LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bt kap. 3 pp. 20-27
  • “L-Ispirtu Qaddis Ġie Fuqhom”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “L-Ispirtu Qaddis Ġie Fuqhom”
  • Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Kollha fl-Istess Post” (Atti 2:1-4)
  • “Kull Wieħed Beda Jismaʼ . . . bil-Lingwa Tiegħu Stess” (Atti 2:5-13)
  • “Pietru Qam Bilwieqfa” (Atti 2:14-37)
  • “Ħa Jitgħammed Kull Wieħed Minnkom” (Atti 2:38-47)
  • Il-Kristjanità Tinfirex Fost il-Lhud taʼ l-Ewwel Seklu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Nies “mill-Ilsna Kollha” Jisimgħu l-Aħbar Tajba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Mgħammdin fl-Isem taʼ Min u taʼ Xiex?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
bt kap. 3 pp. 20-27

KAPITLU 3

“L-Ispirtu Qaddis Ġie Fuqhom”

X’ġara wara li l-ispirtu qaddis ġie fuqhom f’Pentekoste

Ibbażat fuq Atti 2:1-47

1. Iddeskrivi l-atmosfera tal-Festa taʼ Pentekoste.

IT-TOROQ taʼ Ġerusalemm huma mimlijin attività u eċċitament.a Mill-artal tat-tempju tielaʼ d-duħħan hekk kif il-Leviti jkantaw il-Ħallel (Salm 113 sa 118), x’aktarx bi stil antifonali, jew taʼ li jwieġbu lil xulxin. It-toroq huma miżgħudin bil-viżitaturi. Huma ġew minn postijiet imbegħdin bħal Għelam, il-Mesopotamja, il-Kappadoċja, il-Pontu, l-Eġittu, u Ruma.b X’inhi l-okkażjoni? Pentekoste, imsejjaħ ukoll il-“jum tal-ewwel prodott.” (Num. 28:26) Din il-festa annwali timmarka t-tmiem tal-ħsad tax-xgħir u l-bidu tal-ħsad tal-qamħ. Huwa jum taʼ ferħ.

Mappa li turi minn fejn kienu dawk li semgħu l-aħbar tajba f’Pentekoste 33 WK. 1. Postijiet: Libja, Eġittu, Etjopja, Bitinja, Pontu, Kappadoċja, Lhudija, Mesopotamja, Babilonja, Għelam, Medja, u Partija. 2. Bliet: Ruma, Lixandra, Memfi, Antjokja (tas-Sirja), Ġerusalemm, u Babilonja. 3. Ibħra: Il-Baħar Mediterran, il-Baħar l-Iswed, il-Baħar l-Aħmar, il-Baħar Kaspju, u l-Golf Persjan.

ĠERUSALEMM—IĊ-ĊENTRU TAL-​ĠUDAIŻMU

Ħafna mill-ġrajjiet fl-ewwel kapitli tal-ktieb tal-​Atti jseħħu f’Ġerusalemm. Din il-belt tinsab fost l-għoljiet fis-sarbut taʼ muntanji ċentrali fil-Lhudija, madwar 55 kilometru lejn il-Lvant tal-Baħar Mediterran. Fis-sena 1070 qabel Kristu (QK), ir-Re David għeleb il-fortizza fil-quċċata tal-għolja tal-Muntanja Sijon, li qiegħda f’dan is-sarbut, u l-belt li kibret madwarha saret il-belt kapitali tal-ġens taʼ Iżrael tal-qedem.

Qrib il-Muntanja Sijon hemm il-Muntanja Morija, il-post, skont tradizzjoni antika Lhudija, fejn Abraham ipprova joffri lil Iżakk bħala sagrifiċċju xi 1,900 sena qabel il-ġrajjiet deskritti f’​Atti. Il-Muntanja Morija saret parti mill-belt meta Salamun bena fuqha l-ewwel tempju taʼ Ġeħova. Dan il-bini kbir sar iċ-ċentru tal-ħajja u l-qima pubblika tal-Lhud.

