LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • “Dan Jeħtieġ li Jiġri”
    It-Torri tal-Għassa—1999 | Mejju 1
    • “Dan Jeħtieġ li Jiġri”

      “Ġesù weġibhom: ‘. . . Dan jeħtieġ li jiġri, imma għadu m’huwiex it-​tmiem.’”—MATTEW 24:4-6.

      1. Liema suġġett għandu jiddomina l-​interess tagħna fih?

      BLA dubju int interessat f’ħajtek u fil-​futur tiegħek. Allura għandek tkun interessat ukoll f’suġġett li ġibed l-​attenzjoni taʼ C. T. Russell lura fl-​1877. Russell, li iktar tard stabbilixxa l-​Watch Tower Society, kiteb The Object and Manner of Our Lord’s Return (L-Objettiv u l-​Manjiera tar-​Ritorn tal-​Mulej Tagħna). Dan il-​ktejjeb taʼ 64 paġna ttratta s-​suġġett tar-​ritorn taʼ Ġesù, jew il-​miġja futura tiegħu. (Ġwann 14:3) Darba waħda meta kien fuq l-​Għolja taż-​Żebbuġ, l-​appostli staqsewh dwar dan ir-​ritorn: “Dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-​sinjal tal-​miġja [jew, “preżenza,” NW] tiegħek u taʼ tmiem id-​dinja?”—Mattew 24:3.

      2. Għala hemm tant opinjonijiet li xejn ma jaqblu dwar dak li bassar Ġesù?

      2 Tafha int ir-​risposta taʼ Ġesù, u tifhimha? Din tinsab fi tlieta mill-​Vanġeli. Il-​professur D. A. Carson jistqarr: “Ftit huma l-​kapitli tal-​Bibbja li qajmu tant nuqqas taʼ qbil fost l-​interpreti daqs kemm qanqlu Mattew 24 u l-​paralleli tiegħu f’Mark 13 u f’Luqa 21.” Imbagħad hu jagħti l-​opinjoni tiegħu​—opinjoni oħra mill-​ħafna opinjonijiet umani li xejn ma jaqblu. F’dan l-​aħħar seklu jew ftit iktar, ħafna opinjonijiet bħal dawn irriflettew nuqqas taʼ fidi. Dawk li esprimewhom sostnew li Ġesù qatt ma qal dak li naqraw fil-​Vanġeli, li kliemu ġie iktar tard korrott, jew li t-​tbassira tiegħu falliet​—opinjonijiet imsawrin mill-​kritika iktar għolja. Kummentatur wieħed saħansitra qies il-​Vanġelu taʼ Mark ‘fid-​dawl tal-​lenti taʼ filosofija Buddista Mahayana’!

      3. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kif jaħsbuha dwar il-​profezija taʼ Ġesù?

      3 B’kuntrast, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jaċċettaw li l-​Bibbja hija awtentika u taʼ min jorbot fuqha, inkluż dak li Ġesù qal lill-​erbaʼ appostli li kienu miegħu fuq l-​Għolja taż-​Żebbuġ tlett ijiem qabel ma miet. Minn żmien C. T. Russell ’l hawn, il-​poplu t’Alla kiseb b’mod progressiv fehma iktar ċara tal-​profezija li Ġesù ta dakinhar. F’dawn l-​aħħar ftit snin, It-​Torri taʼ l-​Għassa ċċara saħansitra iktar il-​ħarsa tagħhom rigward din il-​profezija. Daħħaltha f’qalbek din l-​informazzjoni, u qiegħed int tara l-​impatt tagħha fuq ħajtek?a Ejja nirreveduha.

      Twettiq Traġiku fuq l-​Għatba

      4. X’setgħet kienet ir-​raġuni għala l-​appostli staqsew lil Ġesù dwar il-​futur?

      4 L-​appostli kienu jafu li Ġesù kien il-​Messija. Għalhekk, meta semgħuh isemmi l-​mewt, l-​irxoxt, u r-​ritorn tiegħu, x’aktarx li bdew jgħidu bejnhom u bejn ruħhom, ‘Jekk Ġesù jmut u jitlaqna, kif jistaʼ jwettaq l-​affarijiet meraviljużi li l-​Messija mistenni li jwettaq?’ Barra minn hekk, Ġesù tkellem dwar it-​tmiem taʼ Ġerusalemm u t-​tempju tagħha. L-​appostli għandhom mnejn ħasbu, ‘Meta u kif se jiġri dan?’ Fl-​isforz tagħhom biex jipprovaw jifhmu dawn l-​affarijiet, l-​appostli staqsew: “Għidilna dan meta għad jiġri u x’se jkun is-​sinjal li dan kollu jkun wasal!”—Mark 13:4; Mattew 16:21, 27, 28; 23:37–24:2.

      5. Dak li qal Ġesù kif kellu twettiq fl-​ewwel seklu?

      5 Ġesù bassar li kien se jkun hemm gwerer, ġuħ, pesti, terremoti, mibegħda u persekuzzjoni taʼ Kristjani, messijiet foloz, u xandir estensiv taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Imbagħad kellu jiġi t-​tmiem. (Mattew 24:4-14; Mark 13:5-13; Luqa 21:8-19) Ġesù dan qalu kmieni fis-​sena 33 E.K. Matul l-​għexur taʼ snin taʼ wara, id-​dixxipli attenti tiegħu setgħu jindunaw li l-​affarijiet imbassrin bdew fil-​fatt iseħħu b’mod sinjifikanti. Iva, l-​istorja tagħti prova li s-​sinjal kellu twettiq f’dak iż-​żmien, u dan wassal għall-​konklużjoni tas-​sistema Lhudija t’affarijiet f’idejn ir-​Rumani bejn is-​snin 66 u 70 E.K. Dan kif ġara?

      6. Xi żviluppa bejn ir-​Rumani u l-​Lhud fis-​sena 66 E.K.?

      6 Matul is-​sajf sħun Lhudi tas-​sena 66 E.K., xi Żelaturi Lhud mexxew attakk fuq għassiesa Rumani ġewwa fortizza qrib it-​tempju taʼ Ġerusalemm, u dan qanqal il-​vjolenza f’parti oħra tal-​pajjiż. Fil-​pubblikazzjoni History of the Jews, il-​Professur Heinrich Graetz jirrakkonta: “Ċestju Gallu, li dmiru bħala l-​Gvernatur tas-​Sirja kien li jżomm fl-​għoli l-​unur taʼ l-​armata Rumana, . . . ma setax jibqaʼ jara r-​ribelljoni tinfirex madwaru mingħajr ma jagħmel ebda sforz biex ixejjen il-​progress tagħha. Hu ġabar il-​leġjuni tiegħu, u l-​prinċpijiet ġirien bagħtu minn jeddhom lit-​truppi tagħhom.” Din l-​armata taʼ 30,000 ruħ dawret lil Ġerusalemm. Wara li damu ftit jiġġieldu, il-​Lhud irtiraw wara s-​swar taʼ ħdejn it-​tempju. “Matul il-​ħamest ijiem taʼ wara r-​Rumani attakkaw is-​swar, imma dejjem ġew sforzati jirtiraw minħabba l-​missili tal-​Ġudeani. Kien biss fis-​sitt jum li rnexxielhom iħaffru mina taħt parti mis-​sur tat-​tramuntana quddiem it-​Tempju.”

