Rgħajja Kristjani, ‘Iftħu Qalbkom Beraħ’!
“IL-MULEJ hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.” B’dan il-kliem David wera kemm kellu fiduċja sħiħa f’Alla tiegħu. B’mod spiritwali, Jehovah mexxieh lejn “mergħat kollha ħdura” u postijiet ‘ħdejn l-ilma fejn jistrieħ,’ u dderiġieh “fit-triq tas-sewwa.” Meta kien imdawwar bl-għedewwa tiegħu, David irċieva l-appoġġ u l-inkuraġġiment u dan qanqlu biex lil Jehovah jgħidlu: “Ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.” B’Ragħaj Suprem bħal dan miegħu, David kien determinat li ‘jgħammar f’dar il-Mulej sakemm idum ħaj.’—Salm 23:1-6.
Anki l-Iben uniġenitu t’Alla kellu lil Jehovah jieħu ħsiebu b’imħabba, u lil missieru hu imitah perfettament fil-mod kif ittratta mad-dixxipli tiegħu kemm dam hawn fuq l-art. Huwa għalhekk li l-Iskrittura tirreferi għalih bħala “r-ragħaj it-tajjeb,” “ir-Ragħaj il-kbir,” u “r-ragħaj ewlieni.”—Ġwann 10:11; Lhud 13:20; 1 Pietru 5:2-4, NW.
Jehovah u Ġesù Kristu jkomplu jirgħu lil dawk li jħobbuhom. Waħda mill-affarijiet li qed jużaw biex jirgħuhom hu l-provvediment taʼ sotto-rgħajja fil-kongregazzjoni. Pawlu indirizza lil dawn is-sotto-rgħajja meta qal: “Ħudu ħsieb tagħkom infuskom u tal-merħla kollha li l-Ispirtu s-Santu għamilkom għassiesa tagħha biex tirgħu l-Knisja taʼ Alla li hu kiseb . . . [“bid-demm taʼ ibnu,” NW] stess.”—Atti 20:28.
Mhux faċli li wieħed jirgħa l-merħla fuq il-mudell stabbilit minn Jehovah u Kristu Ġesù, imma dan huwa vitali issa iktar minn qatt qabel. Aħseb ftit, tgħammdu iżjed minn miljun Xhud matul dawn l-aħħar tliet snin! Dawn il-ġodda m’għandhomx l-esperjenza li tinkiseb permezz taʼ l-attività tul is-snin. Aħseb ukoll, dwar dawk ix-Xhieda li għadhom tfal jew adolexxenti. Dawn jeħtieġu l-attenzjoni mhux biss tal-ġenituri tagħhom imma wkoll taʼ dawn is-sotto-rgħajja fil-kongregazzjoni.
Ngħiduha kif inhi, kull Kristjan huwa suġġett għall-pressjonijiet minn barra l-kongregazzjoni, inkluż il-pressjoni minn dawk taʼ madwaru. Ilkoll irridu nissieltu biex nirreżistu l-ġibda li nagħmlu dak li jogħġob lilna, bħalma jagħmlu dawk tad-dinja. F’xi pajjiżi, il-pubblikaturi tas-Saltna għandhom mnejn ikunu skuraġġiti minħabba li ma jsibux nies interessati fil-messaġġ li jxandru. Bosta pubblikaturi għandhom problemi serji taʼ saħħa. L-inkwiet finanzjarju għandu mnejn iġiegħel lil xi wħud jitilfu l-ħeġġa li jfittxu l-ewwel is-Saltna. Fir-realtà, ilkoll kemm aħna—inkluż dawk li ilhom fil-verità—għandna bżonn u jixirqilna li jkollna l-għajnuna taʼ rgħajja li jafu jħobbu.
Motivazzjoni Xierqa
Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu ġew imwissijin biex: ‘Jiftħu qalbhom beraħ’! (2 Korintin 6:11-13) L-anzjani Kristjani jagħmlu tajjeb li jsegwu dan il-parir f’li jieħdu ħsieb id-dmirijiet tagħhom bħala rgħajja. Dan kif jistgħu jagħmluh? U xi ngħidu għall-qaddejja ministerjali, li ħafna minnhom huma r-rgħajja tal-futur?
Biex l-anzjani Kristjani jkunu barka għall-merħla, ma jridux ikunu mqanqlin biss minn sens taʼ dover. Huma jingħataw il-parir: “Irgħu l-merħla taʼ Alla fdata f’idejkom. Ħudu ħsiebha, mhux bilfors, imma minn qalbkom, kif irid Alla; mhux għall-qligħ baxx, imma bil-ħeġġa taʼ l-imħabba.” (1 Pietru 5:2, korsiv tagħna.) Għalhekk, ix-xogħol taʼ ragħaj ikun effettiv jekk jaqdu lil oħrajn minn qalbhom u bil-ħeġġa. (Ġwann 21:15-17) Ifisser li jaraw il-bżonnijiet tan-nagħaġ u jkunu pronti biex jgħinuhom. Ifisser ukoll li waqt li jkunu qed jittrattaw m’oħrajn, juru l-kwalitajiet Kristjani mill-aħjar magħrufin bħala l-frott taʼ l-Ispirtu t’Alla.—Galatin 5:22, 23.
