Tapprezzaha Int il-Paċenzja taʼ Jehovah?
1 Li kieku Jehovah ma kienx paċenzjuż għal dawn l-aħħar 10, 20 sena jew iktar, billi ppermetta li tingħata xiehda għal perijodu itwal taʼ żmien, kont int tkun fil-verità? Kemm aħna grati li ppermetta lil ħafna iktar nies ‘jersqu għall-indiema.’ Madankollu, il-jum il-kbir tal-ġudizzju taʼ Jehovah ġej “bħal ħalliel.” (2 Pt. 3:9, 10) Għaldaqstant, il-paċenzja t’Alla m’għandhiex tiġi interpretata ħażin bħala li hu se jdum ma jġib fi tmiem lil din is-sistema t’affarijiet.—Ħab. 2:3.
2 Tħassar lin-Nies: Is-sabar fit-tul taʼ Jehovah jisboq bil-wisq il-fehma tagħna. Ma rridux ninsew x’inhu l-iskop taʼ dan. (Ġona 4:1-4, 11) Jehovah jara l-kundizzjoni taʼ ħasra taʼ l-umanità u hu jagħdirha. Ġesù jħossu bl-istess mod. Billi tħassar lil dawk il-kotriet li kien jippridkalhom, hu ried li x-xogħol taʼ l-evanġelizzar jinfirex sabiex ħafna iktar ikollhom l-opportunità li jiksbu l-ħajja taʼ dejjem.—Mt. 9:35-38.
3 Meta jinqalgħu xi traġedji u diżastri, ma nitħassruhomx lil dawk in-nies li ma jafux bil-verità? Illum, in-nies huma bħal “nagħaġ bla ma għandhom ragħaj” hekk kif jipprovaw jifhmu u jkampaw mat-taħwid tad-dinja. (Mk. 6:34) Billi nippridkaw l-aħbar tajba b’żelu, aħna nfarrġu lil dawk li qalbhom hija inklinata għat-tajjeb u nkunu qed nuru l-apprezzament tagħna għall-paċenzja taʼ Jehovah.—Atti 13:48.
4 XogħolnaHuwaUrġenti: Is-sena l-oħra tgħammdu 323,439 ruħ u ’l fuq minn 14,000,000 attendew għall-Mafkar. X’possibbiltà hemm għal ħafna iktar biex jaħarbu mill-qerda taʼ din is-sistema mill-agħar! Kemm se tkun kbira l-“kotra l-kbira,” ma nafux. (Apk. 7:9) Kemm se jdum l-inkarigu tagħna biex nippridkaw, ma nafux. Imma Jehovah jaf. L-aħbar tajba se tiġi pridkata sakemm ikun sodisfatt hu, “imbagħad jiġi t-tmiem.”—Mt. 24:14.
5 Iż-żmien li baqaʼ qed jiqsar, u l-jum t’Alla huwa imminenti. (1 Kor. 7:29a; Lhud 10:37) Mingħajr ebda dubju, “is-salvazzjoni tagħna hi eqreb minn meta bdejna nemmnu.” (Rum. 13:11) Jalla ma nonqsux li nifhmu l-iskop tal-paċenzja divina. Minflok, ejja nippridkaw b’urġenza sabiex ħafna oħrajn li jixxennqu għat-tjieba jkunu jistgħu jesperjenzaw il-ħniena kbira taʼ Jehovah.