Aħna Rridu Nkunu Għalliema, Mhux Sempliċement Predikaturi
1 Ġie osservat li “x-Xhieda taʼ Jehovah litteralment ksew l-art bil-għoti taʼ xiehda tagħhom.” Dan kif kien possibbli? Mhux bil-ħila jew bil-qawwa tal-bnedmin, imma bl-ispirtu t’Alla li jopera fuq il-qaddejja tiegħu hekk kif jagħmlu użu minn diversi provvedimenti biex iwettqu l-inkarigu tagħhom taʼ li jippridkaw u jgħallmu.—Żak. 4:6; Atti 1:8.
2 Il-karta stampata hija mezz effettiv taʼ kif inwettqu x-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar. Matul is-snin, ġew stampati u mqassmin mix-Xhieda taʼ Jehovah biljuni taʼ kotba, kotba żgħar, brochures, rivisti, u fuljetti sabiex jgħinu f’li tkun magħrufa l-aħbar tajba tas-Saltna. Rapporti fin-1997 Yearbook juru li l-produzzjoni tal-letteratura laħqet livelli straordinarji. Sal-ġurnata tal-lum, ġew stampati iktar minn 91 miljun kopja tan-New World Translation. F’sena waħda l-għadd taʼ rivisti tat-Torri Taʼ L-Għassa u taʼ Stenbaħ! stampati fl-Istati Uniti żdied b’7.1 fil-mija. Fil-Ġermanja, il-produzzjoni tar-rivisti żdiedet b’35 fil-mija. Iktar minn terz tar-rivisti stampati hemmhekk kienu bir-Russu.
3 Għala hemm bżonn taʼ daqshekk letteratura? Madwar id-dinja, kien hemm reazzjoni tremenda għall-inkuraġġiment li ġejna mogħtijin biex nagħtu xiehda kulfejn jistgħu jinstabu n-nies. Peress li ħafna iktar minna estendew ix-xogħol tagħhom taʼ l-għoti taʼ xiehda—f’postijiet pubbliċi, fit-toroq, u f’territorju tan-negozju—qegħdin jitħallew ammonti akbar taʼ letteratura maʼ nies li juru xi ftit taʼ l-interess. Ħafna minn dawn bil-kemm, jew forsi qatt qabel, ma kellhom l-opportunità li jisimgħu l-messaġġ tas-Saltna. Biex ilaħħqu maʼ din il-ħtieġa, il-kongregazzjonijiet iżommu ħażna taʼ varjetà taʼ pubblikazzjonijiet għall-użu fl-aspetti kollha tal-ministeru.
4 X’Inhi L-Mira Tagħna F’Li Nqassmu L-Letteratura? Il-mira tagħna m’hijiex biss li nħallu l-letteratura. L-inkarigu taʼ li nagħmlu dixxipli jinvolvi żewġ aspetti—li nippridkaw u li ngħallmu. L-ewwel, għandna l-privileġġ li nippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna, u nagħmlu lin-nies konxji li din hija l-unika tama għall-umanità. (Mt. 10:7; 24:14) Il-letteratura tagħna bbażata fuq il-Bibbja hija mezz effettiv li ġie pprovat biż-żmien taʼ kif jiġi stimulat l-interess u jingħata għarfien lil oħrajn dwar is-Saltna.
5 It-tieni, jekk irridu nagħmlu dixxipli, irridu ngħallmu l-affarijiet kollha li kkmanda Ġesù. (Mt. 11:1; 28:19, 20) Għal darb’oħra, il-letteratura għandha rwol importanti f’li nniżżlu l-verità ġewwa l-qlub taʼ l-istudenti, u b’hekk ngħinuhom isiru dixxipli.
6 Dawk li jaċċettaw xi letteratura jistgħu jkunu ‘semmiegħa tal-kelma,’ imma huwa diffiċli li se jsiru dawk li jagħmluha jekk jitħallew għal riħhom. (Ġak. 1:22-25) Ftit huma dawk li xi darba se jsiru dixxipli jekk ma jiggwidahomx xi ħadd. (Atti 8:30, 31) Dawn jeħtieġu għalliem biex jgħinhom jaraw kemm hija minnha l-verità misjuba fl-Iskrittura. (Atti 17:2, 3) Il-mira tagħna hi li ngħinuhom jimxu ’l quddiem sal-punt tad-dedikazzjoni u l-magħmudija u li nħarrġuhom biex isiru kwalifikati kif jixraq ħalli jgħallmu lil oħrajn.—2 Tim. 2:2.
7 L-Akbar Bżonn Huwa Għal Iktar Għalliema: Meta nippridkaw, niddikjaraw pubblikament l-aħbar tajba. Li ngħallmu, madankollu, jinvolvi li nistruwixxu lil xi ħadd progressivament. Fil-waqt li l-ippridkar jagħmel lil oħrajn konxji tal-messaġġ tas-Saltna, it-tagħlim jgħin individwi jaċċettaw l-aħbar tajba u jaġixxu fuqha. (Lq. 8:15) Għalliem jagħmel iktar milli jxandar; hu jispjega, jirraġuna b’argumenti tajbin, joffri l-provi, u jipperswadi.
