Bijografija
Jehovah Hu r-Refuġju u l-Qawwa Tiegħi
KIF RAKKONTAT MINN MARCEL FILTEAU
“Jekk tiżżewġu, lesti ruħek biex tmur il-ħabs.” Hekk qalulha n-nies lill-mara li kont se niżżewweġ. Ħalli nispjega għala qalu ħaġa bħal din.
META twelidt fl-1927, il-maġġuranza tan-nies fil-provinċja Kanadiża taʼ Quebec kienu Kattoliċi. Madwar erbaʼ snin wara, Cécile Dufour, ministru full-time tax-Xhieda taʼ Jehovah, bdiet tiġi żżurna fid-dar tagħna, ġewwa l-belt taʼ Montreal. Minħabba f’hekk, hi taʼ spiss kienet tiġi mhedda mill-ġirien tagħna. Fil-fatt, kemm-il darba ġiet arrestata u maltrattata talli kienet tippriedka l-messaġġ tal-Bibbja. Għalhekk, malajr sirna nafu kemm hu veru l-kliem taʼ Ġesù: “[I]l-ġnus kollha jsiru jobogħdukom minħabba f’ismi.”—Mattew 24:9.
Dak iż-żmien, ħafna kienu jikkunsidrawh bħal skandlu kbir jekk familja Franċiża-Kanadiża tħalli r-reliġjon Kattolika. Għalkemm il-ġenituri tiegħi qatt ma saru Xhieda mgħammdin, huma malajr ikkonkludew li t-tagħlim tal-Knisja Kattolika ma kienx fi qbil mal-Bibbja. Għalhekk, huma inkuraġġew lit-tmien uliedhom biex jaqraw il-letteratura pubblikata mix-Xhieda, u appoġġaw lilna li ħadna l-waqfa għall-verità tal-Bibbja.
Nieħdu Waqfa fi Żminijiet Diffiċli
Fl-1942, waqt li kont għadni mmur l-iskola, bdejt nieħu interess veru fl-istudju tal-Bibbja. Dak iż-żmien, l-attivitajiet tax-Xhieda taʼ Jehovah kienu projbiti fil-Kanada għax huma kienu jsegwu l-eżempju tal-Kristjani bikrin u ma kinux jinvolvu ruħhom fil-gwerer tal-ġnus. (Isaija 2:4; Mattew 26:52) Ħija l-kbir, Roland, ġie mitfugħ f’kamp tax-xogħol iebes minħabba li rrifjuta li jkun suldat matul il-gwerra dinjija li f’dak il-perijodu kienet fl-aqwa tagħha.
Matul dak iż-żmien, missieri tani ktieb bil-Franċiż li kien jiddeskrivi s-sofferenzi tax-Xhieda Ġermaniżi talli kienu jirrifjutaw li jappoġġaw il-kampanji militari t’Adolph Hitler.a Dan qanqal ġo fija x-xewqa li nkun bħal dawn l-eżempji kuraġġużi taʼ integrità, u bdejt nattendi l-laqgħat tax-Xhieda taʼ Jehovah, li kienu jinżammu f’dar privata. F’qasir żmien ġejt mistieden biex nieħu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Aċċettajt l-istedina avolja kont naf li stajt niġi arrestat jew mitfugħ il-ħabs.
Wara li tlabt għall-qawwa, ħabbatt l-ewwel bieb tiegħi. Weġbitni mara li kienet qalbha tajba, u wara li introduċejt ruħi, qrajtilha l-kliem tat-2 Timotju 3:16: “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa.”
“Interessata li titgħallem iktar dwar il-Bibbja?” staqsejtha.
“Iva,” weġbitni l-mara.
Għalhekk, għedtilha li se nerġaʼ mmur għandha maʼ ħabiba tiegħi li kienet taf il-Bibbja aħjar minni, u morna l-ġimgħa taʼ wara. Wara dik l-ewwel esperjenza, ħassejtni iktar kunfidenti, u tgħallimt li aħna ma nwettqux il-ministeru bis-saħħa tagħna stess. Bħalma qal l-appostlu Pawlu, dan nagħmluh bl-għajnuna taʼ Jehovah. Tabilħaqq, huwa vitali li nirrikonoxxu li “l-kobor taʼ din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna.”—2 Korintin 4:7.