      7. Id-​dixxipli taʼ Ġesù għala setgħu jqisu l-​affarijiet b’mod differenti mill-​biċċa l-​kbira tal-​Lhud?

      7 Immaġina ftit kemm baqgħu konfużi l-​Lhud, minħabba li kienu mdorrijin jaħsbu li Alla kien se jipproteġi lilhom u lill-​belt qaddisa tagħhom! Iżda d-​dixxipli taʼ Ġesù kienu ġew imwissijin minn qabel li kien hemm gwaj kbir maħżun għal Ġerusalemm. Ġesù kien bassar: “Għax għad jiġi żmien fuqek meta l-​għedewwa tiegħek idawwruk b’rampa u jagħlquk minn kullimkien u jrossu fuqek minn kull naħa; u jġarrfu lilek u lil uliedek fik, u ma jħallux fik ġebla fuq oħra.” (Luqa 19:43, 44) Imma kien dan se jirriżulta f’mewt għall-​Kristjani li kienu ġewwa Ġerusalemm fis-​sena 66 E.K.?

      8. Ġesù liema traġedja bassar, u min kienu “l-​maħturin” li minħabba fihom il-​jiem kellhom jitqassru?

      8 Meta wieġeb lill-​appostli fuq l-​Għolja taż-​Żebbuġ, Ġesù bassar: “Dawk il-​jiem ikunu taʼ dwejjaq li mill-​bidu tad-​dinja li ħalaq Alla sa llum għadu qatt ma kien hawn bħalhom u anqas ikun hawn. U kieku dawk il-​jiem il-​Mulej ma qassarhomx, ħadd mill-​bnedmin ma kien isalva. Iżda minħabba l-​maħturin li għażel huwa qassarhom dawk il-​jiem.” (Mark 13:19, 20; Mattew 24:21, 22) Għalhekk, il-​jiem kellhom jitqassru u “l-​maħturin” jiġu salvati. Min kienu dawn? Żgur li mhux il-​Lhud ribellużi li sostnew li kienu jqimu lil Jehovah imma li kienu ċaħdu lil Ibnu. (Ġwann 19:1-7; Atti 2:22, 23, 36) Il-​maħturin veri lura f’dak iż-​żmien kienu dawk il-​Lhud u oħrajn li ma kinux Lhud li eżerċitaw fidi f’Ġesù bħala l-​Messija u Salvatur. Alla kien għażilhom lil dawn, u f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., kien ifformahom f’ġens spiritwali ġdid, l-​“Iżrael taʼ Alla.”—Galatin 6:16; Luqa 18:7; Atti 10:34-45; 1 Pietru 2:9.

      9, 10. Il-​jiem taʼ l-​attakk mir-​Rumani kif ‘tqassru,’ u b’liema riżultat?

      9 Il-​jiem veru ‘tqassru’, u kienu dawk il-​maħturin u midlukin salvati? Il-​Professur Graetz jissuġġerixxi: “[Ċestju Gallu] ma rax li kien għaqli li jkompli t-​taqbida kontra entużjasti erojċi u jidħol għal kampanja twila f’dak l-​istaġun, meta x-​xita tal-​ħarifa kienet waslet biex tibda . . . u setaʼ jkun diffiċli biex l-​armata tirċievi l-​provvisti. Minħabba f’hekk, probabbilment ħaseb li jkun iktar prudenti jekk jirtira.” Kien x’kien li Ċestju Gallu kellu f’moħħu, l-​armata Rumana rtirat mill-​belt, b’telfiet konsiderevoli imposti mil-​Lhud li kienu qed isusu warajhom.

      10 Dik l-​irtirata Rumana ħabta u sabta għamlitha possibbli biex “bnedmin”​—id-​dixxipli taʼ Ġesù li kienu fil-​periklu ġewwa Ġerusalemm—​isalvaw. L-​istorja tgħid li meta ġiethom din l-​opportunità, il-​Kristjani ħarbu minn dak ir-​reġjun. X’turija taʼ l-​abbiltà li Alla għandu biex ikun jaf minn qabel x’hemm fil-​futur u biex jiżgura s-​sopravivenza taʼ l-​adoraturi tiegħu! Però, xi ngħidu għal-​Lhud li ma kinux jemmnu u li baqgħu f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija?

      Il-​Kontemporanji Kellhom Jarawha

      11. Ġesù x’qal dwar “dan in-​nisel [“ġenerazzjoni,” NW]”?

      11 Bosta Lhud ħassew li s-​sistema taʼ qima li kellhom, li kienet iċċentrata fuq it-​tempju, kellha tibqaʼ għal żmien indefinit. Imma Ġesù qal: “Tgħallmu . . . mis-​siġra tat-​tin. Meta l-​fergħa tirtab u tarmi l-​weraq, intom tintebħu li s-​sajf fil-​qrib. Hekk ukoll meta taraw dan kollu, kunu afu li hu fil-​qrib, fil-​bieb. Tassew, ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-​nisel [“ġenerazzjoni,” NW] sa ma jiġri dan kollu. Is-​sema u l-​art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.” (Korsiv tagħna.)—Mattew 24:32-35.

      12, 13. Id-​dixxipli, kif kellhom jifhmuha r-​referenza taʼ Ġesù għal “din il-​ġenerazzjoni”?

      12 Fis-​snin li wasslu sas-​sena 66 E.K., il-​Kristjani kellhom ikunu diġà raw ħafna mill-​partijiet preliminari tas-​sinjal kompost jitwettqu​—gwerer, ġuħ, saħansitra xandir estensiv taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna. (Atti 11:28; Kolossin 1:23) Meta, iżda, kellu jiġi t-​tmiem? Ġesù x’ried ifisser meta qal: ‘Dan in-​nisel [“ġenerazzjoni,” NW] [Grieg, ge·ne·aʹ] ma jgħaddix’? Ġesù, lill-​massa kontemporanja taʼ Lhud li jopponu, inkluż il-​mexxejja reliġjużi, taʼ spiss sejħilhom “nisel [“ġenerazzjoni,” NW] ħażin u infidil.” (Mattew 11:16; 12:39, 45; 16:4; 17:17; 23:36) Għalhekk meta, fuq l-​Għolja taż-​Żebbuġ, hu reġaʼ tkellem dwar “din il-​ġenerazzjoni,” evidentement ma riedx ifisser ir-​razza kollha kemm hi taʼ Lhud li eżistew matul l-​istorja; lanqas ma ried ifisser is-​segwaċi tiegħu, avolja dawn kienu “ġens maħtur.” (1 Pietru 2:9) Lanqas ma kien Ġesù qed jgħid li “din il-​ġenerazzjoni” hija perijodu taʼ żmien.

