Din Mhux Diġà Smajnieha?
1 Dażgur li smajnieha! Jehovah jirrepeti ħafna affarijiet fil-Kelma tiegħu għal benefiċċju tal-poplu tiegħu. Ġesù taʼ spiss irrepeta t-tagħlim tiegħu dwar diversi aspetti tas-Saltna. L-appostli tiegħu kienu jirrevedu kontinwament kwistjonijiet spiritwali maʼ dawk li kienu stabbiliti fis-sod fil-verità.—Rum. 15:15; 2 Pt. 1:12, 13; 3:1, 2.
2 Fi żmienna, l-organizzazzjoni taʼ Jehovah għamlet arranġamenti biex jiġu reveduti għal darba wara l-oħra suġġetti importanti fil-laqgħat tal-kongregazzjoni. Ċerti pubblikazzjonijiet ġew studjati ripetutament. Iva, huwa importanti li nisimgħu affarijiet li nkunu diġà smajniehom qabel!
3 Ir-Ripetizzjoni Tissodisfa Bżonn Vitali: It-tfakkiriet taʼ Jehovah jkabbru l-fehma tagħna, iwessgħu l-ħarsa tagħna, u jsaħħu d-determinazzjoni tagħna biex nibqgħu fil-korsa spiritwali. (Salm 119:129) Li nirrevedu l-livelli u l-prinċipji t’Alla huwa bħal meta nħarsu ġo mera. Dan jgħinna neżaminaw lilna nfusna u nirribattu t-tendenza li ‘nisimgħu biss u ninsew.’—Ġak. 1:22-25.
4 Jekk ma nibqgħux infakkru lilna nfusna dwar il-verità, affarijiet oħrajn se jinfluwenzaw lil qlubna. It-tfakkiriet t’Alla jsaħħuna biex nirreżistu l-influwenzi korrotti tad-dinja taʼ Satana. (Salm 119:2, 3, 99, 133; Flp. 3:1) It-tfakkiriet regulari li nirċievu rigward it-twettiq taʼ l-iskopijiet t’Alla jqanqluna biex ‘nishru.’ (Mk. 13:32-37) Ir-ripetizzjoni tal-veritajiet Skritturali jgħinuna nibqgħu fit-triq lejn il-ħajja taʼ dejjem.— Salm 119:144.
5 Kif Nibbenefikaw Personalment: Aħna rridu ‘niġbdu qalbna lejn il-preċetti t’Alla.’ (Salm 119:36) Meta jkun se jiġi kunsidrat xi suġġett familjari f’laqgħa tal-kongregazzjoni, għandna nippreparaw minn qabel, infittxu l-iskritturi ċitati, u nirriflettu fuq kif nistgħu napplikaw dak it-tagħrif. Ejja ma nħallux barra l-preparazzjoni tar-reviżjoni bil-miktub fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, billi naħsbu li din m’hijiex bżonnjuża. (Lq. 8:18) Qatt ma rridu nonqsu milli nkunu attenti, għar-raġuni li veritajiet bażiċi jiġu ripetuti taʼ spiss fil-laqgħat tagħna.—Lhud 5:11.
6 Jalla jkollna l-istess attitudni tas-salmista: “Nifraħ fit-triq tal-preċetti tiegħek, daqs kieku kelli l-għana kollu.” (Salm 119:14) Iva, aħna diġà smajniehom dawn l-affarijiet taʼ valur, u x’aktarx li se nerġgħu nisimgħuhom—għax Jehovah jaf li għandna bżonn nisimgħuhom!