Minn dakinhar ’l hemm, ix-xogħol taʼ l-ippridkar sar parti minn ħajti, kif ukoll l-arresti u t-tfigħ il-ħabs. Mhux taʼ b’xejn li lill-għarusa prospettiva tiegħi qalulha, “Jekk tiżżewġu, lesti ruħek biex tmur il-ħabs”! Madankollu, esperjenzi bħal dawn fil-fatt ma kinux daqshekk diffiċli. Normalment, wara li nkunu qattajna lejl il-ħabs, wieħed mix-Xhieda sħabna kien joħroġna bi pleġġ.
Deċiżjonijiet Importanti
F’April taʼ l-1943 iddedikajt lili nnifsi lil Jehovah, u ssimbolizzajt dan permezz tal-magħmudija taʼ l-ilma. Imbagħad, f’Awissu taʼ l-1944, attendejt l-ewwel konvenzjoni kbira tiegħi, ġewwa Buffalo, New York, fl-Istati Uniti taʼ l-Amerka, eżatt ħdejn il-fruntiera Kanadiża. Kien hemm 25,000 preżenti, u l-programm kebbes fija x-xewqa li nkun pijunier, kif jissejħu l-ministri full-time tax-Xhieda taʼ Jehovah. Il-projbizzjoni fuq ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Kanada tneħħiet f’Mejju taʼ l-1945, u jien bdejt ix-xogħol taʼ pijunier ix-xahar taʼ wara.
Madankollu, hekk kif żdied is-sehem tiegħi fil-ministeru, bdew jiżdiedu wkoll il-mawriet tiegħi sal-ħabs. Darba minnhom tefgħuni f’ċella flimkien maʼ Mike Miller, li kien ilu jaqdi lealment lil Jehovah għal ħafna snin. Qgħadna bil-qegħda fuq l-art tas-siment u bdejna nitkellmu. Il-konversazzjoni edifikanti dwar affarijiet spiritwali li kellna dak in-nhar saħħitni bil-kbir. Iżda, wara dan għaddiet minn moħħi din il-mistoqsija, ‘X’kien jiġri li kieku kien hemm xi nuqqas taʼ ftehim bejnietna u konna miksurin?’ Il-ħin li qattajt maʼ dan il-ħu għażiż fil-ħabs għallimni waħda mill-iktar lezzjonijiet sbieħ f’ħajti—aħna għandna bżonn lil ħutna u għalhekk irridu naħfru u nuru ħniena maʼ xulxin. Inkella, bħalma kiteb l-appostlu Pawlu: “Jekk intom tgiddmu u tieklu lil xulxin, oqogħdu attenti li ma tikkunsmawx lil xulxin.”—Galatin 5:15.
F’Settembru taʼ l-1945, ġejt mistieden biex naqdi fl-uffiċċju tal-fergħa tal-Watch Tower Society f’Toronto, il-Kanada, li nsejħulha Betel. Il-programm spiritwali li kien hemm kien tabilħaqq wieħed li jibni u li jsaħħaħ il-fidi. Is-sena taʼ wara, ngħatajt l-inkarigu biex naħdem fir-razzett taʼ Betel, xi 40 kilometru lejn it-tramuntana taʼ l-uffiċċju tal-fergħa. Waqt li kont niġbor il-frawli maż-żagħżugħa Anne Wolynec, jien innotajt mhux biss is-sbuħija fiżika tagħha imma wkoll l-imħabba u ż-żelu tagħha għal Jehovah. Żviluppat imħabba bejnietna, u żżewwiġna f’Jannar taʼ l-1947.
Matul is-sentejn u nofs taʼ wara, għamilna x-xogħol taʼ pijunier ġewwa Londra, f’Ontario, u mbagħad fil-Gżira taʼ Cape Breton, fejn konna t’għajnuna biex tiġi fformata kongregazzjoni. Imbagħad, fl-1949, ġejna mistidnin għall-14-il klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead), fejn ġejna mħarrġin biex insiru missjunarji.
Ix-Xogħol Missjunarju fi Quebec
Xi gradwati Kanadiżi tal-klassijiet taʼ qabel taʼ Gilgħad kienu ġew inkarigati biex jiftħu l-opportunità għax-xogħol taʼ l-ippridkar fi Quebec. Fl-1950, aħna, flimkien maʼ 25 oħra mill-14-il klassi li konna fiha, ngħaqadna magħhom. Iż-żjieda fl-attività missjunarja kkaġunat persekuzzjoni qawwija u vjolenza mill-marmalji, li kienu mxewxin mill-mexxejja tal-Knisja Kattolika Rumana.