      13 Pjuttost, Ġesù kellu f’moħħu l-​avversarji Lhud li f’dak iż-​żmien kellhom iġarrbu t-​twettiq tas-​sinjal li kien tahom. Rigward ir-​referenza għal “dan in-​nisel [“ġenerazzjoni,” NW] f’Luqa 21:32, il-​Professur Joel B. Green jinnota: “Fit-​Tielet Vanġelu, ‘din il-​ġenerazzjoni’ (u frażijiet relatati) issinjifikat regolarment kategorija taʼ nies li jirreżistu l-​iskop t’Alla. . . . [Din tirreferi] għal nies li b’ras iebsa jagħtu darhom lill-​iskop divin.”b

      14. Dik il-​“ġenerazzjoni” x’esperjenzat, imma kif kien hemm riżultat differenti għall-​Kristjani?

      14 Il-​ġenerazzjoni mill-​agħar taʼ avversarji Lhud li setgħu josservaw is-​sinjal waqt li kien qed jitwettaq kellha wkoll tesperjenza t-​tmiem. (Mattew 24:6, 13, 14) U dan għamluh! Fis-​sena 70 E.K., l-​armata Rumana rritornat, immexxija minn Titu, bin l-​Imperatur Vespasjanu. Is-​sofferenza tal-​Lhud li kienu għal darb’oħra bblokkati fil-​belt ma titwemminx.c Ġużeppi Flavju, wieħed li ra b’għajnejh stess, jirrapporta li sakemm ir-​Rumani ġarrfu l-​belt, madwar 1,100,000 Lhudi kienu mietu u madwar 100,000 ittieħdu lsiera, u l-​biċċa l-​kbira minn dawn kellhom fi żmien qasir imutu b’mod orribbli bil-​ġuħ jew fl-​areni Rumani. Verament li t-​tribulazzjoni taʼ bejn is-​snin 66 u 70 E.K. kienet l-​akbar li Ġerusalemm u s-​sistema Lhudija qatt kienu esperjenzaw jew qatt kellhom jesperjenzaw. Kemm kien differenti r-​riżultat għall-​Kristjani li kienu taw kas it-​twissija profetika taʼ Ġesù u kienu telqu minn Ġerusalemm wara t-​tluq taʼ l-​armati Rumani fis-​sena 66 E.K.! Il-​Kristjani midlukin u “maħturin” kienu ‘salvati,’ jew protetti, fis-​sena 70 E.K.—Mattew 24:16, 22.

      Twettiq Ieħor għad Irid Iseħħ

      15. Kif nistgħu nkunu żguri li l-​profezija taʼ Ġesù kellu jkollha twettiq akbar wara s-​sena 70 E.K.?

      15 Madankollu, dan ma kienx il-​final. Iktar kmieni, Ġesù kien indika li wara li l-​belt kellha tinqered, hu kellu jiġi f’isem Jehovah. (Mattew 23:38, 39; 24:2) Imbagħad dan iċċarah iktar permezz tal-​profezija li hu ta fuq l-​Għolja taż-​Żebbuġ. Billi semma d-​“diqa [“tribulazzjoni,” NW] kbira” li ġejja, hu qal li wara din kellhom jidhru Kristijiet foloz, u Ġerusalemm kellha tintrifes mill-​ġnus għal perijodu estiż. (Mattew 24:21, 23-28; Luqa 21:24) Huwa possibbli li twettiq ieħor, akbar kien għad irid iseħħ? Il-​fatti juru li iva. Meta nqabblu Apokalissi 6:2-8 (miktub wara t-​tribulazzjoni fuq Ġerusalemm fis-​sena 70 E.K.) maʼ Mattew 24:6-8 u Luqa 21:10, 11, naraw li l-​gwerer, in-​nuqqas taʼ ikel, u l-​pesti fuq skala akbar għad iridu jseħħu. Dan it-​twettiq akbar tal-​kliem taʼ Ġesù ilu jseħħ minn mindu faqqgħet l-​Ewwel Gwerra Dinjija fl-​1914.

      16-18. X’qed nistennew li għad irid jiġri?

      16 Għal għexur taʼ snin issa, ix-​Xhieda taʼ Jehovah għallmu li t-​twettiq kurrenti tas-​sinjal jagħti prova li “t-​tribulazzjoni kbira” għad trid tiġi. Il-​“ġenerazzjoni” mill-​agħar preżenti se tara dik it-​tribulazzjoni. Milli jidher se jerġaʼ jkun hemm fażi li tagħti bidu (attakk fuq ir-​reliġjon falza kollha), sewwa sew bħalma l-​attakk minn Gallu fis-​sena 66 E.K. ta bidu għat-​tribulazzjoni fuq Ġerusalemm.d Imbagħad, wara intervall taʼ tul mhux speċifikat, se jiġi t-​tmiem​—qerda fuq skala dinjija, li hija parallela maʼ dik fis-​sena 70 E.K.

      17 Waqt li rrefera għat-​tribulazzjoni preċiż quddiemna, Ġesù qal: “Minnufih, wara d-​diqa [“tribulazzjoni,” NW] taʼ dawk il-​jiem [il-qerda tar-​reliġjon falza], ix-​xemx tiddallam, il-​qamar jitlef id-​dija tiegħu, il-​kwiekeb jaqgħu mis-​sema, u l-​qawwiet tas-​sema jitheżhżu. Mbagħad jidher fis-​sema s-​sinjal taʼ Bin il-​bniedem, il-​popli kollha taʼ l-​art jibdew jagħtu fuq sidirhom, u jaraw lil Bin il-​bniedem ġej fuq is-​sħab tas-​sema b’qawwa u glorja kbira.”—Mattew 24:29, 30.

      18 Għaldaqstant, Ġesù nnifsu jgħid li “wara d-​diqa [“tribulazzjoni,” NW] taʼ dawk il-​jiem,” se jkun hemm fenomeni ċelestjali taʼ xi sura jew oħra. (Qabbel Ġoel 3:1-5 [Ġoel 2:28-32, NW]; Ġoel 4:15 [Ġoel 3:15, NW].) Dan tant se jaħsad u jixxokkja lill-​bnedmin diżubbidjenti li se “jibdew jagħtu fuq sidirhom.” Bosta se jkollhom “ruħhom ħierġa bil-​biżaʼ billi jobsru x’ikun ġej fuq id-​dinja.” Imma dan ma japplikax għall-​Kristjani veri! Dawn ‘se jerfgħu rashom, għaliex il-​fidwa tagħhom qed toqrob.’—Luqa 21:25, 26, 28.

      Il-​Ġudizzju Quddiemna!

      19. Kif nistgħu nistabbilixxu meta se titwettaq il-​parabbola tan-​nagħaġ u l-​mogħoż?

      19 Innota li Mattew 24:29-31 ibassar li (1) Bin il-​bniedem jasal, (2) din il-​miġja se tkun bi glorja kbira, (3) l-​anġli se jkunu miegħu, u (4) it-​tribujiet kollha taʼ l-​art se jarawh. Ġesù jirrepeti dawn l-​aspetti fil-​parabbola tan-​nagħaġ u l-​mogħoż. (Mattew 25:31-46) Għaldaqstant, nistgħu nikkonkludu li din il-​parabbola tittratta maż-​żmien taʼ wara li jfaqqaʼ l-​bidu tat-​tribulazzjoni, meta Ġesù se jasal maʼ l-​anġli tiegħu u joqgħod bil-​qegħda fuq it-​tron biex jiġġudika. (Ġwann 5:22; Atti 17:31; qabbel l-1 Slaten 7:7; Danjel 7:10, 13, 14, 22, 26; Mattew 19:28.) Min se jiġi ġġudikat, u b’liema riżultat? Il-​parabbola turi li Ġesù se jitfaʼ l-​attenzjoni fuq il-​ġnus kollha, bħallikieku kienu miġburin preċiż quddiem it-​tron ċelestjali tiegħu.

