Nistgħu Nagħmlu x-Xahar
t’April 2000 l-Aħjar Wieħed li qatt Kellna?
1 L-Erbgħa fil-għaxija, 19 t’April, se tkun l-iktar ġrajja taʼ interess speċjali fis-sena taʼ servizz tagħna. Dak in-nhar, hekk kif tibda nieżla x-xemx f’post wara l-ieħor madwar id-dinja, kull kongregazzjoni u grupp tax-Xhieda taʼ Jehovah mad-dinja kollha se jiċċelebraw il-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu. Ngħixu f’liema parti tad-dinja ngħixu, bil-ħinijiet differenti tagħna, li nikkommemoraw is-sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu se jkun l-iktar ġrajja taʼ interess speċjali tas-sena. Id-data tal-Mafkar hija mmarkata fix-xahar t’April fuq il-kalendarju tas-Soċjetà għas-sena 2000.
2 Ix-xahar sħiħ t’April jagħtina opportunità meraviljuża biex nuru b’qalbna kollha l-apprezzament tagħna għall-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Jehovah murija permezz tas-sagrifiċċju taʼ Ibnu. Kif? L-appostlu Pawlu kiteb: “L-imħabba taʼ Kristu ġġegħelna naħsbu dan; li wieħed miet għal kulħadd, mela kulħadd miet. U miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.” (2 Kor. 5:14, 15) Iva, matul April aħna nistgħu nuru li m’aħniex qed ngħixu għalina nfusna, imma għal dak li miet għalina, billi dan ix-xahar nagħmluh l-aħjar wieħed li qatt kellna bħala ministri tas-Saltna!
3 Iffirma biex Tkun Pijunier Awżiljarju f’April: L-appostlu Pawlu tana eżempju li jqanqlilna qlubna meta qal: “Jien lil ħajti xejn ma nqisha għażiża għalija jekk mhux biex intemm il-mixja tiegħi u l-ministeru li ħadt mingħand il-Mulej Ġesù, jiġifieri, li nagħti xhieda taʼ l-Evanġelju tal-grazzja taʼ Alla.” (Atti 20:24) Aħna għandna l-istess privileġġ li nagħtu xiehda tajba dwar Alla Jehovah. Minħabba f’hekk, nixtiequ nagħmlu x-xahar t’April l-aħjar wieħed li qatt kellna fl-attività taʼ pijunier awżiljarju!
4 Billi fih ħames Sibtijiet u Ħdud, April 2000 se jkun xahar eċċellenti għal ħafna biex ikunu pijunieri. Lura f’April taʼ l-1989, meta lħaqna l-ogħla quċċata li qatt kellna taʼ pijunieri awżiljarji, it-73 li pparteċipaw kienu jirrappreżentaw 19 fil-mija tat-total taʼ pubblikaturi. Għaxar snin wara, it-total taʼ pubblikaturi li rrapportaw f’April taʼ l-1999 żdied b’iktar minn 34 fil-mija. Dan ifisser li għandna potenzjal kbir biex naqbżu l-quċċata li qatt kellna taʼ pijunieri awżiljarji. Iżjed minn hekk, minn dak in-nhar ’l hawn il-ħtieġa tas-sigħat tnaqqset, u b’hekk dan l-aspett tas-servizz sar aċċessibbli għal ħafna iktar fil-kongregazzjoni. Kull pubblikatur mgħammed għandu jikkunsidra bit-talb jekk jistax ikun pijunier awżiljarju f’April li ġej.
5 Billi tuża x-xahar t’April fuq il-kalendarju tas-Soċjetà għas-sena 2000, ippjana l-iskeda tiegħek issa għax-xahar li ġej. Iddeċiedi f’liema ġranet se tkun tistaʼ tieħu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa, u għodd is-sigħat kollha li tħoss li tistaʼ tiddedika għall-attività taʼ l-ippridkar matul dan ix-xahar. Inkludi l-ħin li tistaʼ tqattaʼ f’li tagħti xiehda lil oħrajn kemm formali kif ukoll informali. It-total li ġiek joqrob lejn il-ħtieġa taʼ 50 siegħa għall-pijunieri awżiljarji? Jekk m’għandekx biżżejjed sigħat, tistaʼ tagħmel xi aġġustamenti oħra fl-iskeda tiegħek sabiex tixtri l-ħin biex tkun pijunier awżiljarju? Trid tikkalkula bejn wieħed u ieħor siegħa u 40 minuta kuljum biex tilħaq il-50 siegħa għal dan ix-xahar.