Jumejn wara li wasalna fl-ewwel inkarigu missjunarju tagħna fil-belt taʼ Rouyn, Anne ġiet arrestata u mitfugħa fuq is-seat taʼ wara f’ karozza tal-pulizija. Din kienet esperjenza ġdida għaliha, peress li kienet minn raħal żgħir fil-provinċja taʼ Manitoba, il-Kanada, fejn rari kienet tara pulizija. Naturalment, hi bdiet tibżaʼ u ftakret fil-kliem, “Jekk tiżżewġu, lesti ruħek biex tmur il-ħabs.” Madankollu, qabel ma telqu, il-pulizija sabu lili wkoll u tefgħuni fil-karozza maʼ Anne. “Kemm qed nieħu pjaċir narak!” qalet hi. Madankollu, ħaġa taʼ l-għaġeb kemm kienet kalma, u rrimarkat, “L-appostli ġralhom l-istess talli kienu jippridkaw dwar Ġesù.” (Atti 4:1-3; 5:17, 18) Iktar tard dak in-nhar stess ġejna meħlusin bi pleġġ.
Xi sena wara din il-ġrajja, waqt li konna fil-ministeru minn dar għal dar fl-inkarigu ġdid tagħna f’Montreal, smajt storbju sħiħ iktar ’l isfel fit-triq u rajt ċorma nies irrabjati jgaraw il-ġebel. Hekk kif mort biex ngħin lil Anne u lill-oħt li kien hemm magħha, ġew il-pulizija. Minflok m’arrestaw lil dawk li kienu qed iwaddbu l-ġebel, il-pulizija arrestaw lil Anne u lil dik l-oħt! Waqt li kienet il-ħabs, Anne fakkret lix-Xhud il-ġdida li huma kienu qed jesperjenzaw ir-realtà tal-kliem taʼ Ġesù: “Lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi.”—Mattew 10:22.
Darba waħda, fl-istess perijodu kien hemm xi 1,700 kawża sospiża kontra x-Xhieda taʼ Jehovah fi Quebec. Ġeneralment, konna niġu akkużati li qed inqassmu letteratura li xxewwex lin-nies kontra l-gvern jew li qed inqassmu l-letteratura mingħajr liċenzja. Bħala riżultat, id-Dipartiment Legali tal-Watch Tower Society ħa azzjoni kontra l-gvern taʼ Quebec. Wara ħafna snin taʼ battalji legali, Jehovah tana żewġ rebħiet kbar quddiem il-Qorti Suprema tal-Kanada. F’Diċembru taʼ l-1950, ġejna meħlusin mill-akkuża li l-letteratura tagħna kienet ixxewwex lin-nies kontra l-gvern, u f’Ottubru taʼ l-1953, ġie appoġġat id-dritt tagħna li nqassmu letteratura Biblika mingħajr ma jkollna bżonn liċenzja. B’hekk, rajna b’mod tassew ċar kemm Jehovah hu tabilħaqq il-“kenn u l-qawwa tagħna, għajnuna pronta dejjem fid-dwejjaq.”—Salm 46:1, KŻ.
Ħaġa rimarkevoli hi li n-numru taʼ Xhieda fi Quebec, mit-356 li kien hemm fl-1945, meta bdejt ix-xogħol taʼ pijunier, illum żdied għal iktar minn 24,000! Tabilħaqq, ġara eżattament dak li bassret il-profezija Biblika: “Ebda arma magħmula kontrik ma tiswa, u kull ilsien li jħaqqaq kontrik toħorġu b’ħati.”—Isaija 54:17.
Ix-Xogħol Tagħna fi Franza
F’Settembru taʼ l-1959, jien u Anne ġejna mistidnin biex naqdu ġewwa Betel f’Pariġi, fi Franza, fejn jien ġejt inkarigat biex nieħu ħsieb ix-xogħol taʼ l-istampar. Qabel ma wasalna hemmhekk f’Jannar taʼ l-1960, l-istampar kien isir minn ditta kummerċjali. Peress li dak iż-żmien The Watchtower kien projbit fi Franza, aħna konna nistampaw ir-rivista kull xahar f’forma taʼ ktejjeb taʼ 64 paġna. Il-ktejjeb kien jismu Il-Bulettin Intern tax-Xhieda taʼ Jehovah, u kien ikun fih l-artikli li nkunu se nistudjaw fil-kongregazzjonijiet għal dak ix-xahar kollu. Mill-1960 sa l-1967, in-numru taʼ dawk li kienu jieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar fi Franza minn 15,439 żdied għal 26,250.