      20, 21. (a) X’se jiġrilhom in-​nagħaġ tal-​parabbola taʼ Ġesù? (b) Il-​mogħoż x’se jġarrbu fil-​futur?

      20 Irġiel u nisa bħal nagħaġ se jiġu sseparati għal fuq in-​naħa tal-​lemin taʼ favur taʼ Ġesù. Għala? Għaliex huma wżaw l-​opportunitajiet li kellhom biex jagħmlu l-​ġid lil ħutu​—il-​Kristjani midlukin, li se jkollhom sehem maʼ Kristu fis-​Saltna tas-​sema. (Danjel 7:27; Lhud 2:9–3:1) Fi qbil mal-​parabbola, miljuni taʼ Kristjani bħal nagħaġ irrikonoxxew lill-​aħwa spiritwali taʼ Ġesù u ilhom jaħdmu b’appoġġ magħhom. B’riżultat taʼ dan, il-​membri tal-​“folla kbira” għandhom it-​tama bbażata fuq il-​Bibbja li jgħaddu ħajjin mit-​“tribulazzjoni kbira” u mbagħad jgħixu għal dejjem fil-​Ġenna, il-​qasam tas-​Saltna t’Alla fuq l-​art.—Apokalissi 7:9, 14; 21:3, 4; Ġwann 10:16.

      21 X’riżultat differenti se jkollhom il-​mogħoż! Huma deskritti f’Mattew 24:30 bħala li “jibdew jagħtu fuq sidirhom” meta jiġi Ġesù. U bir-​raġun, għax dawn ikunu bnew rekord taʼ kemm irrifjutaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna, taʼ kemm opponew lid-​dixxipli taʼ Ġesù, u taʼ kemm ippreferew id-​dinja li qegħda tgħaddi. (Mattew 10:16-18; 1 Ġwann 2:15-17) Huwa Ġesù​—u mhux xi ħadd mid-​dixxipli tiegħu fuq l-​art—​li jiddetermina min huma l-​mogħoż. Hu jgħid dwarhom: “U dawn imorru fit-​tbatija [“qtugħ,” NW] taʼ dejjem.”—Mattew 25:46.

      22. Liema partijiet mill-​profezija taʼ Ġesù jixraq li nkomplu nikkunsidraw?

      22 Il-​progress tagħna f’li nifhmu l-​profezija f’Mattew kapitli 24 u 25 kien eċċitanti. Madankollu, hemm parti mill-​profezija taʼ Ġesù li jixraq li nerġgħu nagħtuha l-​attenzjoni tagħna​—‘il-​profanazzjoni u l-​ħerba li qegħdin fil-​post imqaddes.’ Ġesù ħeġġeġ lis-​segwaċi tiegħu biex jużaw id-​dixxerniment rigward dan u biex ikunu lesti li jieħdu azzjoni. (Mattew 24:15, 16) X’inhuma dawn il-​“profanazzjoni u l-​ħerba”? Meta jkunu f’post imqaddes? U l-​prospetti preżenti u futuri tagħna tal-​ħajja kif inhuma involuti? L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti dan.

      [Noti taʼ taħt]

      a Ara l-​artikli taʼ studju fil-​ħarġiet tat-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Marzu, 1994; l-​1 taʼ Novembru, 1995; u l-​1 taʼ Settembru, 1996.

      b L-istudjuż Britanniku G. R. Beasley-Murray jagħmel din l-​osservazzjoni: “Il-​frażi ‘din il-​ġenerazzjoni’ m’għandhiex għalfejn tqanqal diffikultà għall-​interpreti. Filwaqt li nammettu li genea bil-​Grieg iżjed bikri kienet tfisser twelid, nisel, u għalhekk razza, . . . fis-​[Settanta Griega] din spiss ittraduċiet it-​terminu Ebrajk dôr, li jfisser era, era taʼ l-​umanità, jew ġenerazzjoni fis-​sens taʼ kontemporanji. . . . Fi kliem attribwit lil Ġesù it-​terminu jidher li għandu konnotazzjoni doppja: minn banda jfisser dejjem il-​kontemporanji tiegħu, u mill-​banda l-​oħra dejjem jagħti x’jifhem kritika impliċita.”

      c Fil-pubblikazzjoni History of the Jews, il-​Professur Graetz jgħid li r-​Rumani xi minn daqqiet sammru 500 priġunier maz-​zokk tat-​tortura kull ġurnata. Lil xi Lhud oħrajn li nqabdu qatgħulhom idejhom barra u wara ntbagħtu lura lejn il-​belt. Liema kundizzjonijiet kien hemm fil-​belt? “Il-​flus saru bla valur, għax ma setgħux jixtru x’jieklu bihom. In-​nies kienu jitqatlu fit-​toroq fuq ikel li kien verament iqażżek, fuq xi ftit tiben, fuq xi biċċa ġilda, jew fuq it-​tilqit li kien jintefaʼ lill-​klieb. . . . In-​numru taʼ iġsma mhux midfunin, li kien qed jiżdied rapidament, ġegħlu l-​arja soffokanti sajfija issir velenuża, u l-​poplu safaʼ vittma tal-​mard, tal-​ġuħ, u tax-​xabla.”

      d L-artiklu li jmiss se jiddiskuti dan l-​aspett tat-​tribulazzjoni futura.

      Tiftakar Int?

      ◻ Mattew 24:4-14 liema twettiq kellu fl-​ewwel seklu?

      ◻ Fi żmien l-​appostli, il-​jiem kif tqassru u bnedmin ġew salvati, bħalma ġie mbassar f’Mattew 24:21, 22?

      ◻ X’ikkaratterizza l-​“ġenerazzjoni” msemmija f’Mattew 24:34?

      ◻ Kif nafu li l-​profezija mogħtija fuq l-​Għolja taż-​Żebbuġ kellu jkollha twettiq ieħor u akbar?

      ◻ Il-​parabbola tan-​nagħaġ u l-​mogħoż meta u kif se titwettaq?

      [Stampa f’paġna 12]

      Dettall fuq l-​Arkata taʼ Titu f’Ruma, li turi l-​priża mill-​qerda taʼ Ġerusalemm

      [Sors]

      Soprintendenza Archeologica di Roma

  • ‘Ħa Juża d-Dixxerniment Min Jaqra’
    It-Torri tal-Għassa—1999 | Mejju 1
    • ‘Ħa Juża d-​Dixxerniment Min Jaqra’

      “Meta mbagħad taraw il-​profanazzjoni u l-​ħerba fit-​tempju [“fil-​post imqaddes,” “Saydon”] . . . ħa jaħarbu mbagħad lejn l-​għoljiet dawk li jkunu fil-​Lhudija.”—MATTEW 24:15, 16.