Kien fit-tempju taʼ Ġeħova li l-Lhud devoti kollha kienu jinġabru regolarment mill-art abitata kollha biex joffru sagrifiċċji, iqimu, u josservaw il-festi tal-istaġun. Kienu jagħmlu dan biex jobdu l-kmand t’Alla: “Tliet darbiet fis-sena, l-irġiel kollha tiegħek għandhom jidhru quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek fil-post li jagħżel.” (Dt. 16:16) Ġerusalemm kienet ukoll iċ-ċentru tas-Sinedriju l-Kbir, il-qorti superjuri u l-kunsill amministrattiv nazzjonali tal-Lhud.

2. Liema ġrajjiet tal-għaġeb iseħħu f’Pentekoste tas-sena 33 WK?

2 Fl-għodwa kalma tar-rebbiegħa tas-sena 33 WK għall-ħabta tad-disgħa, tiġri xi ħaġa li ħafna se jibqgħu jistagħġbu biha fis-sekli taʼ wara. “F’daqqa waħda nstemaʼ ħoss mis-sema mad-dar kollha bħal dak taʼ riħ qawwi,” jew “bħall-ħoss kbir taʼ maltempata qawwija.” (Atti 2:2; International Standard Version) Il-ħoss qawwi jimla d-dar fejn hemm miġburin madwar 120 dixxiplu taʼ Ġesù. Imbagħad tiġri xi ħaġa tal-għaġeb. Jibdew jidhru ilsna qishom tan-nar, u joqogħdu fuq kull dixxiplu.c Imbagħad ‘l-ispirtu qaddis jiġi fuqhom’ u jibdew jitkellmu b’lingwi barranin! Meta d-dixxipli jitilqu mid-dar, dawk il-viżitaturi li jiltaqgħu magħhom fit-toroq taʼ Ġerusalemm jibqgħu skantati, għax id-dixxipli jistgħu jkellmuhom! Tabilħaqq, kull wieħed jismagħhom “jitkellmu bil-lingwa tiegħu stess.”—Atti 2:1-6.

3. (a) Pentekoste tas-sena 33 WK, għala jistaʼ jissejjaħ ġrajja importanti fl-istorja tal-qima vera? (b) It-taħdita taʼ Pietru kif kellha x’taqsam mal-użu taċ-“ċwievet tas-Saltna”?

3 Dan ir-rakkont li jqanqal jiddeskrivi ġrajja importanti fil-qima vera—il-bidu tal-ġens taʼ Iżrael spiritwali, il-kongregazzjoni Kristjana midluka. (Gal. 6:16) Imma hemm iktar minn hekk. Meta Pietru indirizza lil folla dakinhar, hu uża l-ewwel ċavetta mit-tliet “iċ-ċwievet tas-Saltna,” li kull wieħed kellu jiftaħ privileġġi speċjali għal grupp differenti taʼ nies. (Mt. 16:18, 19) Din l-ewwel ċavetta għamlitha possibbli għal-Lhud u għall-proseliti Lhud biex jaċċettaw l-aħbar tajba u biex jiġu midlukin bl-ispirtu qaddis t’Alla.d B’hekk, huma kellhom isiru parti minn Iżrael spiritwali, u kien se jkollhom it-tama li jmexxu bħala slaten u qassisin fis-Saltna Messjanika. (Riv. 5:9, 10) Maż-żmien, dan il-privileġġ kellu jestendi għas-Samaritani u mbagħad għall-Ġentili. Il-Kristjani llum x’jistgħu jitgħallmu mill-ġrajjiet sinifikanti taʼ Pentekoste tas-sena 33 WK?

