Ibni Ħajtek Madwar is-Servizz taʼ Jehovah
1 Ġesù xebbah lis-semmiegħa tiegħu maʼ żewġ tipi taʼ bennejja. Wieħed bena l-mod taʼ ħajja tiegħu fuq il-blat t’ubbidjenza lejn Kristu u kien kapaċi jiflaħ għall-maltemp t’oppożizzjoni u tribulazzjoni. L-ieħor bena fuq ir-ramel taʼ diżubbidjenza egoista u ma kienx kapaċi jieqaf sod meta ġiet il-pressjoni. (Mt. 7:24-27) Billi qegħdin ngħixu f’din il-konklużjoni tas-sistema t’affarijiet, aħna nġarrbu ħafna maltempati t’avversità. Fuq ix-xefaq, is-sħab mudlam tat-tribulazzjoni l-kbira qed jinġabar bil-ħeffa. Se nibqgħu nissaportu sa l-aħħar bil-fidi tagħna mhix mittiefsa? (Mt. 24:3, 13, 21) Dan jiddependi ħafna minn kif qed nibnu ħajjitna issa. B’hekk, huwa urġenti li nsaqsu lilna nfusna, ‘Qiegħed jien nibni l-ħajja Kristjana tiegħi madwar is-servizz ubbidjenti lejn Alla?’
2 X’ifisser li nibnu ħajjitna madwar is-servizz taʼ Jehovah? Ifisser li nagħmlu lil Jehovah sewwa sew iċ-ċentru taʼ ħajjitna. Dan jinvolvi li niffokaw fuq is-Saltna bħala t-tħassib prinċipali tagħna. Jinkludi l-ubbidjenza lejn Alla fl-attivitajiet kollha tal-ħajja tagħna taʼ kuljum. Jirrikjedi li l-istudju tal-Bibbja persunali, tal-familja, u tal-kongregazzjoni u l-ministeru tagħna taʼ l-għalqa nwettquhom b’qalb sħiħa, billi nagħmluhom il-prijoritajiet tagħna. (Koħ. 12:13; Mt. 6:33) Korsa ubbidjenti bħal din tirriżulta f’fidi soda daqs il-blat li m’hijiex se tiġġarraf meta tiġi wiċċ imbwiċċ maʼ xi maltempati t’avversità li għandhom mnejn jolqtuna.
3 Huwa pjaċevoli li tara miljuni taʼ nies li b’fiduċja qed jibnu ħajjithom u tamiethom għall-futur madwar is-servizz lejn Alla, saħansitra bħalma għamel Ġesù. (Ġw. 4:34) Huma jżommu mill-qrib maʼ skeda konsistenti t’attivitajiet teokratiċi u bħala riżultat igawdu barkiet għonja. Waħda omm spjegat kif hi u żewġha rnexxielhom irabbu liż-żewġ ulied subjien tagħhom biex jaqdu lil Jehovah: “Imlejna ħajjitna bil-verità—billi morna għall-konvenzjonijiet kollha, ippreparajna u attendejna għal-laqgħat kollha, u billi għamilna s-servizz taʼ l-għalqa parti regulari minn ħajjitna.” Żewġha żied: “Il-verità m’hijiex parti minn ħajjitna, hija ħajjitna. L-affarijiet l-oħrajn iduru madwarha.” Poġġejt int bl-istess mod is-servizz taʼ Jehovah bħala l-prijorità ewlenija fil-familja tiegħek?
4 Organizza Skeda Prattika taʼ kull Ġimgħa: L-organizzazzjoni taʼ Jehovah tgħinna nsegwu rutina spiritwali tajba permezz taʼ l-arranġament taʼ ħames laqgħat fil-ġimgħa. Il-Kristjani li qed jibnu ħajjithom madwar il-qima taʼ Jehovah jirranġaw l-affarijiet tagħhom kemm sekulari u kemm tal-familja b’tali mod li jkunu jistgħu jattendu għal dawn il-laqgħat vitali kollha. Ma jħallux lil kwistjonijiet t’inqas importanza jfixklu l-attendenza regulari tagħhom.—Flp. 1:10; Lhud 10:25.
5 Kristjani maturi jirrikonoxxu li daqskemm huma importanti ikliet regulari f’ċerti ħinijiet tal-ġurnata, daqstant ieħor huwa vitali li ssir skeda definita għal studju persunali u tal-familja, inkluż il-preparazzjoni għal-laqgħat. (Mt. 4:4) Tistaʼ twarrab għall-inqas kwarta jew għoxrin minuta kull ġurnata għall-istudju persunali? Is-soluzzjoni hi li ma tħallix affarijiet oħrajn jiħdulek mill-ħin imwarrab għall-istudju. Ħudha drawwa li tagħmel din il-ħaġa siewja. Dan jistaʼ jirrikjedi li kull fil-għodu tqum iktar kmieni milli qed tqum issa. Mad-dinja kollha, is-17,000 membru tal-familja Betel iqumu kmieni fil-għodu biex jiddiskutu t-test tal-jum. M’għandniex xi ngħidu, biex tqum kmieni fil-għodu jirrikjedi li bil-lejl tmur torqod f’ħin raġunevoli sabiex tibda l-ġurnata taʼ wara b’saħħtek u mhux għajjien.