      1. Liema riżultat kellha t-​twissija li Ġesù ta kif tinsab f’Luqa 19:43, 44?

      IL-​FATT li nkunu avżati bil-​gwaj li riesaq jistaʼ jgħinna nevitawh. (Proverbji 22:3) Mela immaġina s-​sitwazzjoni tal-​Kristjani f’Ġerusalemm wara l-​attakk Ruman fis-​sena 66 E.K. Ġesù kien wissa li l-​belt kellha tiġi ċċirkondata u meqruda. (Luqa 19:43, 44) Il-​biċċa l-​kbira tal-​Lhud injorawh. Imma d-​dixxipli tiegħu taw kas tat-​twissija tiegħu. B’riżultat taʼ dan, huma ġew salvati mill-​gwaj tas-​sena 70 E.K.

      2, 3. Għala għandna nkunu interessati fil-​profezija taʼ Ġesù ddokumentata f’Mattew 24:15-21?

      2 Fi profezija li għandha implikazzjonijiet għalina llum, Ġesù indika sinjal kompost li inkluda gwerer, nuqqas taʼ ikel, terremoti, pesti, u persekuzzjoni tal-​Kristjani li jkunu qed jippridkaw dwar is-​Saltna t’Alla. (Mattew 24:4-14; Luqa 21:10-19) Ġesù offra wkoll ħjiel li kellu jgħin lid-​dixxipli tiegħu biex jindunaw li t-​tmiem kien qrib​—‘il-​profanazzjoni u l-​ħerba fil-​post imqaddes.’ (Mattew 24:15) Ejja neżaminaw mill-​ġdid dan il-​kliem mimli tifsir ħalli naraw kif jistaʼ jeffettwalna ħajjitna issa u fil-​futur.

      3 Wara li indika x’kien is-​sinjal, Ġesù qal: “Meta mbagħad taraw il-​profanazzjoni u l-​ħerba fit-​tempju [“fil-​post imqaddes,” Saydon] li fuqhom tkellem il-​profeta Danjel – ħa jifhem [“juża d-​dixxerniment,” NW] min jaqra! – ħa jaħarbu mbagħad lejn l-​għoljiet dawk li jkunu fil-​Lhudija; u min ikun fuq il-​bejt, ara li ma jinżilx jieħu xi ħaġa mid-​dar, anqas min ikun fir-​rabaʼ ma għandu jerġaʼ lura biex jieħu l-​mantar tiegħu. Jaħasra għalihom in-​nisa li f’dawk il-​jiem ikunu tqal jew ireddgħu! Itolbu li l-​ħarba tagħkom ma tiġrix fix-​xitwa jew nhar taʼ Sibt. Għax imbagħad ikun hawn diqa [“tribulazzjoni,” NW] kbira li mill-​bidu tad-​dinja sa issa għadu qatt ma kien hawn bħalha u anqas ikun hawn.”—Mattew 24:15-21.

      4. Liema ħaġa tindika li Mattew 24:​15 kellu twettiq fl-​ewwel seklu?

      4 Ir-​rakkonti taʼ Mark u Luqa jipprovdu dettalji li jissupplimentaw. Fejn Mattew juża “fit-​tempju, [“fil-​post imqaddes,” Saydon],” Mark 13:14 jgħid “fit-​tempju fejn ma għandhiex tkun.” Luqa 21:20 iżid il-​kliem taʼ Ġesù: “Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-​eżerċti, tkunu tafu li l-​qerda tagħha tkun waslet.” Dan jgħinna naraw li l-​ewwel twettiq kien jinvolvi l-​ħbit Ruman fuq Ġerusalemm u t-​tempju tagħha​—post li kien qaddis għal-​Lhud imma ma kienx għadu l-​post qaddis għal Jehovah—​li beda fis-​sena 66 E.K. Il-​ħerba totali seħħet meta r-​Rumani qerdu kemm il-​belt kif ukoll it-​tempju fis-​sena 70 E.K. X’kienet “il-​profanazzjoni” lura f’dak iż-​żmien? U kif kienet “fil-​post imqaddes”? It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet se jgħinu biex jiġi ċċarat it-​twettiq fi żmienna.

      5, 6. (a) Dawk li jaqraw Danjel kapitlu 9 għala se jkollhom bżonn id-​dixxerniment? (b) Kif twettqet il-​profezija taʼ Ġesù dwar “il-​profanazzjoni”?

      5 Ġesù ħeġġeġ lill-​qarrejja biex jużaw id-​dixxerniment. Qarrejja taʼ xiex? X’aktarx, taʼ Danjel kapitlu 9. Hemmhekk insibu profezija li tindika meta kellu jidher il-​Messija u tbassar li kellu “jiġi maqtugħ” wara tliet snin u nofs. Il-​profezija tgħid: “U fuq il-​ġewnaħ t’affarijiet moqżieża se jkun hemm il-​wieħed li qiegħed jikkaġuna ħerba; u sa qerda għalkollox, l-​istess ħaġa li ttieħdet deċiżjoni dwarha se tmur tferraʼ wkoll fuq il-​wieħed li jinsab ħerba.”—Danjel 9:26, 27, NW; ara wkoll Danjel 11:31; 12:11.

      6 Il-​Lhud ħasbu li dan kien japplika għall-​profanazzjoni tat-​tempju minn Antijoku IV madwar 200 sena qabel. Madankollu, Ġesù wera mod ieħor, billi ħeġġeġ id-​dixxerniment minħabba li l-​“profanazzjoni” kienet għad trid tidher u tieqaf f’“post imqaddes.” Huwa evidenti li Ġesù kien qed jirreferi għall-​armata Rumana li kellha tiġi fis-​sena 66 E.K. b’emblemi distintivi. Dawn l-​istandardi, li kienu ilhom jintużaw, kienu tistaʼ tgħid idoli u kienu moqżieża għal-​Lhud.a Iżda, meta kellhom ‘ikunu f’post imqaddes’? Dan ġara meta l-​armata Rumana, bl-​emblemi tagħha, attakkat lil Ġerusalemm u t-​tempju tagħha, li l-​Lhud kienu jikkunsidrawh bħala qaddis. Ir-​Rumani saħansitra bdew iħaffru mina taħt il-​ħajt fl-​inħawi tat-​tempju. Verament, dak li kien ilu meqjus bħala moqżież issa kien qiegħed f’post qaddis!—Isaija 52:1; Mattew 4:5; 27:53; Atti 6:13.

      “Profanazzjoni” fi Żmienna

      7. Liema profezija taʼ Ġesù qed titwettaq fi żmienna?

      7 Mill-​Ewwel Gwerra Dinjija ’l hawn, aħna rajna t-​twettiq akbar tas-​sinjal taʼ Ġesù ddokumentat f’Mattew kapitlu 24. Iżda ftakar kliemu: “Meta mbagħad taraw il-​profanazzjoni u l-​ħerba fit-​tempju [“fil-​post imqaddes,” Saydon], . . . ħa jaħarbu mbagħad lejn l-​għoljiet dawk li jkunu fil-​Lhudija.” (Mattew 24:15, 16) Dan l-​aspett tal-​profezija bilfors irid ikollu twettiq fi żmienna wkoll.