“Kollha fl-Istess Post” (Atti 2:1-4)

4. Il-kongregazzjoni Kristjana tal-lum kif inhi estensjoni tal-kongregazzjoni li ġiet ifformata fis-sena 33 WK?

4 Il-kongregazzjoni Kristjana bdiet b’madwar 120 dixxiplu li kienu “kollha fl-istess post”—kamra taʼ fuq—u li ġew midlukin bl-ispirtu qaddis. (Atti 2:1) Sa tmiem dak il-jum, il-membri mgħammdin taʼ din il-kongregazzjoni kienu jgħoddu bl-eluf. U dan kien biss il-bidu tat-tkabbir t’organizzazzjoni li qed tkompli tespandi llum! Iva, komunità taʼ rġiel u nisa li jibżgħu minn Alla—il-kongregazzjoni Kristjana tal-lum—hi l-mezz li bih “l-aħbar tajba tas-Saltna” qed tiġi “ppritkata mad-dinja kollha biex tingħata xhieda lill-popli kollha” qabel it-tmiem taʼ din is-sistema.—Mt. 24:14.

5. Sħubija mal-kongregazzjoni Kristjana kellha ġġib liema barka fl-ewwel seklu u llum?

5 Il-kongregazzjoni Kristjana kienet se tkun ukoll sors taʼ saħħa spiritwali għall-membri tagħha, għall-midlukin u, iktar tard, għal dawk tan-“nagħaġ oħrajn.” (Ġw. 10:16) Pawlu wera l-apprezzament tiegħu għall-appoġġ li l-membri tal-kongregazzjoni jagħtu lil xulxin meta kiteb lill-Kristjani f’Ruma: “Għandi xewqa kbira li narakom, biex nagħtikom xi għotja spiritwali sabiex tissodaw; jew, pjuttost, biex ninkuraġġixxu lil xulxin bil-fidi tagħna, intom lili u jien lilkom.”—Rum. 1:11, 12.

RUMA—IL-BELT KAPITALI TAʼ IMPERU

Matul il-perijodu taż-żmien li jkopri l-ktieb tal-​Atti, Ruma kienet l-akbar belt u politikament l-iktar waħda importanti fid-dinja taʼ dak iż-żmien. Kienet il-belt kapitali taʼ imperu li fl-aqwa tiegħu ħakem ħafna artijiet, mill-Brittanja sal-Afrika taʼ Fuq u mill-Oċean Atlantiku sal-Golf Persjan.

F’Ruma kien hemm taħlita taʼ kulturi, razez, lingwi, u superstizzjonijiet. Sistema taʼ toroq miżmumin tajjeb ġabu vjaġġaturi u merkanzija minn kull rokna tal-imperu. Fil-port taʼ Ostia li kien fil-viċin, bastimenti li kienu jbaħħru regolarment fir-rotot traffikużi tan-negozju kienu jħottu affarijiet tal-ikel u affarijiet lussużi li kienu għall-belt.

Sal-ewwel seklu WK, ħafna iktar minn miljun persuna kienu jgħixu f’Ruma. Forsi nofs il-popolazzjoni kienu lsiera—kriminali kundannati, tfal mibjugħin jew abbandunati mill-ġenituri tagħhom, u priġunieri maqbudin matul kampanji tal-armati Rumani. Fost dawk li nġiebu Ruma bħala lsiera kien hemm Lhud minn Ġerusalemm, wara li l-belt ġiet megħluba mill-Ġeneral Ruman Pompej fis-sena 63 WK.

Il-biċċa l-kbira mill-popolazzjoni ħielsa kienu foqra u kienu jgħixu f’bini taʼ ħafna sulari mimlijin nies u kienu jiddependu mis-sussidji tal-gvern. Madankollu, l-imperaturi żejnu l-belt kapitali tagħhom bi ftit mill-iktar bini pubbliku maestuż li qatt kien hawn. Fosthom kien hemm teatri u stadji kbar li kienu joffru spettakli bħall-kant u l-irreċtar fuq il-palk, il-ġlied tal-gladjaturi, u t-tiġrijiet tal-karrijiet—kollox b’xejn għad-divertiment tal-popolazzjoni taʼ Ruma.

6, 7. Il-kongregazzjoni Kristjana llum kif qed twettaq l-inkarigu taʼ Ġesù biex tipprietka lill-popli kollha?

