L-Ippridkar Jagħmilna Differenti
1 Ħafna nies jistaqsu, “X’inhu dak li jagħmel lix-Xhieda taʼ Jehovah differenti minn reliġjonijiet oħrajn?” Kieku int kif twieġeb? Int tistaʼ tispjega xi ftit mit-twemmin tagħna bbażat fuq il-Bibbja. Imma ġiek ukoll f’moħħok li tgħidilhom dwar kemm il-ministeru pubbliku tagħna jagħmilna differenti minn reliġjonijiet oħrajn?—Mt. 24:14; 28:19, 20.
2 Illum, ftit huma n-nies reliġjużi li jħossuhom imqanqlin biex jaqsmu t-twemmin tagħhom m’oħrajn. Forsi jaħsbu li hu biżżejjed li tobdi l-liġijiet taʼ Ċesari, li jkollok ħajja moralment diċenti, jew li tagħmel opri tajba lil oħrajn. Madankollu, huma ma jħossu l-ebda obbligu biex jgħinu lil oħrajn jitgħallmu dak li tgħid il-Bibbja dwar kif wieħed jistaʼ jikseb is-salvazzjoni. Aħna kif nidhru differenti?
3 Il-ministeru żeluż tagħna jagħmel kuntrast kbir ħdejn l-attivitajiet taʼ reliġjonijiet oħrajn. Għal iktar minn 100 sena, ix-Xhieda taʼ żmienna ppridkaw b’mod diliġenti l-aħbar tajba sa truf l-art, l-istess bħalma għamlu l-Kristjani bikrin. L-objettiv tagħna f’li nagħmlu dan hu biex ngħinu kemm jistaʼ jkun nies iġibu ħajjithom fi qbil mar-rieda t’Alla.—1 Tim. 2:4; 2 Pt. 3:9.
4 X’Inhi r-Reputazzjoni Tiegħek? Magħruf int bħala predikatur żeluż tal-Kelma t’Alla? (Atti 17:2, 3; 18:25) Minħabba l-attività tiegħek taʼ l-ippridkar, jaraw il-ġirien tiegħek mingħajr diffikultà d-differenza bejn ir-reliġjon tagħhom u tiegħek? Magħruf int bħala wieħed li hu ħerqan li jaqsam it-tama tiegħu m’oħrajn? Għandek rutina regulari biex tipparteċipa fil-ministeru? Ftakar li aħna niddistingwu lilna nfusna mhux biss b’isimna imma wkoll billi nagħmlu dak li l-isem jiddeskrivi—li nxandru dwar Jehovah.—Is. 43:10.
5 L-imħabba għal Alla u għal ġarna tqanqalna biex nieħdu sehem fl-attività taʼ l-ippridkar. (Mt. 22:37-39) Għal din ir-raġuni aħna, bħal Ġesù u l-appostli tiegħu, irridu nieħdu vantaġġ minn kull opportunità biex naqsmu l-messaġġ tas-Saltna m’oħrajn. Jalla nkomplu nippridkaw l-aħbar tajba b’mod żeluż lil dawk li huma lesti li jisimgħu. Billi nagħmlu dan se ngħinu lil uħud taʼ qalb onesta biex ‘jagħrfu jagħżlu bejn . . . min jaqdi ’l Alla u min ma jaqdihx.’—Mal. 3:18.