6 Jekk int kap taʼ familja, ħu l-inizjattiva biex tippjana u torganizza l-iskeda t’attività teokratika tal-familja tiegħek. Xi familji jaqraw il-Bibbja, il-Yearbook, jew xi pubblikazzjoni oħra flimkien hekk kif ikunu qed jirrilassaw wara l-ikla taʼ fil-għaxija. Ħafna ġenituri li raw lil uliedhom jikbru u jsiru Kristjani b’saħħithom spiritwalment jgħidu li fattur wieħed li kkontribwixxa għas-suċċess tagħhom kien id-drawwa tal-familja li jwarrbu lejla waħda kull ġimgħa li matulha kienu jgawdu ħin spiritwali bnin flimkien. Missier bħal dan qal: “Inħoss li l-iżvilupp spiritwali t’uliedna kien dovut fil-biċċa l-kbira għall-istudju tal-familja regulari kull nhar t’Erbgħa fil-għaxija, li nbeda xi 30 sena ilu.” It-tlett itfal tiegħu tgħammdu t’età żgħira, u iktar tard it-tlieta li huma daħlu fil-ministeru full-time. Flimkien maʼ l-istudju tal-familja, jistgħu jsiru provi taʼ preżentazzjonijiet fis-servizz taʼ l-għalqa jew taʼ partijiet fil-laqgħa, u jistgħu jitgawdew flimkien attivitajiet bnien oħrajn.
7 Fl-iskeda tiegħek taʼ kull ġimgħa, ‘xtrajt int il-ħin opportun’ għall-ippridkar tas-Saltna? (Kol. 4:5, NW) Il-biċċa l-kbira tagħna għandna ħajjiet mgħaġġlin, billi għandna responsabbiltajiet tal-familja u tal-kongregazzjoni x’nieħdu ħsieb. Jekk ma nagħmlux arranġamenti definiti biex nieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar u taʼ tagħlim kull ġimgħa, se jkun faċli ħafna li affarijiet oħrajn ma jħallux wisaʼ għal din l-attività vitali. Sid taʼ razzett kbir tal-baqar qal: “Madwar l-1944 irrealizzajt li l-uniku mod li bih stajt immur fuq is-servizz kien li nippjana ġurnata partikulari għalih fil-ġimgħa. Sal-lum għadni nieħu ġurnata franka matul il-ġimgħa għas-servizz.” Wieħed anzjan Kristjan isib li bis-saħħa taʼ skeda definita għall-għoti taʼ xiehda jkun jistaʼ jagħmel medja taʼ 15-il siegħa fix-xahar fl-attività taʼ l-ippridkar. Jekk is-Sibt ikollu xi negozju sekulari, hu jippjanah għal wara s-servizz taʼ l-għalqa taʼ fil-għodu. Tistgħu int u l-familja tiegħek tippjanaw minn taʼ l-inqas ġurnata waħda fil-ġimgħa għas-servizz taʼ l-għalqa, billi tagħmluh parti mill-mod taʼ ħajja spiritwali tagħkom?—Flp. 3:16.
8 Għarbel ir-Rutina Tiegħek tal-Ħajja: Hemm xi affarijiet li jaħdmu kontra li nibnu ħajjitna madwar is-servizz taʼ Jehovah. Ċirkustanzi mhux mistennijin jistgħu jfixklu l-iskeda tagħna ppjanata bir-reqqa għall-istudju, għal-laqgħat, u għas-servizz. U l-Avversarju tagħna, Satana, se jagħmel kulma jistaʼ biex ‘ifixkilna’ u jħassrilna l-pjanijiet. (1 Tess. 2:18; Efes. 6:12, 13) Tħallix lil dawn l-ostakli jiskuraġġuk, u b’hekk taqtaʼ qalbek. Agħmel l-aġġustamenti kollha meħtiġin biex twettaq l-attività teokratika li għandek ippjanata. Id-determinazzjoni u l-persistenza huma bżonnjużi biex twettaq dak li hu verament taʼ siwi.