6 Illum, il-kongregazzjoni Kristjana għandha l-istess objettivi li kellha fl-ewwel seklu. Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu xogħol taʼ sfida x’jagħmlu, imma fl-istess ħin eċċitanti. Hu qalilhom: “Għallmu n-nies mill-popli kollha biex isiru dixxipli tiegħi u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu qaddis. U għallmuhom jobdu dak kollu li kkmandajtkom.”—Mt. 28:19, 20.

7 Ġeħova juża l-kongregazzjoni Kristjana tax-Xhieda taʼ Ġeħova biex iwettaq dan ix-xogħol fi żmienna. M’għandniex xi ngħidu, hija sfida li tilħaq lin-nies li jitkellmu b’lingwi differenti. Madankollu, ix-Xhieda taʼ Ġeħova ħarġu materjal ibbażat minn fuq il-Bibbja b’iktar minn 1,000 lingwa. Jekk int qed tissieħeb b’mod attiv mal-kongregazzjoni Kristjana u qed tieħu sehem fix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna u taʼ li tagħmel dixxipli, għandek għal xiex tkun ferħan. Int magħdud man-numru relattivament żgħir li hawn fuq l-art illum li għandhom il-privileġġ jagħtu xhieda bid-dettall dwar l-isem taʼ Ġeħova!

8. X’għajnuna nirċievu mill-kongregazzjoni Kristjana?

8 Biex jgħinek tissaporti bil-ferħ matul dawn iż-żminijiet kritiċi, Alla Ġeħova pprovda sħubija tal-aħwa madwar id-dinja. Pawlu kiteb lill-Kristjani Ebrej: “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud, imma ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif taraw joqrob il-jum.” (Ebr. 10:24, 25) Il-kongregazzjoni Kristjana hija provvediment mingħand Ġeħova sabiex int tkun tistaʼ tinkuraġġixxi lil oħrajn u wkoll biex tiġi inkuraġġit int stess. Ibqaʼ qrib ħutek spiritwali. Qatt tabbanduna l-laqgħat Kristjani tagħna!

“Kull Wieħed Beda Jismaʼ . . . bil-Lingwa Tiegħu Stess” (Atti 2:5-13)

Dixxipli taʼ Ġesù jippritkaw lil Lhud u proseliti Lhud fi triq mimlija nies.

“Nisimgħuhom jitkellmu bil-lingwa tagħna dwar l-affarijiet tal-għaġeb t’Alla.”​—Atti 2:11

9, 10. Xi wħud kif għamlu lilhom infushom disponibbli biex jilħqu lil dawk li jitkellmu b’lingwa differenti?

9 Immaġina l-eċċitament li żgur infirex f’daqqa waħda fost il-kotra mħallta taʼ Lhud u proseliti f’Pentekoste tas-sena 33 WK Il-biċċa l-kbira minn dawk preżenti x’aktarx li kienu jitkellmu b’lingwa komuni, forsi l-Grieg jew l-Ebrajk. Imma issa “kull wieħed beda jismaʼ lid-dixxipli jitkellmu bil-lingwa tiegħu stess.” (Atti 2:6) Ċertament li dawk li semgħu żgur ġew imqanqlin meta semgħu l-aħbar tajba b’ilsien art twelidhom. Naturalment, il-Kristjani llum ma ngħatawx l-abbiltà mirakoluża li jitkellmu b’lingwi barranin. Madankollu, ħafna għamlu lilhom infushom disponibbli biex jaqsmu l-messaġġ tas-Saltna man-nies taʼ kull nazzjon. Kif? Xi wħud tgħallmu lingwa ġdida sabiex ikunu jistgħu jaqdu f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija fil-viċin jew saħansitra jmorru jgħixu f’pajjiż barrani. Spiss, isibu li s-semmiegħa tagħhom jibqgħu impressjonati mhux ħażin bl-isforzi tagħhom.

10 Ikkunsidra lil Christine, li ħadet kors biex titgħallem il-lingwa tal-Gujarati flimkien maʼ sebaʼ Xhieda oħrajn. Meta ltaqgħet maʼ seħbitha tax-xogħol li titkellem bil-Gujarati, sellmet lill-mara żagħżugħa bil-lingwa taʼ pajjiżha. Il-mara baqgħet impressjonata u riedet tkun taf għala Christine kienet qed tagħmel l-isforz biex titgħallem lingwa daqshekk diffiċli bħall-Gujarati. Christine rnexxielha tagħti xhieda mill-aħjar. Il-mara żagħżugħa qalet lil Christine: “Bilfors li għandek xi ħaġa importanti xi tgħid.”

11. Kif nistgħu nkunu preparati biex nippritkaw il-messaġġ tas-Saltna lil nies taʼ lingwi oħrajn?

11 M’għandniex xi ngħidu, mhux kulħadd jistaʼ jitgħallem lingwa oħra. Minkejja dan, nistgħu nkunu preparati biex nippritkaw il-messaġġ tas-Saltna lil nies taʼ lingwi oħrajn. Kif? Mod wieħed hu billi nużaw l-app tal-JW Language® biex nitgħallmu nsellmu lin-nies b’lingwa li hi popolari fit-territorju tagħna. Nistgħu wkoll nitgħallmu xi frażijiet b’din il-lingwa biex inqajmu l-interess. Tajjeb li ngħidulhom bil-website jw.org, u nipprovaw nuruhom il-vidjows u l-pubblikazzjonijiet differenti li għandna bil-lingwa tagħhom. Jekk nużaw dawn l-għodod fil-ministeru tagħna jistaʼ jkollna l-istess ferħ li kellhom ħutna fl-ewwel seklu, meta nies minn pajjiżi differenti baqgħu mistagħġbin meta semgħu l-aħbar tajba ‘bil-lingwa tagħhom stess.’

IL-LHUD FIL-MESOPOTAMJA U FL-EĠITTU

Il-ktieb The History of the Jewish People in the Age of Jesus Christ (175 B.C.–A.D. 135) jgħid: “Fil-Mesopotamja, fil-Medja u f’Babilonja kienu jgħixu d-dixxendenti tal-membri tas-saltna tal-għaxar tribujiet [taʼ Iżrael], u tas-saltna taʼ Ġuda, li kienu ttieħdu hemmhekk mill-Assirjani u l-Babiloniżi.” Skont Esdra 2:64, kienu biss 42,360 Iżraeli li rritornaw lejn Ġerusalemm mill-eżilju Babiloniż tagħhom. Dan seħħ fis-sena 537 QK. Ġużeppi Flavju jgħid li fl-ewwel seklu WK, il-Lhud li “kienu joqogħdu madwar Babilonja” kienu jgħoddu bl-għaxriet t’eluf. Mit-tielet sal-ħames seklu WK, dawn il-komunitajiet għamlu x-xogħol magħruf bħala t-Talmud Babiloniż.

Xi dokumenti juru li kien hemm xi Lhud jgħixu fl-Eġittu kmieni minn tal-inqas mis-sitt seklu QK. Matul dan il-perijodu, Ġeremija ta messaġġ lil-Lhud li kienu jgħixu f’diversi lokalitajiet fl-Eġittu, inkluż f’Nof.g (Ġer. 44:1) X’aktarx li gruppi kbar taʼ Lhud immigraw lejn l-Eġittu matul iż-żmien li l-kultura Griega influwenzat lil ġnus oħrajn. Ġużeppi Flavju jgħid li l-Lhud kienu fost l-ewwel nies li marru jgħixu f’Lixandra. Maż-żmien, parti sħiħa minn din il-belt ngħatat lilhom. Fl-ewwel seklu WK, il-kittieb Lhudi Filo sostna li miljun Lhudi għexu madwar l-Eġittu kollu, min-“naħa tal-Libja sal-fruntieri tal-Etjopja.”

g Isem ieħor taʼ din il-belt hu Memfi.

“Pietru Qam Bilwieqfa” (Atti 2:14-37)

12. (a) Il-profeta Ġoel kif kien irrefera għall-ġrajja mirakoluża li seħħet f’Pentekoste tas-sena 33 WK? (b) Twettiq tal-profezija taʼ Ġoel għala kien mistenni fl-ewwel seklu?