6 Issa li anki l-ħtieġa tas-sigħat tnaqqset wkoll għall-pijunieri regulari, ħsibt xejn jekk tistax tidħol fil-ministeru full-time? Għala toqgħod tistenna sas-sajf biex tibda? Issa li x-xitwa spiċċat, April jistaʼ jkun xahar mill-aħjar biex tibda! Jekk m’intix ċert dwar il-kapaċità tiegħek biex tilħaq il-ħtieġa taʼ 70 siegħa għall-pijunieri regulari, għax ma tagħmilx ix-xogħol taʼ pijunier awżiljarju f’April u tagħmilha mira li tagħmel 70 siegħa? Hekk kif tara li tistaʼ tagħmlu, tkun iktar inklinat li tapplika biex tingħaqad mal-grupp taʼ pijunieri regulari malajr kemm jistaʼ jkun.—Ara l-ktieb Our Ministry, paġni 113-14.
7 Ħu Sehem Sħiħ Bħala Pubblikatur taʼ l-Aħbar Tajba: Għalina lkoll, kemm il-pubblikaturi kif ukoll il-pijunieri, l-imħabba ġenwina għal Alla u għal ġarna tqanqalna biex nagħmlu b’ruħna kollha kulma nistgħu fis-servizz taʼ Jehovah skond iċ-ċirkustanzi persunali tagħna. (Lq. 10:27) B’hekk, aħna nuru li “nitħabtu u nitqabdu, għax it-tama tagħna hi f’Alla l-ħaj, li hu s-Salvatur tal-bnedmin kollha, l-aktar taʼ dawk li jemmnu.” (1 Tim. 4:10) Huwa għalhekk li aħna qed nistennew li naraw 100 fil-mija tal-parteċipazzjoni f’April, billi kulħadd jieħu sehem sħiħ fix-xogħol tas-Saltna.
8 Ejja ma ninsewx it-twissija taʼ Ġesù: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.” Eżatt wara li qal dan, Ġesù sejjaħ lit-12-il appostlu tiegħu u bagħathom jippridkaw. (Mt. 9:37, 38; 10:1, 5, 7) Madwar sena wara, meta t-12 kienu mrawmin fl-attività taʼ l-ippridkar, Ġesù “għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom,” billi tahom l-istess istruzzjonijiet: “Il-ħsad huwa kbir. . . . Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.” (Lq. 10:1, 2) Il-ktieb Bibliku taʼ Atti jirrapporta kif Jehovah wieġeb dak it-talb. Sa Pentekoste tat-33 E.K., l-għadd tad-dixxipli kiber għal madwar 120. Imbagħad, intlaħqet quċċata taʼ 3,000 dixxiplu u warajha eżatt dik taʼ 5,000 dixxiplu. (Atti 1:15; 2:41; 4:4) Wara dan, l-għadd taʼ dixxipli baqaʼ jiżdied. (Atti 6:7) Bl-istess mod, fiż-żmien preżenti, aħna rridu nibqgħu nitolbu lill-Imgħallem għal iktar predikaturi tas-Saltna! Fi qbil mat-talb tagħna, kull pubblikatur fil-kongregazzjoni għandu jagħmel arranġamenti definiti biex jipparteċipa fil-ministeru kull xahar.
9 Jekk jogħġbok agħti ħarsa mill-qrib lejn April fuq il-kalendarju tas-Soċjetà għas-sena 2000. Peress li l-ewwel jumejn tax-xahar huma s-Sibt u l-Ħadd, tistaʼ tagħmel pjanijiet biex tieħu sehem fis-servizz f’dak it-tmiem il-ġimgħa, billi tibda kmieni fix-xahar? Tistaʼ tappoġġa kull “Ġurnata tar-Rivisti” matul ix-xahar mal-grupp taʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni tiegħek? Xi ngħidu jekk tqattaʼ siegħa jew iktar kull nhar taʼ Ħadd fil-ministeru? Grazzi għall-fatt li l-ġurnata se titwal, se jdum iktar ma jidlam. Tistaʼ tirranġa biex tieħu sehem f’xi għoti taʼ xiehda fil-għaxija? U tinsiex biex tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet kollha li għandek biex tagħti xiehda informali fuq ix-xogħol, fl-iskola, jew waqt li tkun qed tagħmel xi attivitajiet oħrajn taʼ kuljum. Immarka l-ġranet li fihom tistaʼ tqattaʼ ftit ħin fil-ministeru, u uża l-kalendarju biex iżżomm rekord tal-ħin tiegħek fis-servizz għal dan ix-xahar.