      8. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kif identifikaw għal snin sħaħ “il-​profanazzjoni” taʼ żmienna?

      8 Waqt li wera l-​fiduċja tal-​qaddejja taʼ Jehovah li din il-​profezija se titwettaq, The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Jannar, 1921, iffoka fuqha f’konnessjoni maʼ żviluppi fil-​Lvant Nofsani. Sussegwentement, fil-​ħarġa tal-​15 taʼ Diċembru, 1929, The Watchtower, f’paġna 374 qal definittivament: “It-​tendenza kollha tal-​Lega tan-​Nazzjonijiet hi li tbiegħed lin-​nies minn Alla u minn Kristu, u minħabba f’hekk hija ħaġa li tagħmel ħerba, il-​prodott taʼ Satana, u abominazzjoni f’għajnejn Alla.” Għalhekk fl-​1919 feġġet “il-​profanazzjoni.” Maż-​żmien, il-​Lega ċediet postha għall-​Ġnus Magħquda. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ilhom ħafna li kixfu lil dawn l-​organizzazzjonijiet bħala li huma moqżieża f’għajnejn Alla.

      9, 10. Fehma iktar bikrija tat-​tribulazzjoni l-​kbira kif influwenzat il-​ħarsa tagħna dwar iż-​żmien meta l-​“profanazzjoni” kellha tkun qegħda f’post imqaddes?

      9 L-​artiklu taʼ qabel ta fil-​qosor ħarsa ċċarata taʼ ħafna mill-​kontenut taʼ Mattew 24 u 25. Nistgħu bix-​xieraq nistennew li hemm xi kjarifika rigward ‘il-​profanazzjoni fil-​post imqaddes’? Milli jidher, iva. Il-​profezija taʼ Ġesù tagħmel konnessjoni bejn li ‘qegħda fil-​post imqaddes’ maʼ li tfaqqaʼ t-​“tribulazzjoni” mbassra. Għaldaqstant, avolja “il-​profanazzjoni” ilha teżisti, il-​konnessjoni taʼ bejn il-​fatt li ‘qegħda fil-​post imqaddes’ u t-​tribulazzjoni l-​kbira għandha teffettwalna l-​ħsieb tagħna. Kif?

      10 Il-​poplu t’Alla darba kien jaħseb li l-​ewwel fażi tat-​tribulazzjoni l-​kbira bdiet fl-​1914 u li l-​parti finali kellha tiġi fil-​battalja t’Armageddon. (Apokalissi 16:14, 16; qabbel The Watchtower taʼ l-​1 t’April, 1939, paġna 110.) Għalhekk, nistgħu nifhmu għala darba kienu jaħsbu li l-​“profanazzjoni” taʼ l-​aħħar żmien bilfors li kienet fil-​post imqaddes ftit wara l-​Ewwel Gwerra Dinjija.

      11, 12. Fl-​1969, liema ħarsa aġġustata dwar it-​tribulazzjoni l-​kbira ġiet ippreżentata?

      11 Madankollu, fis-​snin taʼ wara bdejna naraw l-​affarijiet b’mod differenti. Nhar il-​Ħamis, 10 taʼ Lulju, 1969, fl-​Assemblea Internazzjonali “Paċi fuq l-​Art” li saret fi New York City, F. W. Franz, li dak iż-​żmien kien il-​president tal-​Watch Tower Bible and Tract Society, ta taħdita verament eċċitanti. Waqt li rreveda l-​fehma taʼ qabel tal-​profezija taʼ Ġesù, Ħuna Franz qal: “Ngħatat l-​ispjegazzjoni li ‘t-​tribulazzjoni l-​kbira’ kienet bdiet fl-​1914 E.K. u li ma tħallietx twettaq il-​korsa kollha tagħha f’dak iż-​żmien għar-​raġuni li Alla waqqaf l-​Ewwel Gwerra Dinjija f’Novembru taʼ l-​1918. Minn dakinhar ’l hawn Alla kien qed iħalli intervall għall-​attività tal-​fdal midluk tiegħu taʼ Kristjani magħżulin qabel ma jħalli l-​parti finali tat-​‘tribulazzjoni l-​kbira’ terġaʼ tibda fil-​battalja t’Armageddon.”

      12 Imbagħad ġiet offruta spjegazzjoni aġġustata b’mod sinjifikanti: “Biex tikkorrispondi mal-​ġrajjiet taʼ l-​ewwel seklu, . . . it-​‘tribulazzjoni l-​kbira’ antitipika ma bdietx fl-​1914 E.K. Pjuttost, dak li seħħ fuq l-​antitip modern taʼ Ġerusalemm bejn l-​1914 u l-​1918 kien sempliċement ‘bidu taʼ tbatija kbira’ . . . It-​‘tribulazzjoni l-​kbira’ li qatt ma se jerġaʼ jkun hawn bħalha għad trid tiġi, għax din tfisser il-​qerda taʼ l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza (inkluż il-​Kristjaneżmu) segwita mill-​‘gwerra taʼ nhar il-​Jum il-​kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox’ f’Armageddon.” Dan kien ifisser li t-​tribulazzjoni l-​kbira kollha kemm hi kienet għadha trid tiġi.

      13. Għala huwa loġiku li tgħid li l-​“profanazzjoni” se tkun ‘qegħda fil-​post imqaddes’ fil-​futur?

      13 Dan għandu konnessjoni diretta maʼ li nindunaw meta l-​“profanazzjoni” tkun qegħda f’post imqaddes. Ftakar ftit x’ġara fl-​ewwel seklu. Ir-​Rumani attakkaw lil Ġerusalemm fis-​sena 66 E.K., imma f’daqqa waħda rtiraw, u dan ta ċans lill-​‘bnedmin’ Kristjani biex isalvaw. (Mattew 24:22) Fi qbil maʼ dan, aħna nistennew li t-​tribulazzjoni l-​kbira tibda dalwaqt, imma din se titqassar minħabba l-​maħturin t’Alla. Innota dan il-​punt fundamentali: Fil-​mudell l-​antik, ‘il-​profanazzjoni u l-​ħerba fil-​post imqaddes’ kienu konnessi maʼ l-​attakk Ruman taħt il-​Ġeneral Gallu fis-​sena 66 E.K. Il-​parallel taʼ żmienna taʼ dak l-​attakk​—meta tfaqqaʼ t-​tribulazzjoni l-​kbira—​għadu ġej. Għalhekk, “il-​profanazzjoni u l-​ħerba,” li eżistew mill-​1919, evidentement għad iridu joqogħdu f’post qaddis.b Dan kif se jiġri? U kif nistgħu nkunu effettwati?

      Attakk Futur

      14, 15. Apokalissi kapitlu 17 kif jgħinna nifhmu l-​ġrajjiet li se jwasslu għal Armageddon?