12 “Pietru qam bilwieqfa” biex ikellem lill-folla minn ħafna nazzjonijiet differenti. (Atti 2:14) Hu spjega lil dawk kollha li riedu jisimgħu li l-abbiltà mirakoluża biex jitkellmu b’lingwi differenti kienet ngħatat minn Alla bi twettiq tal-profezija li lissen Ġoel: “Jien inferra’ l-ispirtu tiegħi fuq kull xorta taʼ bnedmin.” (Ġoel 2:28) Qabel ma telaʼ fis-sema, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jien nitlob lill-Missier u hu jagħtikom ajjutant ieħor,” li Ġesù identifikah bħala “l-ispirtu.”—Ġw. 14:16, 17.

13, 14. Pietru kif stinka biex imiss il-qalb tas-semmiegħa tiegħu, u kif nistgħu nimitaw il-metodu tiegħu?

13 L-aħħar kliem taʼ Pietru lill-folla kien sod: “Kunu ċerti nies kollha t’Iżrael li Alla għamel lil Ġesù kemm Mulej u kemm Kristu, il-wieħed li intom qtiltu maʼ zokk.” (Atti 2:36) Naturalment, il-biċċa l-kbira mis-semmiegħa taʼ Pietru ma kinux preżenti personalment meta Ġesù ngħata l-mewt fuq iz-zokk tat-tortura. Madankollu, bħala ġens kienu responsabbli għal dan l-att. Imma, innota li Pietru indirizza lil sħabu l-Lhud b’rispett u pprova jmissilhom qalbhom. Il-mira taʼ Pietru kienet li jqanqal lis-semmiegħa tiegħu biex jindmu, u mhux li jikkundannahom. Dawk li kienu qed jisimgħu, ħadu għalihom minħabba l-kliem taʼ Pietru? Lanqas xejn. Minflok, meta semgħu dan il-kliem “huma tgħidx kemm iddispjaċiehom,” u staqsew: “X’għandna nagħmlu?” Il-mod rispettuż kif kellimhom Pietru x’aktarx li kellu rwol f’li jilħaq il-qalb taʼ ħafna, tant li ġew imqanqlin jindmu.—Atti 2:37.

14 Nistgħu nimitaw il-metodu taʼ Pietru taʼ kif jilħaq il-qalb. Meta nagħtu xhieda lil oħrajn, m’għandniex għalfejn niddiskutu kull opinjoni mhix Skritturali li l-inkwilin għandu mnejn jesprimi. Minflok, nagħmlu tajjeb li nitkellmu dwar punti li naqblu fuqhom. Jekk nistabbilixxu bażi komuni mas-semmiegħ tagħna, imbagħad b’tattika nkunu nistgħu nirraġunaw mill-Kelma t’Alla. Spiss, meta l-veritajiet tal-Bibbja jiġu preżentati b’mod pożittiv bħal dan, dawk li għandhom attitudni xierqa x’aktarx li ħa jkunu iktar lesti li jwieġbu b’mod favorevoli.

IL-KRISTJANITÀ FIL-PONTU

Fost dawk li semgħu d-diskors taʼ Pietru f’Pentekoste tas-sena 33 WK, kien hemm xi Lhud mill-Pontu, distrett fit-Tramuntana tal-Asja Minuri. (Atti 2:9) Evidentement, xi wħud minnhom ħadu l-aħbar tajba lura f’pajjiżhom, għax fost dawk li Pietru indirizza fl-ewwel ittra tiegħu kien hemm kredenti li kienu “mxerrdin” f’postijiet bħall-Pontu.h (1 Pt. 1:1) Il-kitba tiegħu turi li dawn il-Kristjani kienu ‘tnikktu b’diversi provi’ minħabba l-fidi tagħhom. (1 Pt. 1:6) X’aktarx li dan inkluda oppożizzjoni u persekuzzjoni.