10 April se jkun żmien opportun għal dawk kollha li huma kwalifikati u li ġew approvati mill-anzjani biex jibdew jaqdu bħala pubblikaturi mhux mgħammdin. Jekk qed tistudja l-Bibbja maʼ xi ħadd, ipprogressa biżżejjed biex ikun jistaʼ javviċina lill-indokratur li jippresiedi biex jitlob li jiġi kunsidrat bħala pubblikatur taʼ l-aħbar tajba? Jekk għandek tfal mhux mgħammdin, iddiskutejt il-progress spiritwali tagħhom maʼ l-anzjani? Ma jkunx dan żmien tajjeb għalihom biex jibdew jieħdu sehem fix-xogħol tax-xandir?—Ara l-ktieb Our Ministry, paġni 97-100.
11 Fl-isforz tagħna biex nagħmlu x-xahar t’April 2000 l-aħjar wieħed li qatt kellna, ilkoll kemm aħna għandna bżonn nieħdu sehem fil-ministeru u mbagħad nitfgħu r-rapport tagħna tas-servizz taʼ l-għalqa malli jispiċċa x-xahar. (Qabbel Mark 6:30.) Il-pubblikaturi ġodda mhux mgħammdin li jieħdu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa għall-ewwel darba għandhom jiġu inkuraġġiti biex jirrapportaw l-attività tagħhom fil-ħin. Billi nagħmlu l-parti tagħna, aħna nistgħu nagħtu kontribut mill-aħjar għar-rapport t’April u għall-għajta kbira taʼ tifħir li se tiġi offruta lil Jehovah permezz taʼ l-isforzi tagħna biex nagħtu xiehda.
12 Ġib lil Oħrajn Miegħek għall-Mafkar: Ma tkunx xi ħaġa kommoventi li naraw quċċata ġdida fl-attendenza għall-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu fl-2000? Iva! Dan ikun ifisser li iktar nies minn qatt qabel inġabru flimkien biex juru l-apprezzament tagħhom għall-akbar espressjonijiet taʼ mħabba li Alla Jehovah u Ġesù Kristu wrew għalina! (Ġw. 3:16; 15:13) Agħmel l-arranġamenti kollha meħtieġa sabiex xejn ma jtellef lilek u lill-familja tiegħek milli tattendu għall-Mafkar.
13 Issa huwa ż-żmien ukoll biex tibda tistieden lil oħrajn għall-Mafkar. Agħmel lista taʼ kulmin tixtieq li jattendi. Inkludi lil kulmin studja l-Bibbja fil-passat, dawk li qed jistudjaw issa, u ż-żjajjar lura kollha li għandek. Żid mal-lista tiegħek lil dawk kollha li taf fuq ix-xogħol, fl-iskola, u l-ġirien, kif ukoll lil dawk li għandek xi negozju magħhom. Tinsiex tinkludi lil oħrajn li taf u lill-qraba tiegħek. Wara li tlesti l-lista, ibda stieden personalment u bis-serjetà lil kull wieħed u waħda minnhom. Spjegalhom ċar meta u fejn se jinżamm il-Mafkar. Hekk kif id-19 t’April joqrob, lil dawk fil-lista erġaʼ fakkarhom, jew personalment jew bit-telefon. Offrilhom biex dakinhar jiġu miegħek għall-Mafkar.
14 Fi qbil mad-direzzjoni li diġà tat is-Soċjetà, il-ġemgħa taʼ l-anzjani se tagħmel sforz speċjali biex tinkuraġġixxi lill-pubblikaturi inattivi kollha fit-territorju biex jattendu għall-Mafkar. (Mt. 18:12-14) L-anzjani jkunu jridu jirrevedu l-ittra tas-Soċjetà tat-2 taʼ Frar, 1999. Is-segretarju tal-kongregazzjoni għandu jagħmel lista tal-pubblikaturi inattivi kollha, u l-indokratur tas-servizz jinkariga lill-anzjani biex iċemplulhom u jistidnuhom għall-Mafkar. Forsi billi jirċievu żjara pastorali inkuraġġanti malajr kemm jistaʼ jkun, dawn l-uħud inattivi jistgħu jiġu megħjunin biex jerġgħu jsiru attivi fil-ministeru taʼ l-għalqa, saħansitra matul April. Li jiġu mistidnin biex jieħdu sehem maʼ pubblikatur bl-esperjenza fis-servizz taʼ l-għalqa se jibnihom mill-ġdid.