      14 Il-​ktieb t’Apokalissi jiddeskrivi attakk distruttiv fil-​futur fuq ir-​reliġjon falza. Kapitlu 17 jindika l-​ġudizzju t’Alla kontra “Babilonja l-​Kbira, omm in-​nisa żienja”​—l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. Il-​Kristjaneżmu għandu parti ċentrali u jsostni li għandu relazzjoni taʼ patt m’Alla. (Qabbel Ġeremija 7:4.) Ir-​reliġjonijiet foloz, inkluż il-​Kristjaneżmu, ilhom żmien twil ikollhom relazzjonijiet illeċiti mas-​“slaten taʼ l-​art,” imma dan se jintemm billi dawn ir-​reliġjonijiet isiru ħerba. (Apokalissi 17:2, 5) Taħt idejn min se jintemmu?

      15 Apokalissi jagħtina stampa taʼ ‘bhima taʼ lewn aħmar dagħmieni’ li teżisti għal xi żmien, tisparixxi, u terġaʼ tirritorna. (Apokalissi 17:3, 8) Din il-​bhima hija appoġġata minn ħakkiema dinjin. Id-​dettalji fornuti fil-​profezija jgħinuna nidentifikaw lil din il-​bhima simbolika bħala l-​organizzazzjoni tal-​paċi li bdiet teżisti fl-​1919 bħala l-​Lega tan-​Nazzjonijiet (“il-​profanazzjoni”) u li issa hija l-​Ġnus Magħquda. Apokalissi 17:​16, 17 juri li Alla għad irid ipoġġi fil-​qlub taʼ ċerti ħakkiema umani li huma prominenti f’din il-​“Bhima” biex jagħmlu ħerba mill-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. Dan l-​attakk jimmarka l-​bidu tat-​tribulazzjoni l-​kbira.

      16. Liema żviluppi notevoli qed iseħħu li jinvolvu r-​reliġjon?

      16 Ladarba l-​bidu tat-​tribulazzjoni l-​kbira għadu fil-​futur, il-​parti tal-​profezija ‘qegħda fil-​post imqaddes’ għad trid iseħħ? L-​evidenza hekk turi. Waqt li l-​“profanazzjoni” feġġet kmieni f’dan is-​seklu u b’hekk ilha teżisti għal għexur taʼ snin, din se tieħu pożizzjoni b’mod uniku “fil-​post imqaddes” fil-​futur qarib. Bħalma s-​segwaċi taʼ Kristu taʼ l-​ewwel seklu min jaf kemm qagħdu b’sebaʼ għajnejn biex jaraw kif kienet se tiżviluppa l-​parti tal-​profezija ‘qegħda fil-​post imqaddes,’ hekk ukoll jagħmlu l-​Kristjani tal-​lum. Irridu nammettu, se jkollna nistennew it-​twettiq attwali biex inkunu nafu d-​dettalji kollha. Madankollu, huwa notevoli li f’xi pajjiżi diġà qed tinħass antipatija li dejjem qed tiżdied lejn ir-​reliġjon. Xi elementi politiċi, f’alleanza maʼ dawk li qabel kienu Kristjani u li telqu mill-​vera reliġjon, qegħdin jippromwovu ostilità kontra r-​reliġjon in ġenerali u partikolarment kontra l-​Kristjani veri. (Salm 94:20, 21; 1 Timotju 6:20, 21) B’riżultat taʼ dan, il-​qawwiet politiċi saħansitra issa qed “jagħmlu gwerra lill-​Ħaruf,” u bħalma jindika Apokalissi 17:14, din il-​ġlieda se tiħrax. Waqt li ma jistgħux litteralment imiddu idejhom fuq il-​Ħaruf t’Alla​—Ġesù Kristu fl-​istat eżaltat u gglorifikat tiegħu—​huma se jkomplu jiżvogaw l-​oppożizzjoni tagħhom kontra l-​adoraturi veri t’Alla, partikolarment fuq il-​“qaddisin” tiegħu. (Danjel 7:25; qabbel Rumani 8:27; Kolossin 1:2; Apokalissi 12:17.) Aħna għandna l-​assiguranza divina li l-​Ħaruf u dawk li jkunu miegħu se joħorġu rebbiħin.—Apokalissi 19:11-21.

      17. Mingħajr ma nkunu dommatiċi, x’nistgħu ngħidu dwar kif “il-​profanazzjoni” se tkun qegħda f’post imqaddes?

      17 Nafu li hemm ħerba sħiħa tistenna lir-​reliġjon falza. Babilonja l-​Kbira tinsab “fis-​sakra bid-​demm tal-​qaddisin” u aġixxiet bħala sultana, imma l-​qerda tagħha hija ċerta. L-​influwenza moqżieża li eżerċitat fuq is-​slaten taʼ l-​art se tinbidel b’mod drammatiku hekk kif dik ir-​relazzjoni tinbidel f’waħda taʼ mibegħda vjolenti min-​naħa taʼ “l-​għaxart iqrun u l-​Bhima.” (Apokalissi 17:6, 16; 18:7, 8) Meta l-​“Bhima taʼ lewn aħmar dagħmieni” tattakka lill-​mara żienja reliġjuża, “il-​profanazzjoni” se tkun wieqfa b’mod taʼ theddida fl-​hekk imsejjaħ post imqaddes tal-​Kristjaneżmu.c Hekk se tibda l-​ħerba fuq il-​Kristjaneżmu bla fidi, u li jilgħabha tal-​qaddis.

      ‘Naħarbu’​—Kif?

      18, 19. Liema raġunijiet jingħataw biex juru illi li “jaħarbu lejn l-​għoljiet” ma jfissirx li jibdlu r-​reliġjon?

      18 Wara li bassar dwar li ‘l-​profanazzjoni tkun qegħda fil-​post imqaddes,’ Ġesù wissa lil dawk li jindunaw biex jaġixxu. Ried hu jfisser li f’dak l-​istadju daqshekk avanzat​—meta l-​“profanazzjoni” tkun ‘qegħda fil-​post imqaddes’​—se jkun hemm ħafna nies li se jaħarbu mir-​reliġjon falza u jibdew jipprattikaw il-​qima vera? Diffiċli. Ikkunsidra l-​ewwel twettiq. Ġesù qal: “Ħa jaħarbu mbagħad lejn l-​għoljiet dawk li jkunu fil-​Lhudija; u min ikun fuq il-​bejt, ara li ma jinżilx biex jidħol ġewwa jieħu xi ħaġa mid-​dar; anqas min ikun fir-​rabaʼ ma għandu jerġaʼ lura biex jieħu l-​mantar tiegħu. Jaħasra għalihom in-​nisa li f’dawk il-​jiem ikunu tqal jew ireddgħu! Itolbu li dan kollu ma jiġrix fix-​xitwa.” (Korsiv tagħna.)—Mark 13:14-18.

