In-Nuqqas Tal-Preżenza Tiegħek Jinħass!
1 Minn żmien għal żmien, għandna mnejn nonqsu li nattendu għal xi waħda jew iktar mil-laqgħat tal-kongregazzjoni, u nħossuna li ‘ħadd m’hu se jħoss in-nuqqas tiegħi; lanqas biss se jindunaw li m’iniex hemm.’ Dan m’huwiex minnu! Bħal kwalunkwe membru tal-ġisem fiżiku tagħna, kull wieħed u waħda minna għandna rwol vitali fil-funzjonament tal-kongregazzjoni. (1 Kor. 12:12) L-assenza tagħna minn xi laqgħa tal-ġimgħa tistaʼ teffettwa l-benesseri spiritwali t’oħrajn li jattendu. Jekk m’intix hemm, ibqaʼ ċert—in-nuqqas tal-preżenza tiegħek jinħass!
2 L-Irwol Vitali Li Għandek: Pawlu kien imxennaq biex jissieħeb maʼ ħutu. Rumani 1:11, 12 jispjega għala: “Nixtieq . . . naqsam magħkom id-doni spiritwali . . . jiġifieri nqawwu lil xulxin permezz tal-fidi li għandna, jien lilkom u intom lili.” Bl-istess mod, bil-kummenti tagħna, bis-sehem tagħna fil-laqgħa, u bl-istess preżenza tagħna, aħna nagħmlu ħafna biex nibnu lil xulxin ħalli nkomplu mexjin bil-fedeltà.—1 Tess. 5:11.
3 Ma tħarisx int ’il quddiem biex tara lil oħrajn fil-laqgħat tal-kongregazzjoni? Int tagħti widen b’attenzjoni għall-kummenti tagħhom u tapprezza l-espressjonijiet tagħhom taʼ fidi. Id-doni spiritwali tagħhom jagħmlulek tajjeb għax jibnuk. Li kieku huma ma kinux preżenti għal-laqgħa, kont tħossok li hemm xi ħaġa importanti nieqsa. Ħutek irġiel u nisa jħossuhom l-istess dwarek jekk int ma tkunx preżenti.
4 L-Irwol Vitali Li Għandhom Il-Laqgħat: Darba The Watchtower ikkummenta dwar kemm huma vitali l-laqgħat għas-sopravivenza spiritwali tagħna, billi qal: “F’din id-dinja mimlija konflitti u immoralità, il-kongregazzjoni Kristjana hija tabilħaqq kenn spiritwali . . . , menqa taʼ paċi u mħabba. Għalhekk, attendi regolarment il-laqgħat kollha tagħha.” (w93 8/15 11) Kuljum, aħna nħabbtu wiċċna maʼ sitwazzjonijiet li jaħilbuna spiritwalment. Jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu tant nintilfu fuq l-ansjetajiet tagħna nfusna li forsi ninsew x’inhuma l-ħwejjeġ spiritwali li huma l-iktar importanti. Ilkoll kemm aħna niddependu minn xulxin għall-inkuraġġiment li neħtieġu sabiex nibqgħu magħqudin u żelużi fis-servizz t’Alla.—Lhud 10:24, 25.
5 L-attendenza tagħna għal-laqgħat hija vitali. Xi kultant il-mard jew xi affarijiet li jistgħu jinqalgħu għandhom mnejn iżommuna lura milli nattendu. Altrimenti, ejjew inkunu determinati li dejjem niġu magħduda mal-ġemgħat li jfaħħru lil Jehovah flimkien!—Salm 26:12.