Provi oħrajn li ffaċċjaw il-Kristjani fil-Pontu jissemmew f’korrispondenza bejn Plinju ż-Żgħir, gvernatur tal-provinċja Rumana tal-Bitinja u l-Pontu, u l-Imperatur Trajanu. F’ittra mill-Pontu madwar is-sena 112 WK, Plinju qal li “l-influwenza ħażina” tal-Kristjanità kienet qed thedded lil kulħadd, hu x’inhu s-sess, l-età, jew il-klassi. Plinju kien jagħti opportunità lil dawk li kienu jiġu akkużati li huma Kristjani biex jiċħdu dan il-fatt, u lil dawk li ma kinux jiċħduh, kien joqtolhom. Kull min kien jisħet lil Kristu jew jgħid talba lill-allat jew lill-istatwa taʼ Trajanu kien jinħeles. Plinju kien jaf li dawn kienu affarijiet li “dawk li huma tassew Kristjani ma jistgħux jiġu mġegħlin jagħmluhom.”

h Il-frażi tradotta “mxerrdin” ġejja minn kelma Griega li tfisser “tad-Dijaspora.” It-terminu għandu konnotazzjonijiet Lhud, u dan jindika li ħafna minn dawk li kienu minn tal-ewwel biex jikkonvertu kienu minn komunitajiet Lhud.

“Ħa Jitgħammed Kull Wieħed Minnkom” (Atti 2:38-47)

15. (a) Pietru liema stqarrija għamel, u n-nies kif wieġbu? (b) Eluf li semgħu l-aħbar tajba f’Pentekoste, għala setgħu jikkwalifikaw biex jitgħammdu f’dak il-jum stess?

15 Fil-jum eċċitanti taʼ Pentekoste tas-sena 33 WK, Pietru qal lil-Lhud u l-proseliti li wieġbu b’mod favorevoli: “Indmu, u ħa jitgħammed kull wieħed minnkom.” (Atti 2:38) Minħabba f’hekk, tgħammdu madwar 3,000 ruħ, x’aktarx li f’xi għadajjar f’Ġerusalemm jew fil-viċin.e Kienet din xi azzjoni impulsiva? Iservi dan ir-rakkont bħala eżempju għall-istudenti tal-Bibbja u għat-tfal taʼ ġenituri Kristjani biex jgħaġġlu jitgħammdu qabel ma jkunu lesti? Lanqas xejn. Ftakar, dawn il-Lhud u l-proseliti Lhud li ġew mgħammdin fil-jum taʼ Pentekoste tas-sena 33 WK kienu studenti żelużi tal-Kelma t’Alla, u huma kienu parti minn ġens li kien ġie dedikat lil Ġeħova. Iktar minn hekk, huma diġà kienu qed juru ż-żelu tagħhom—f’xi każi, billi vvjaġġaw distanzi twal biex ikunu preżenti għal din il-festa annwali. Wara li aċċettaw il-veritajiet vitali rigward l-irwol taʼ Ġesù Kristu fit-twettiq tal-iskop t’Alla, huma kienu lesti jkomplu jaqdu lil Alla—imma issa bħala segwaċi mgħammdin taʼ Kristu.

MIN KIENU L-PROSELITI?

Lhud u proseliti, jiġifieri “Lhud u oħrajn [li] jimxu mat-tagħlim tal-Lhud,” semgħu l-ippritkar taʼ Pietru f’Pentekoste tas-sena 33 WK.—Atti 2:10.

Fost l-irġiel kwalifikati maħturin biex jieħdu ħsieb “ix-xogħol bżonjuż” taʼ li jqassmu l-ikel taʼ kuljum kien hemm Nikola, li hu identifikat bħala “raġel minn Antjokja li kien jimxi mat-tagħlim tal-Lhud.” (Atti 6:3-5) Il-proseliti kienu Ġentili, jiġifieri, uħud mhux Lhud, li kienu kkonvertew għall-​Ġudaiżmu. Huma kienu kunsidrati Lhud f’kollox, ladarba aċċettaw l-Alla u l-Liġi taʼ Iżrael, ċaħdu l-allat l-oħrajn kollha, għamlu ċ-ċirkonċiżjoni (jekk irġiel), u ngħaqdu mal-ġens taʼ Iżrael.

