispirtu t’Alla billi tistudja u timmedita fuq il-Kelma t’Alla regolarment? (Flp. 1:9-11) Taħsibhiex darbtejn biex titlob għall-ispirtu qaddis, li jistaʼ jipproduċi fik kwalitajiet li jigglorifikaw lil Ġeħova u li jistgħu jgħinuk tkompli tagħmel progress spiritwali.—Lq. 11:13; Ġw. 13:35.
3 Il-fatt li nikkultivaw il-frott taʼ l-ispirtu se jgħinna biex inkunu ministri iktar żelużi. Per eżempju, l-imħabba u l-fidi jqanqluna biex nagħmlu l-wisaʼ fl-iskeda mimlija tagħna sabiex nieħdu sehem regolarment fil-ministeru. Kwalitajiet bħall-paċi, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, il-ħlewwa, u r-rażna jgħinuna biex nirreaġixxu b’mod xieraq maʼ dawk li jopponuna. Il-ferħ jgħinna niksbu sodisfazzjon fil-ministeru anki meta n-nies ma jkunux iridu jisimgħu.
4 Il-Frott tas-Saltna: Aħna rridu nipproduċu wkoll il-frott tas-Saltna. Dan jinkludi li ‘noffru s-sagrifiċċju taʼ tifħir lil Alla, jiġifieri, il-frott tax-xofftejn li jistqarru [isem Ġeħova] pubblikament.’ (Ebr. 13:15) Aħna nagħmlu dan billi nipproklamaw l-aħbar tajba b’żelu u b’lealtà. Qiegħed int tħabrek biex tipproduċi iktar frott tas-Saltna billi ttejjeb il-ministeru persunali tiegħek?
5 Ġesù indika li s-segwaċi leali tiegħu kienu se jipproduċu ammont differenti taʼ frott. (Mt. 13:23) Għalhekk, aħna m’għandniex inqabblu lilna nfusna maʼ ħaddieħor imma għandna nagħtu l-aħjar tagħna lil Ġeħova. (Gal. 6:4) Eżami onest taċ-ċirkustanzi persunali tagħna fid-dawl tal-Kelma t’Alla se jgħinna nkomplu nigglorifikaw lil Ġeħova billi ‘nagħtu ħafna frott.’—Ġw. 15:8.