15 Inkuraġġixxi Appoġġ Tajjeb għal April! Dan jirrikjedi koordinazzjoni tajba min-naħa taʼ l-anzjani, il-qaddejja ministerjali, u l-kapijiet tal-familji kollha biex nagħmlu x-xahar t’April 2000 l-aħjar wieħed li qatt kellna. L-anzjani se jkunu diliġenti f’li jkollhom kollox organizzat tajjeb u f’li jieħdu t-tmexxija. (Lhud 13:7) Hemm bżonn li jsiru arranġamenti prattiċi għal-laqgħat tas-servizz taʼ l-għalqa matul il-ġimgħa u fi tmiem il-ġimgħa. Laqgħat tas-servizz oħrajn jistgħu jiġu rranġati għall-attività tard wara nofs in-nhar u kmieni fil-għaxija. Skeda sħiħa taʼ dak kollu pjanat għal April għandha titwaħħal man-notice board. Għandu jiġi inkarigat xi ħadd biex jieħu ħsieb kull laqgħa tas-servizz li jkun hemm fl-iskeda. Għandu jiġi provdut biżżejjed territorju sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet taʼ kull grupp.
16 Matul April se jiġu offruti t-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! Fi sforz biex jinbdew studji tal-Bibbja fid-djar, għandu jiġi offrut il-browxer X’Jirrikjedi lil dawk kollha li juru interess. Għaldaqstant, għandhom jiġu provduti biżżejjed rivisti u browxers.
17 Fl-aħħar tax-xahar, dawk kollha li jikkonduċu l-istudju tal-ktieb u l-assistenti tagħhom iridu jinkuraġġixxu lil kull wieħed fil-grupp tagħhom biex jitfaʼ r-rapport tas-servizz eżatt kif jispiċċa x-xahar. Forsi dan jistaʼ saħansitra jsir il-Ħadd, 30 t’April. Imbagħad, meta s-segretarju jgħodd ir-rapporti, jekk jinnota li xi pubblikaturi ma jkunux għadhom tefgħuh, hu b’qalb tajba jkun jistaʼ jfakkarhom biex jitfgħuh qabel is-6 taʼ Mejju, meta jkun irid jibgħat ir-rapport tal-kongregazzjoni lis-Soċjetà. Hu jistaʼ jistaqsi lil dawk li jikkonduċu l-istudju tal-ktieb biex jgħinuh jikkuntattja lill-pubblikaturi individwali.
18 L-istaġun tal-Mafkar huwa l-iktar perijodu importanti tas-sena għall-poplu t’Alla. Għandu jkun żmien fejn ilkoll kemm aħna jkollna ħafna x’nagħmlu fis-servizz taʼ Jehovah. Dan se jkun hekk jekk kulħadd jieħu sehem bis-sħiħ kemm jistaʼ bħala pubblikatur taʼ l-aħbar tajba, u dawk li jistgħu, ikunu pijunieri awżiljarji. Se jkun hekk ukoll jekk aħna nagħmlu ħilitna f’li nġibu lil oħrajn magħna għall-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu. Ejja nitolbu bil-ħerqa għall-barka abbundanti taʼ Jehovah hekk kif inħabirku biex nagħmlu x-xahar t’April 2000 l-aħjar wieħed li qatt kellna, kollu għat-tifħir u l-glorja t’Alla!—Lhud 13:15.
[Kaxxa f’paġna 3]
Pijunieri Awżiljarji
L-Ogħla Quċċata li qatt Kellna: 73
(April 1989)
[Kaxxa f’paġna 4]
Total taʼ Pubblikaturi
L-Ogħla Quċċata li qatt Kellna: 552
(Mejju 1998)
[Kaxxa f’paġna 5]
Attendenza għall-Mafkar
L-Ogħla Quċċata li qatt Kellna: 901
(1999)