Min Għandu Mnejn Jaċċetta Studju tal-Bibbja?
1 Il-profeta Għamos iddikjara li kien se jkun hemm il-ġuħ fl-art taʼ Iżrael, “mhux il-ġuħ tal-ħobż, lanqas l-għatx għall-ilma, iżda għas-smigħ tal-Kelma tal-Mulej.” (Għam. 8:11) Għall-benefiċċju taʼ dawk li huma bil-ġuħ u bl-għatx spiritwalment, l-organizzazzjoni taʼ Jehovah qed tqassam ammont enormi taʼ letteratura Biblika mad-dinja kollha.
2 S’issa, stampajna 70 miljun kopja tal-ktieb Għarfien u 91 miljun kopja tal-browxer X’Jirrikjedi. Hekk kif ngħallmu l-verità, aħna napprezzaw is-sempliċità u l-effettività taʼ dawn il-pubblikazzjonijiet. Madankollu, hemm letteralment għadd kbir taʼ nies li rċivew il-letteratura tagħna u li għadhom ma studjawx il-Bibbja magħna. X’nistgħu nagħmlu dwar dan?
3 Kull Letteratura li Nħallu Tfisser Studju Potenzjali! Ikkunsidra l-esperjenza taʼ pubblikatur li offra studju lil waħda mara l-ewwel darba li kellimha minn bieb għal bieb. Hi mill-ewwel aċċettat. Iktar tard hi qaltlu, “Int l-ewwel persuna li qatt offrietli biex tistudja l-Bibbja miegħi.” Fit-territorju tiegħek, kemm hemm nies li diġà għandhom il-letteratura tagħna u jistgħu jgħidu l-istess ħaġa? Kull letteratura li tħalli tipprovdi opportunità għal żjajjar lura u studju tal-Bibbja fid-dar.
4 Ladarba taʼ sikwit niltaqgħu maʼ nies li diġà għandhom il-pubblikazzjonijiet tagħna, kif nistgħu nqanqlu l-interess tagħhom biex jitgħallmu dak li hemm fil-letteratura tagħna? Waħda Xhud staqsiet direttament lill-inkwilina jekk kellhiex xi mistoqsijiet fuq il-Bibbja, u din qabdet u qaltilha, “Le.” L-oħt ippersistiet, “Żgur li għandek xi ftit.” Fil-fatt hekk kien, u nbeda studju. Għala ma tistaqsix lill-inkwilin jekk jixtieqx jitgħallem x’inhi l-ħarsa tal-Bibbja fuq xi mistoqsija jew kwistjoni li tinteressah? Kun preparat li tqajjem xi mistoqsija taʼ interess jekk ma jkunx jistaʼ jaħseb f’xi ħaġa hu. Diskussjonijiet bħal dawn jistgħu jħejju t-triq għal studju regulari taʼ veritajiet bażiċi mill-Bibbja.
5 L-attività taʼ studju tal-Bibbja hi l-qalba tal-ministeru tagħna. Ladarba qatt ma nkunu nafu min għandu mnejn jaċċetta studju, iżżommx lura milli toffri wieħed lil kulmin tiltaqaʼ miegħu. Ħu l-kwistjoni quddiem Jehovah fit-talb, u aħdem fi qbil mat-talb tiegħek. Għandek mnejn malajr issib li xi ħadd jaċċetta l-istudju li tkun offrejtlu!—1 Ġw. 5:14, 15.