      19 Ġesù ma qalx li dawk biss f’Ġerusalemm kellhom bżonn jaħarbu, bħallikieku l-​punt tiegħu kien li huma kellhom bżonn joħorġu miċ-​ċentru tal-​qima Lhudija; it-​twissija tiegħu lanqas ma semmiet li kellhom jibdlu r-​reliġjon​—li jaħarbu mill-​waħda falza u jidħlu f’dik vera. Id-​dixxipli taʼ Ġesù ċertament ma kellhom bżonn taʼ ebda twissija dwar li jaħarbu minn reliġjon waħda għal ġo l-​oħra; huma diġà kienu saru Kristjani veri. U l-​attakk fis-​sena 66 E.K. ma qanqalx lil dawk li kienu jipprattikaw il-​Ġudaiżmu f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija kollha biex jabbandunaw dik ir-​reliġjon u jaċċettaw il-​Kristjanità. Il-​Professur Heinrich Graetz jgħid li dawk li ġrew wara r-​Rumani reġgħu marru lura lejn il-​belt: “Iż-​Żelaturi, waqt li b’leħen għoli kantaw għanjiet trijonfanti tal-​gwerra, irritornaw lejn Ġerusalemm (fit-8 t’Ottubru), b’qalbhom tħabbat bit-​tama ferriħija taʼ libertà u indipendenza. . . . Ma kienx Alla għenhom bl-​istess mod ħanin li kien għen lil missirijiethom? Qlub iż-​Żelaturi ma kinux beżgħanin dwar il-​futur.”

      20. Id-​dixxipli bikrin taʼ Ġesù kif wieġbu għat-​twissija taʼ Ġesù biex jaħarbu lejn l-​għoljiet?

      20 Allura, dak in-​numru komparattivament żgħir taʼ dawk magħżulin lura f’dak iż-​żmien kif aġixxa fuq il-​parir taʼ Ġesù? Billi telqu mil-​Lhudija u ħarbu lejn l-​għoljiet fuq in-​naħa l-​oħra tal-​Ġordan, huma wrew li ma kienu ebda parti mis-​sistema Lhudija, politikament jew reliġjożament. Huma telqu l-​għelieqi u d-​djar, u lanqas saħansitra ma ħadu l-​affarijiet minn ġo djarhom. Fiduċjużi mill-​protezzjoni u l-​appoġġ taʼ Jehovah, huma poġġew il-​qima tiegħu qabel kull ħaġa oħra li setgħet tidher importanti.—Mark 10:29, 30; Luqa 9:57-62.

      21. Liema ħaġa m’għandniex nistennew meta tattakka l-​“profanazzjoni”?

      21 Ikkunsidra, issa, it-​twettiq akbar. Aħna ilna għal ħafna għexur taʼ snin inħeġġu lin-​nies biex joħorġu mir-​reliġjon falza u jibdew jipprattikaw il-​qima vera. (Apokalissi 18:4, 5) Ħafna miljuni hekk għamlu. Il-​profezija taʼ Ġesù ma tindikax li ladarba tkun faqqgħet it-​tribulazzjoni l-​kbira, se jkun hemm mases taʼ nies li se jduru għall-​qima pura; ċertament li ma kien hemm ebda konverżjoni tal-​massa taʼ Lhud fis-​sena 66 E.K. Madankollu, il-​Kristjani veri se jkollhom inċentiva kbira biex japplikaw it-​twissija taʼ Ġesù u jaħarbu.

      22. X’jistaʼ jkun involut f’li napplikaw il-​parir taʼ Ġesù biex naħarbu lejn l-​għoljiet?

      22 Fil-​preżent ma jistax ikollna d-​dettalji kollha dwar it-​tribulazzjoni l-​kbira, imma nistgħu nikkonkludu b’mod loġiku li għalina l-​ħarba li Ġesù tkellem dwarha m’hijiex se tkun f’sens ġeografiku. In-​nies t’Alla diġà qegħdin mal-​globu kollu, tistaʼ tgħid f’kull rokna tiegħu. Nistgħu nkunu żguri, iżda, li meta jkun hemm bżonn li jaħarbu, il-​Kristjani se jkollhom ikomplu jżommu distinzjoni ċara bejnhom u bejn l-​organizzazzjonijiet reliġjużi foloz. Huwa sinjifikanti wkoll li Ġesù wissa dwar li ma mmorrux lura lejn darna biex inġibu ħwejjeġ jew affarijiet oħrajn. (Mattew 24:17, 18) Mela għandu mnejn ikun hemm provi iktar ’il quddiem li jinvolvu kif aħna nqisu l-​affarijiet materjali; huma dawn l-​iktar ħaġa importanti, jew hija iktar importanti s-​salvazzjoni li se tiġi għal kulmin qiegħed fuq in-​naħa t’Alla? Iva, li naħarbu jistaʼ jinvolvi xi tbatijiet u ċaħdiet. Irridu nkunu lesti li nagħmlu dak li jkun hemm bżonn, bħalma għamlu l-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu li kienu fl-​istess sitwazzjoni tagħna meta ħarbu mil-​Lhudija għall-​Perija, fuq in-​naħa l-​oħra tal-​Ġordan.

      23, 24. (a) Fejn biss se nsibu l-​protezzjoni? (b) Liema effett għandha jkollha fuqna t-​twissija taʼ Ġesù dwar ‘il-​profanazzjoni li qegħda fil-​post imqaddes’?

      23 Irridu nkunu ċerti li r-​refuġju tagħna jkompli jkun Jehovah u l-​organizzazzjoni bħal muntanja tiegħu. (2 Samwel 22:2, 3; Salm 18:3 [Salm 18:2, NW]; Danjel 2:35, 44) Huwa hawn li se nsibu l-​protezzjoni! Aħna mhux se nimitaw lill-​mases taʼ bnedmin li se jaħarbu lejn l-​“għerien” u jistaħbew “qalb il-​blat tal-​muntanji”​—l-​organizzazzjonijiet u l-​istituzzjonijiet umani li għandhom mnejn jibqgħu għal perijodu qasir ħafna wara li Babilonja l-​Kbira tintgħamel ħerba. (Apokalissi 6:15; 18:9-11) Veru, iż-​żminijiet għandhom mnejn isiru iktar diffiċli​—bħalma żgur li kienu fis-​sena 66 E.K. għan-​nisa tqal li ħarbu mil-​Lhudija jew għal kulmin kellu jivvjaġġa f’temp kiesaħ u bix-​xita. Imma nistgħu nibqgħu ċerti li Alla se jagħmel is-​sopravivenza possibbli. Ejja saħansitra issa nkomplu nsaħħu l-​mod kif aħna nistrieħu fuq Jehovah u fuq Ibnu, li issa qed isaltan bħala Sultan tas-​Saltna.

      24 M’hemm ebda raġuni għala aħna għandna ngħixu fil-​biżaʼ minħabba dak li se jiġri. Ġesù ma riedx li d-​dixxipli tiegħu jkunu beżgħanin lura f’dak iż-​żmien, u ma jridx li aħna noqogħdu nibżgħu, la issa u lanqas fil-​jiem li ġejjin. Hu wissiena minn qabel sabiex inkunu nistgħu nippreparaw qalbna u moħħna. Wara kollox, il-​Kristjani ubbidjenti m’humiex se jiġu kkastigati meta tiġi l-​qerda fuq ir-​reliġjon falza u l-​bqija taʼ din is-​sistema mill-​agħar. Huma se juru dixxerniment u jagħtu kas it-​twissija dwar ‘il-​profanazzjoni fil-​post imqaddes.’ U se jaġixxu b’mod deċiżiv fuq il-​fidi tagħhom li ma titħarrikx. Jalla qatt ma ninsew dak li Ġesù wiegħed: “Min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-​aħħar, dan isalva.”—Mark 13:13.

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja