Min Hu Ġesù Kristu?
SKOND l-istorja taʼ min joqgħod fuqha, 2,000 sena ilu f’Betlehem, raħal żgħir fl-art tal-Lhudija, twieled bniedem li ssemma Ġesù. Dak iż-żmien, Erodi l-Kbir kien sultan f’Ġerusalemm, u Ċesari Awgustu kien imperatur f’Ruma. (Mattew 2:1; Luqa 2:1-7) L-istorjografi Rumani ġeneralment kienu jevitaw li jsemmu lil Ġesù, ladarba dak iż-żmien il-ħakkiema Rumani kienu qed jipprovaw jgħakksu lill-Kristjani.
Min-naħa l-oħra, The Historians’ History of the World jistqarr li l-impatt li għamlu l-attivitajiet taʼ Ġesù fuq l-istorja kien iktar importanti mill-għemejjel taʼ kwalunkwe bniedem ieħor, anki meta ma tħarisx lejha minn aspett reliġjuż. Il-ktieb ikompli jgħid li era ġdida, rikonoxxuta miċ-ċivilizzazzjonijiet primarji tad-dinja, ġeneralment tibda mit-twelid taʼ Ġesù.
Ir-rivista Time tirrapporta li iktar inkitbu kotba dwar Ġesù milli dwar kwalunkwe persuna oħra fl-istorja. Ħafna minn dawn il-kotba jiffokaw fuq l-identità taʼ Ġesù, jiġifieri fuq min hu tassew. X’aktarx li kien hemm iktar kontroversji dwar din il-kwistjoni minn kwalunkwe kwistjoni oħra fl-istorja umana.
Il-Kontemporanji taʼ Ġesù Tħassbu dwar Min Kien Verament
Meta lil Marija ntqalilha li kien se jkollha tarbija u li kellha ssemmiha Ġesù, hi staqsiet: “Kif jistaʼ jkun dan, ladarba mhux qed ikolli x’naqsam maʼ raġel?” Gabrijel, l-anġlu t’Alla, wieġeb: “Il-qawwa mingħand l-Iktar Għoli tgħattik bid-dell tagħha. Għal din ir-raġuni wkoll dak li jitwieled jissejjaħ qaddis, Bin Alla.”—Luqa 1:30-35.
Iktar tard, Ġesù għamel mirakli li għaġġbu lill-appostli tiegħu. Meta d-dgħajsa tagħhom kienet mhedda li tegħreq minħabba maltempata qalila fuq il-Baħar tal-Galilija, Ġesù kkalma l-ilma billi ċanfru bil-kliem “Iskot! Oqgħod kwiet!” Bi stagħġib, l-appostli qalu: “Dan min hu?”—Marku 4:35-41; Mattew 8:23-27.
Mistoqsijiet dwar l-identità vera taʼ Ġesù saru komuni fost il-poplu taʼ żmienu, u għalhekk Ġesù staqsa lill-appostli dwar min in-nies kienu qed jgħidu li hu. “Xi wħud jgħidu Ġwanni l-Battista,” qalulu, “oħrajn Elija, jerġaʼ oħrajn Ġeremija jew wieħed mill-profeti”—li sa dak iż-żmien dawn kollha kienu mietu. Imbagħad Ġesù staqsiehom: “‘Iżda intom min tgħidu li jien?’ Xmun Pietru wieġbu: ‘Int il-Kristu, Bin Alla l-ħaj.’” Anki d-demonji—l-anġli l-ħżiena—qalu dwar Ġesù: “Int l-Iben t’Alla.”—Mattew 16:13-16; Luqa 4:41.
Ġesù Min Qal li Kien
Għalkemm Ġesù rari rrefera għalih innifsu bħala Iben Alla, hu rrikonoxxa li hekk kien. (Marku 14:61, 62; Ġwanni 3:18; 5:25, 26; 11:4) Madankollu, kważi dejjem kien jgħid li hu kien “Bin il-bniedem.” Minħabba li identifika lilu nnifsu b’dan il-mod, hu ġibed l-attenzjoni lejn it-twelid uman tiegħu—il-fatt li hu kien verament bniedem. Għalhekk, hu rrivela lilu nnifsu bħala “Bin il-bniedem” li deher quddiem Alla li Jistaʼ Kollox—ix-“Xiħ fl-għomor”—fil-viżjoni li kien ra Danjel.—Mattew 20:28; Danjel 7:13.