8 Kemm jistaʼ jkun uħud minna għandhom ikunu għalliema, mhux sempliċement predikaturi. (Lhud 5:12a) Li nqassmu l-letteratura huwa parti vitali minn xogħolna, imma li nilħqu t-tieni objettiv tal-ministeru tagħna fl-aħħar mill-aħħar jiddependi minn dak li nagħmlu bħala għalliema. Għalkemm nistgħu nifirħu meta jirnexxilna nħallu xi letteratura, biex naqdu sewwa l-ministeru tagħna, m’għandniex inqisuha bħala l-mira finali tagħna meta nħallu xi ħaġa. (2 Tim. 4:5) Li nħallu l-letteratura huwa mezz effettiv taʼ kif niftħu t-triq għal opportunitajiet biex ngħallmu l-verità lil oħrajn.
9 Agħmel Żjajjar Lura Biex Tibda Studji Tal-Bibbja: Ilkoll kemm aħna x’aktarx li ħallejna għadd taʼ kotba, brochures, u rivisti, u bnejna lista taʼ żjajjar lura. Għandna nwarrbu ħin regulari biex immorru lura ħalli nqajmu l-interess. L-għan ewlieni tagħna f’li nirritornaw m’huwiex sempliċement li nħallu iktar letteratura imma li ninkuraġġixxu lin-nies ħalli jaqraw u jibbenefikaw minn dak li diġà għandhom. Kemm konna se nimxu ’l quddiem spiritwalment aħna nfusna li kieku ma ġiex xi ħadd darba wara l-oħra biex jgħinna niksbu għarfien eżatt?—Ġw. 17:3.
10 Ibni fuq kull interess li jintwera bl-iskop li tibda studju tal-Bibbja jew fil-brochure Alla X’Jirrikjedi Minna? jew fil-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Dawn iż-żewġ pubblikazzjonijiet jippreżentaw il-messaġġ tas-Saltna f’għamla li faċli biex tifhmu. Il-brochure X’Jirrikjedi fih kors taʼ studju komprensiv, billi jkopri t-tagħlim bażiku tal-Bibbja. Bil-ktieb Għarfien wieħed kapaċi jgħallem il-verità iktar fid-dettall, iżda b’mod sempliċi, ċar, u fil-qosor.
11 Il-programm simplifikat taʼ tagħlim, kif spjegat fl-insert taʼ Il-Ministeru Tas-Saltna taʼ Ġunju 1996, jagħmilha faċli għall-għalliem biex jistruwixxi u għall-istudent biex jitgħallem. Żomm kopja taʼ dik l-insert fejn tistaʼ ssibha sabiex tirrevedi metodi u tekniċi taʼ tagħlim li taw prova li huma effettivi. Xi ftit mis-suġġerimenti li tagħti jinvolvu kif turi interess ġenwin fl-istudent, kemm għandu jiġi mgħoddi materjal f’sessjoni waħda, kif tittratta mistoqsijiet li m’għandhomx x’jaqsmu mas-suġġett, kif kemm l-għalliem u kemm l-istudent jistgħu jippreparaw minn qabel għall-istudju, u kif tidderieġi lill-istudent lejn l-organizzazzjoni taʼ Jehovah. Billi jimxu fuq is-suġġerimenti, iktar uħud minna, inklużi dawk ġodda, se jkunu kapaċi jikkonduċu studji progressivi.
12 Rapporti Taʼ Suċċess Tajjeb Mill-Għalqa: Il-brochure X’Jirrikjedi u l-ktieb Għarfien taw prova li huma għajnuniet imprezzabbli f’li jitħaffef il-proċess taʼ li jsiru dixxipli. Malli rċieva l-brochure X’Jirrikjedi, ħu fil-Bolivja wżah minnufih biex jibda studju maʼ raġel. Erbaʼ xhur wara fil-konvenzjoni distrettwali, dan l-istudent kien fost dawk il-kandidati ferħanin għall-magħmudija!
13 Ħafna qegħdin jiġu mqanqlin li jiddedikaw ħajjithom lil Jehovah wara li jlestu l-istudju tagħhom fil-ktieb Għarfien. F’kongregazzjoni minnhom fl-Angola, l-għadd taʼ studji tal-Bibbja kondotti mill-pubblikaturi żdied minn 190 għal 260 u l-attendenza għal-laqgħat irdoppjat fin-numru minn 180 għal 360 f’erbaʼ xhur biss minn mindu beda jintuża l-ktieb Għarfien f’dawk l-inħawi. Ftit żmien wara dan, kellha tiġi fformata kongregazzjoni oħra.
14 Wara li beda l-ewwel studju tiegħu fil-ktieb Għarfien, wieħed ħu qal li biex tikkonduċih huwa “faċli jekk dak li jikkonduċi sempliċement jistaqsi l-mistoqsijiet, jaqra xi skritturi li japplikaw, u jkun ċert li l-istudent fehem.” Għalkemm kien dejjem jaħseb li pubblikaturi kwalifikati ħafna biss setgħu jikkonduċu studji tal-Bibbja progressivi u li hu qatt ma kien se jkun kapaċi, irrealizza li setaʼ, billi qal: “La kapaċi jien, kapaċi kulħadd.”
15 Huwa billi nikkonduċu studji tal-Bibbja bħala parti mill-ministeru tagħna li nwettqu l-objettiv taʼ li nagħmlu dixxipli. Dawk li żviluppaw l-abbiltà li jieħdu sehem f’dan l-aspett tal-ministeru jsibuh verament taʼ sodisfazzjon u premjanti bil-bosta. Jalla jintqal dwarna li aħna wkoll qegħdin ‘inxandru s-Saltna t’Alla u ngħallmu fuq il-Mulej Ġesù Kristu bil-kuraġġ u bla tfixkil.’—Atti 28:31.