Ix-xogħol tar-rgħajja jinkludi li jżuru lill-aħwa fi djarhom stess.a Imma r-rgħajja li ‘jiftħu qalbhom beraħ’ jagħmlu l-almu kollu tagħhom. Jiġifieri, mhux sempliċement kultant iżuru lill-aħwa fi djarhom. Huma jieħdu vantaġġ minn kull opportunità biex jirgħu lill-membri l-oħra tal-merħla.
Iħarrġu lil Oħrajn biex Isiru Rgħajja
Kwalunkwe wieħed mill-aħwa, ikun taʼ liema età jkun, li “qiegħed jirsisti għal kariga taʼ indokratur . . . jixtieq xogħol mill-aħjar.” (1 Timotju 3:1, NW) Ħafna qaddejja ministerjali wrew li huma lesti li jirsistu għal iktar privileġġi. B’hekk, l-anzjani jieħdu gost jgħinu lil dawn l-aħwa ħabrieka ħalli jieħdu dan il-pass importanti li ‘jirsistu għal kariga taʼ indokratur.’ Dan ifisser li huma jħarrġuhom biex ikunu rgħajja effettivi.
Peress li l-kongregazzjoni Kristjana taʼ Jehovah tipprova żżomm qrib tal-livelli għoljin t’Alla, ma ddgħajfitx minn rgħajja foloz bħal dawk deskritti f’Eżekjel 34:2-6. F’għajnejn Jehovah, dawn kienu taʼ min jistmerrhom u bir-raġun. Minflok ma temgħu lill-merħla, temgħu lilhom infushom. Naqsu li jsaħħu lill-morda, ifejqu lil dawk li kienu qed ibatu, jinfaxxaw lil dawk li jħossuhom imkissrin, jew iġibu lura lil dawk li tgerrxu jew intilfu. Billi aġixxew iktar bħala lpup milli bħala rgħajja, huma ħaqruhom lin-nagħaġ. In-nagħaġ li ġew traskurati kienu mxerrdin ’l hawn u ’l hemm, bla ma jafu fejn sejrin u bla ma ħadd jieħu ħsiebhom.—Ġeremija 23:1, 2; Naħum 3:18; Mattew 9:36.
Dawn ir-rgħajja mhux leali huma l-kontra tar-rgħajja Kristjani li jsegwu l-eżempju taʼ Jehovah. Jgħinu biex lin-nagħaġ iwassluhom lejn “mergħat kollha ħdura” u lejn postijiet ‘ħdejn l-ilma fejn jistrieħu.’ Huma jagħmlu ħilithom biex jidderiġuhom “fit-triq tas-sewwa” billi jgħinuhom jifhmu l-Kelma taʼ Jehovah kif suppost u japplikawha personalment. Dan huma jistgħu jagħmluh b’mod effettiv għaliex ‘jafu jgħallmu.’—1 Timotju 3:2.
L-anzjani l-iktar li jgħallmu hu minn fuq il-platform matul il-laqgħat tal-kongregazzjoni. Madankollu, l-anzjani jgħallmu wkoll fuq livell persunali. M’għandniex xi ngħidu, xi wħud jispikkaw iktar meta jgħallmu individwalment, waqt li oħrajn kapaċi iktar jagħtu t-taħditiet. Imma jekk xi ħadd ikun nieqes mill-abbiltà f’aspett wieħed tat-tagħlim, dan ma jfissirx li hu jiġi skwalifikat bħala għalliem. L-anzjani jgħallmu, bi kwalunkwe mod li huwa disponibbli għalihom, inkluż permezz tax-xogħol pastorali tagħhom. Ftit minn dan ix-xogħol pastorali jsir fuq bażi formali, bħal ngħidu aħna, fi żjajjar organizzati minn qabel. Imma ħafna minnu jistaʼ jsir b’mod iktar informali, li hu wkoll taʼ benefiċċju kbir.
Rgħajja u Għalliema l-Ħin Kollu
Tabib jeħtieġ l-għarfien u l-esperjenza sabiex iwettaq xogħlu sewwa. Imma l-pazjenti tiegħu tgħidx kemm japprezzawha meta hu juri qalb tajba, mogħdrija, tħassib, u interess persunali. Dawn il-kwalitajiet iridu jkunu parti mill-personalità tiegħu. L-istess kwalitajiet iridu bl-istess mod isiru parti mill-personalità t’għalliem u ragħaj tajjeb, parti integrali minnu. Għalliem veru se jkun lest li jgħallem lil dawk taʼ madwaru kulmeta jkun hemm bżonn. Proverbji 15:23 jgħid: “Kelma f’waqtha, kemm hi sabiħa!” Il-‘waqt’ għandu mnejn ikun meta jitkellem minn fuq il-platform, jew jippriedka minn dar għal dar, jew jitkellem maʼ xi ħadd fis-Sala tas-Saltna jew fuq it-telefon. Bl-istess mod, ragħaj tajjeb jistinka biex juri kwalitajiet mill-aħjar taʼ mħabba l-ħin kollu, u mhux biss meta jkun qiegħed fuq żjajjar pastorali. Peress li jkun ‘fetaħ qalbu beraħ,’ se juża kull opportunità biex jirgħa lin-nagħaġ, billi jieħu ħsiebhom kemm ikun hemm bżonn, u fil-waqt. Dan hu li jagħmlu maħbub f’għajnejn in-nagħaġ.—Mark 10:43.
Wolfgang, li issa hu anzjan, jiftakar li darba qaddej ministerjali u martu kienu marru jżuru lilu u lill-familja tiegħu. Hu jgħid: “Uliedna tgħidx kemm ħadu gost bl-attenzjoni li rċivew u l-ħin pjaċevoli li qattajna flimkien. Għadhom isemmuha sal-lum.” Iva, dan il-qaddej ministerjali wera kemm kien jimpurtah; hu kien qed ‘jiftaħ qalbu beraħ.’
Opportunità oħra biex ‘tiftaħ qalbek beraħ’ hi billi żżur lill-morda, jew tibgħat xi nota taʼ inkuraġġiment, jew tagħmlilhom telefonata—l-importanti hu li turihom li jimpurtak minnhom! Offrilhom l-għajnuna meta jkollhom bżonnha. Jekk ikunu jridu jiftħu qalbhom, ismaʼ b’attenzjoni. Tkellem dwar attivitajiet teokratiċi tal-kongregazzjoni lokali u taʼ oħrajn li huma pożittivi u eċċitanti. Għinhom jiffokaw fuq il-futur glorjuż li hemm lest għal dawk li jħobbu lil Jehovah.—2 Korintin 4:16-18.
Minbarra ż-Żjajjar Pastorali
Mela meta taf x’inhu l-iskop tax-xogħol pastorali, se jkun ovvju li għalkemm iż-żjajjar pastorali fid-djar huma importanti dawn huma biss parti minn dak li hemm involut. Ragħaj li jħobb se ‘jiftaħ qalbu beraħ’ billi jkun bniedem li kulħadd iħossu komdu javviċinah fi kwalunkwe ċirkustanza u fi kwalunkwe ħin. Hu jikkultiva relazzjoni tajba maʼ ħutu u dan jassigurahom li, meta jinqalaʼ xi saram, ma jkollhomx għalfejn jibżgħu għax jafu li dan ħuhom li tant iħobbhom, dan ir-ragħaj Kristjan, jimpurtah minnhom.—Salm 23:4.
Iva, intom ir-rgħajja Kristjani kollha ‘iftħu qalbkom beraħ.’ Uru mħabba sinċiera lejn ħutkom—inkuraġġuhom, irrifreskawhom, ibnuhom spiritwalment b’kull mod li tistgħu. Għinuhom iżommu sod fil-fidi. (Kolossin 1:23) Meta n-nagħaġ ikunu mberkin b’rgħajja Kristjani li ‘jiftħu qalbhom beraħ,’ ma jkun jonqoshom xejn. Bħal David, se jkunu determinati li jgħixu fid-dar taʼ Jehovah tul ħajjithom kollha. (Salm 23:1, 6) X’jixtieq iktar minn hekk ragħaj li jħobb?
[Nota taʼ taħt]
a Xi suġġerimenti dwar kif isiru żjajjar pastorali jistgħu jinstabu f’The Watchtower tal-15 taʼ Settembru, 1993, paġni 20-3, u fit-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 t’April, 1996, paġni 18-21.
[Kaxxa f’paġna 30]
Rgħajja Kristjani
• Jaqdu bil-ħeġġa u minn qalbhom
• Jitimgħu u jieħdu ħsieb il-merħla
• Jgħinu lil oħrajn jirsistu biex huma wkoll isiru rgħajja
• Iżuru lill-morda u jieħdu ħsiebhom
• Ikunu pronti biex jgħinu lil ħuthom fi kwalunkwe ħin
[Stampi f’paġna 31]
Kemm fis-servizz taʼ l-għalqa, kemm fil-laqgħat, u kemm f’okkażjonijiet soċjali, l-anzjani huma dejjem rgħajja