Minflok ma qagħad iħabbar li kien Iben Alla, Ġesù ħalla lil oħrajn jaslu għal din il-konklużjoni. U mhux l-appostli tiegħu biss indunaw b’dan imma anki oħrajn, bħal Ġwanni l-Għammied u Marta, ħabiba taʼ Ġesù. (Ġwanni 1:29-34; 11:27) Dawn kienu jemmnu li Ġesù kien il-Messija mwiegħed. Huma tgħallmu li hu kien jgħix fis-sema bħala spirtu setgħan u li l-ħajja tiegħu ġiet trasferita b’mod mirakoluż minn Alla għal ġol-ġuf tal-verġni Marija.—Isaija 7:14; Mattew 1:20-23.
Simili għall-Ewwel Raġel, Adam
Ġesù kien simili għall-ewwel raġel Adam f’ħafna affarijiet. Per eżempju, it-tnejn li huma kienu perfetti u ma kellhomx missier uman. (Ġenesi 2:7, 15) Għalhekk, il-Bibbja ssejjaħ lil Ġesù “l-aħħar Adam”—raġel perfett li seta jservi taʼ “fidwa ekwivalenti.” Il-ħajja taʼ Ġesù kienet ekwivalenti għal dik taʼ “l-ewwel bniedem Adam,” li Alla ħalqu bħala bniedem perfett.—1 Korintin 15:45; 1 Timotju 2:5, 6.
Fil-Bibbja l-ewwel Adam huwa msejjaħ “bin Alla.” (Luqa 3:38) Madankollu, minħabba li hu ma riedx ikun ubbidjenti lejn Alla, dan Adam tilef ir-relazzjoni prezzjuża li kellu m’Alla bħala ibnu. Min-naħa l-oħra, Ġesù kien dejjem leali lejn Missieru tas-sema, u hu baqaʼ l-Iben approvat t’Alla. (Mattew 3:17; 17:5) Il-Bibbja tgħid li dawk kollha li jeżerċitaw fidi f’Ġesù, billi jaċċettawh bħala s-Salvatur tagħhom, jistaʼ jkollhom il-ħajja taʼ dejjem.—Ġwanni 3:16, 36; Atti 5:31; Rumani 5:12, 17-19.
Madankollu, xi wħud isostnu li Ġesù m’huwiex sempliċement l-Iben t’Alla imma li hu nnifsu huwa Alla. Huma jgħidu li kemm hu u kemm Missieru huma l-Alla li Jistaʼ Kollox. Għandhom raġun? Huwa Ġesù b’xi mod parti minn Alla? Huwa dan dak li qal Ġesù jew xi kittieb ieħor tal-Bibbja? Fir-realtà, min hu l-uniku Alla veru? Ġesù min qal li Hu? Ejja naraw.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 4]
Ħadd Ma Kien Magħruf Daqsu
Ir-rakkont tal-ħajja taʼ Ġesù kien dokumentat minn erbgħa mill-kontemporanji tiegħu—Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni—li tnejn minnhom kienu ħbieb sew taʼ Ġesù. Il-kotba tagħhom, li huma msemmijin għalihom, huma magħrufin bħala l-Evanġelji, u xi wħud minnhom jistgħu jinqraw b’iktar minn elfejn lingwa. Dawn il-kotba żgħar ġeneralment jinġabru flimkien maʼ kotba oħra li jagħmlu l-Bibbja kollha. L-Evanġelji tqassmu bil-wisq iktar—kemm bħala kotba individwali u kemm bħala parti mill-Bibbja—minn kwalunkwe ktieb ieħor fl-istorja. Mhux taʼ b’xejn li Ġesù huwa magħruf iktar minn kwalunkwe bniedem ieħor li qatt għex!
[Stampa f’paġna 3]
“Dan min hu?” staqsew l-appostli