Eventwalment, il-biċċa l-kbira tal-missjunarji ngħataw inkarigu ġdid f’pajjiżi oħrajn, xi wħud intbagħtu f’pajjiżi fejn in-nies jitkellmu bil-Franċiż u oħrajn intbagħtu lura lejn Quebec. Peress li Anne ma kinitx tħossha tajba u kellha bżonn taʼ operazzjoni, aħna morna lura lejn Quebec. Wara li ħadet il-kura medika għal tliet snin, Anne reġgħet ħadet saħħitha lura. Imbagħad jien ngħatajt inkarigu fix-xogħol tas-circuit, u kont inżur kongregazzjoni differenti kull ġimgħa biex nipprovdi inkuraġġiment spiritwali.
Ix-Xogħol Missjunarju fl-Afrika
Ftit snin wara, fl-1981, fraħna ħafna meta rċivejna inkarigu ġdid bħala missjunarji fiz-Zaire, li llum hu r-Repubblika Demokratika tal-Kongo. In-nies kienu foqra, u kienu għaddejjin minn ħafna tbatijiet. Meta wasalna, kien hemm 25,753 Xhud, imma llum dak in-numru żdied għal iktar minn 113,000, u fl-1999 attendew 446,362 għall-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu!
Fl-1984 ksibna xi 2,023.5 metri kwadri rabaʼ mingħand il-gvern biex nibnu uffiċċju tal-fergħa ġdid. Imbagħad, f’Diċembru taʼ l-1985, saret konvenzjoni internazzjonali fil-belt kapitali, Kinshasa, li għaliha attendew 32,000 delegat minn ħafna partijiet tad-dinja. Wara dan, qamet oppożizzjoni mħeġġa mill-kleru li fixklet ix-xogħol tagħna fiz-Zaire. Fit-12 taʼ Marzu, 1986, l-aħwa responsabbli ġew mogħtijin ittra li ddikjarat l-assoċjazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah taz-Zaire bħala waħda illegali. Din il-projbizzjoni fuq l-attivitajiet kollha tagħna kienet iffirmata mill-president tal-pajjiż f’dak iż-żmien, Mobutu Sese Seko, li llum huwa mejjet.
Minħabba dawk l-iżviluppi li seħħew f’daqqa waħda, aħna kellna napplikaw il-parir Bibliku: “Min hu bil-għaqal jara l-għawġ u jwarrab.” (Proverbji 22:3) Sibna modi kif niksbu karti, linka, film, pjanċi tal-metall għall-istampar, u kimiċi minn barra l-pajjiż sabiex nistampaw il-pubblikazzjonijiet tagħna f’Kinshasa. Żviluppajna wkoll sistema biex inqassmuhom. Meta kollox kien organizzat, is-sistema tagħna bdiet taħdem aħjar mis-servizz postali tal-gvern!
Eluf taʼ Xhieda ġew arrestati, u ħafna ġew torturati brutalment. Madankollu, bi ftit eċċezzjonijiet, huma baqgħu sodi minkejja li ġew trattati b’dan il-mod, u żammew il-lealtà tagħhom. Jien ukoll ġejt arrestat u rajt il-kundizzjonijiet terribbli li l-aħwa kien qed ikollhom jissaportu fil-ħabsijiet. Ħafna drabi konna niġu magħfusin b’kull mezz mill-pulizija sigrieta u mill-awtoritajiet, imma Jehovah dejjem sabilna soluzzjoni.—2 Korintin 4:8.
Konna ħbejna madwar 3,000 kaxxa tal-kartun bil-letteratura fil-maħżen taʼ wieħed negozjant. Madankollu, eventwalment wieħed mill-ħaddiema tiegħu informa lill-pulizija sigrieta, u dawn arrestaw lin-negozjant. Fi triqithom lejn il-ħabs, b’kumbinazzjoni ltaqgħu miegħi waqt li kont għaddej bil-karozza. In-negozjant informahom li jien kont dak il-wieħed li għamilt l-arranġament miegħu biex naħżen il-letteratura għandu. Il-pulizija waqqfuni u interrogawni, u bdew jakkużawni li poġġejt letteratura illegali fil-maħżen taʼ dan ir-raġel.
“Għandkom xi ktieb minnhom?” staqsejthom.
“Iva, dażgur,” weġbuni.
“Nistaʼ narah?” staqsejthom.
Ġabuli kopja, u jien urejthom il-paġna fuq ġewwa, li tgħid: “Stampat fl-Istati Uniti taʼ l-Amerka mill-Watch Tower Bible & Tract Society.”
“Dan li għandkom f’idejkom hu propjetà Amerikana u ma jappartjenix liz-Zaire,” fakkarthom jien. “Il-gvern tagħkom għamel projbizzjoni fuq il-korporazzjoni legali taʼ l-assoċjazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah taz-Zaire u mhux fuq il-Watch Tower Bible & Tract Society taʼ l-Istati Uniti. Għalhekk, tridu toqogħdu attenti x’tagħmlu b’dawn il-pubblikazzjonijiet.”
Ħallewni nitlaq peress li ma kellhomx ordni mill-qorti biex jarrestawni. Dik il-lejla, ħadna żewġ trakkijiet fil-maħżen u neħħejna l-letteratura kollha minn ġo fih. L-għada, x’ħin ġew l-awtoritajiet, baqgħu ferm diżappuntati li sabu l-post vojt. Sadanittant kienu bdew ifittxuni, ladarba issa kellhom ordni mill-qorti biex jarrestawni. Sabuni, u peress li ma kellhomx karozza, morna bil-karozza tiegħi stess lejn il-ħabs! Ġie Xhud ieħor miegħi sabiex ikun jistaʼ jiħodhieli lura hu qabel ma jaqbdu u jiħduha huma.
Wara interrogazzjoni li damet tmien sigħat, iddeċidew li jeżiljawni. Imma jien urejthom kopja taʼ ittra mill-gvern li tikkonferma l-ħatra tiegħi biex inbigħ il-propjetà taʼ l-assoċjazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah taz-Zaire li issa kienet projbita. B’hekk, ħallewni nkompli bl-attività tiegħi f’Betel.
Wara erbaʼ snin naqdi taħt il-pressjonijiet tal-projbizzjoni fuq ix-xogħol fiz-Zaire, trabbietli ulċera fl-istonku li kienet tnixxi d-demm u li kienet taʼ theddida għal ħajti. Ġie deċiż li kelli nitlaq biex nieħu l-kura fl-Afrika t’Isfel. Fil-fergħa t’hemmhekk ħadu ħsiebi sew, u fiqt. Wara li qdejt tmien snin fiz-Zaire, li kienet esperjenza tassew memorabbli u taʼ ferħ, fl-1989 morna fil-fergħa taʼ l-Afrika t’Isfel. Fl-1998 irritornajna lejn pajjiżna, u minn dakinhar erġajna bdejna naqdu fil-Betel tal-Kanada.
Grat li Qiegħed Naqdi
Meta nħares lura lejn l-54 sena tiegħi fil-ministeru full-time, inħossni tassew grat li wżajt is-saħħa taʼ żgħożiti fis-servizz prezzjuż taʼ Jehovah. Għalkemm Anne kellha tissaporti ħafna ċirkustanzi taʼ prova, hi ma qagħditx tgerger imma kienet tassew t’appoġġ fl-attivitajiet kollha tagħna. Flimkien, aħna kellna l-privileġġ li ngħinu lil ħafna jsiru jafu lil Jehovah, li numru minnhom issa qegħdin fil-ministeru full-time. Hi tassew xi ħaġa taʼ ferħ li tara lil uħud minn uliedhom u saħansitra n-neputijiet tagħhom jaqdu lill-kbir Alla, Jehovah!
Jien konvint li m’hemm xejn li din id-dinja tistaʼ toffri li jistaʼ jitqabbel mal-privileġġi u l-barkiet li tana Jehovah. Veru, aħna ssaportejna ħafna provi, imma dawn kollha servew biex nibnu l-fidi u l-fiduċja tagħna f’Jehovah. Hu tabilħaqq ta prova li hu torri qawwi, post taʼ refuġju, u għajnuna li ssibha fil-pront waqt l-inkwiet.
[Nota taʼ taħt]
a Oriġinalment, il-ktieb ġie pubblikat bil-Ġermaniż bl-isem Kreuzzug gegen das Christentum (Kruċjata Kontra l-Kristjanità). Ġie tradott bil-Franċiż u bil-Pollakk imma mhux bl-Ingliż.
[Stampi f’paġna 26]
Meta konna nagħmlu x-xogħol taʼ pijunier flimkien fl-1947; maʼ Anne illum
[Stampa f’paġna 29]
In-nies li ltqajna magħhom fiz-Zaire ħabbewha l-verità tal-Bibbja