9 M’għandniex inħallu l-influwenzi dinjin u l-ġibda degradanti tal-ġisem imperfett tagħna jintroduċu attivitajiet mhux spiritwali li jistgħu jibdew jieħdu iktar u iktar mill-ħin u l-attenzjoni tagħna. Jinħtieġ li ngħarblu lilna nfusna, billi nsaqsu mistoqsijiet bħal dawn: ‘Bdiet il-korsa taʼ ħajti ssir bil-mod il-mod żbilanċjata jew mhix iffokata sew, biex ngħidu hekk? Bdejt jien nibni ħajti madwar affarijiet f’din id-dinja li qed jgħaddu? (1 Ġw. 2:15-17) Kemm inqattaʼ ħin f’ġiri wara affarijiet materjali, ivvjaġġar għall-gost, attivitajiet sportivi, jew divertiment ieħor—inkluż li noqgħod nara t-televixin jew inqalleb fl-Internet—meta nqabblu mal-ħin li nqattaʼ f’attivitajiet spiritwali?’
10 Jekk qed tħoss li ħajtek saret imburġata b’iktar u iktar attivitajiet mhux essenzjali, x’għandu jsir? Għala ma tissupplikax lil Jehovah għall-għajnuna biex għal darb’oħra tiċċentra ruħek fuq is-servizz tiegħu, sewwa sew bħalma Pawlu talab li ħutu jkunu “aġġustati mill-ġdid,” u “miġjubin fil-linja xierqa”? (2 Kor. 13:9, 11, NW, ntt.) Imbagħad kun determinat li tgħix fi qbil mad-deċiżjoni tiegħek u tagħmel l-aġġustamenti meħtiġin. (1 Kor. 9:26, 27) Jehovah se jgħinek tevita li ddur lejn il-lemin jew lejn ix-xellug mis-servizz ubbidjenti lejh.—Qabbel Isaija 30:20, 21.
11 Ibqaʼ Ħabrieki fis-Servizz Ferrieħi t’Alla: Miljuni taʼ nies ifittxu disperatament l-hena biex imbagħad jiskopru li hekk kif joqrob it-tmiem tal-ħajja, l-affarijiet materjali li jkunu ġrew warajhom bil-ħerqa ma ġabulhomx hena dejjiem. Kien “ġiri wara r-riħ.” (Koħ. 2:11) Mill-banda l-oħra, meta nżommu ħajjitna ċċentrata fuq Jehovah, billi ‘nżommuh dejjem quddiemna,’ nesperjenzaw sodisfazzjon kbir. (Salm 16:8, 11) Dan huwa minnu għaliex Jehovah huwa r-raġuni propja għall-eżistenza tagħna. (Apk. 4:11) Mingħajru, il-Wieħed Grandjuż li għandu skop, il-ħajja tkun bla sens. Is-servizz lejn Jehovah jimla lil ħajjitna b’attività siewja, li fiha skop, u li hija taʼ benefiċċju għalina kif ukoll għal ħaddieħor għal dejjem, iva, għal dejjem taʼ dejjem.
12 Huwa importanti li ma nsirux indifferenti u nitilfu s-sens t’urġenza tagħna rigward it-tmiem tad-dinja taʼ Satana li riesaq bil-ħeffa. Il-mod t’għajxien tagħna taʼ kuljum huwa influwenzat mill-ħarsa tagħna lejn il-futur. In-nies fi żmien Noè, li m’emmnux li kien se jkun hemm dilluvju globali, “b’xejn ma nteb[ħ]u,” billi ċċentraw il-ħajja tagħhom taʼ kuljum fuq ġiri wara affarijiet persunali—l-ikel, ix-xorb, u ż-żwieġ—sakemm id-dilluvju “ġarr lil kulħadd.” (Mt. 24:37-39) Illum, dawk li jiċċentraw ħajjithom fuq din id-dinja se jaraw li l-prospetti tagħhom għall-futur se jitmermru quddiemhom fl-akbar qerda li l-bniedem qatt ġarrab, ‘il-jum t’Alla.’—2 Pt. 3:10-12.
13 Mela, kompli ibni ħajtek madwar Alla l-ħaj, Jehovah, u li tagħmel ir-rieda tiegħu. M’hemm l-ebda investiment li tistaʼ tagħmel f’din il-ħajja, li hu appoġġat minn xi ħadd taʼ min jafdah bħal Jehovah. Hu ma jistax jigdeb—hu se jwettaq il-wegħdi tiegħu. (Titu 1:2) Ma jistax imut—xejn minn dak li taħżen maʼ Jehovah m’hu mitluf. (Ħab. 1:12; 2 Tim. 1:12) Il-ħajja t’ubbidjenza u fidi li qed nibnu issa hija biss il-bidu taʼ ħajja li se ddum għall-eternità fis-servizz ferrieħi t’Alla tagħna li hu hieni!—1 Tim. 1:11; 6:19.
[Kumment f’paġna 3]
“Il-verità m’hijiex
parti minn ħajjitna, hija ħajjitna. L-affarijiet l-oħrajn iduru madwarha.”