Wara li l-Lhud inħelsu mill-eżilju taʼ Babilonja fis-sena 537 QK, ħafna marru jgħixu ’l bogħod mill-art tal-Iżrael imma komplew jipprattikaw il-​Ġudaiżmu. Minħabba f’hekk, nies minn madwar il-Lvant Qarib tal-qedem u lil hinn saru familjari mar-reliġjon Lhudija. Kittieba tal-qedem, bħal Orazju u Seneka, xehdu li kotriet f’pajjiżi differenti li nġibdu lejn il-Lhud u t-twemmin tagħhom għaqqdu l-komunitajiet tagħhom u saru proseliti.

16. Il-Kristjani tal-ewwel seklu kif urew spirtu taʼ sagrifiċċju persunali?

16 Il-barka taʼ Ġeħova żgur li kienet fuq dan il-grupp. Ir-rakkont jgħid: “Dawk kollha li saru dixxipli nġabru flimkien u qasmu kulma kellhom bejniethom. Huma kienu jbigħu l-affarijiet li kellhom u l-propjetà tagħhom u jqassmu l-flus maʼ kulħadd, skont il-bżonn taʼ kull wieħed.”f (Atti 2:44, 45) Ċertament li l-Kristjani veri kollha jridu jimitaw dan l-ispirtu taʼ mħabba u sagrifiċċju persunali.

17. Liema passi huma neċessarji biex individwu jikkwalifika għall-magħmudija?

17 Id-dedikazzjoni u l-magħmudija Kristjana jinvolvu diversi passi Skritturali neċessarji. Individwu għandu jieħu għarfien dwar il-Kelma t’Alla. (Ġw. 17:3) Għandu bżonn juri l-fidi u jrid jindem mill-ħajja tal-passat, billi juri dispjaċir sinċier. (Atti 3:19) Imbagħad għandu jikkonverti, jew idur lura, u jibda jieħu sehem f’għemejjel xierqa li huma fi qbil mar-rieda t’Alla. (Rum. 12:2; Efes. 4:23, 24) Wara dawn il-passi jrid jagħmel dedikazzjoni lil Alla bit-talb u mbagħad jitgħammed.—Mt. 16:24; 1 Pt. 3:21.

18. Id-dixxipli mgħammdin taʼ Kristu liema privileġġ għandhom?

18 Int dixxiplu dedikat u mgħammed taʼ Ġesù Kristu? Jekk iva, kun grat għall-privileġġ li ngħatalek. Bħad-dixxipli tal-ewwel seklu li kienu mimlijin bl-ispirtu qaddis, int tistaʼ tintuża bil-kbir biex tagħti xhieda bid-dettall u biex tagħmel ir-rieda taʼ Ġeħova!

a Ara l-kaxxa “Ġerusalemm—Iċ-Ċentru tal-​Ġudaiżmu.”

b Ara l-kaxxi “Ruma—Il-Belt Kapitali taʼ Imperu,” “Il-Lhud fil-Mesopotamja u fl-Eġittu,” u “Il-Kristjanità fil-Pontu.”

c L-“ilsna” ma kinux taʼ nar letterali, imma “qishom tan-nar.” B’mod evidenti, dan jindika li s-sinjal viżibbli fuq kull dixxiplu kellu d-dehra u d-dija tan-nar.

d Ara l-kaxxa “Min Kienu l-Proseliti?”

e Fis-7 t’Awwissu 1993, f’konvenzjoni internazzjonali tax-Xhieda taʼ Ġeħova fi Kjev, l-Ukrajna, 7,402 persuni tgħammdu f’sitt pixxini. Il-magħmudija kollha ħadet sagħtejn u kwart biex titlesta.

f Dan l-arranġament temporanju ssodisfa l-ħtieġa li qamet minħabba li xi viżitaturi baqgħu Ġerusalemm biex jitgħallmu iktar dwar il-fidi ġdida tagħhom. Dan kien tqassim volontarju u mhux xi forma taʼ komuniżmu.—Atti 5:1-4.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja