Il-Ministeru Kristjan—Ix-Xogħol Prinċipali Tagħna
1 Ilkoll kemm aħna għandna diversi tipi taʼ xogħol li rridu nagħmlu. Li nipprovdu għall-familja hija ħtieġa mingħand Alla. (1 Tim. 5:8) Madankollu, ix-xogħol involut f’dik il-ħtieġa mingħand Alla m’għandux ikun iktar importanti mix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli.—Mt. 24:14; 28:19, 20.
2 Ġesù ħallielna eżempju xi nsegwu biex infittxu “l-ewwel is-Saltna.” (Mt. 6:33; 1 Pt. 2:21) Għalkemm kellu ftit materjalment, kien konċentrat għalkollox fuq li jagħmel ir-rieda taʼ Missieru. (Lq. 4:43; 9:58; Ġw. 4:34) Hu tħabat biex jagħti xiehda f’kull opportunità. (Lq. 23:43; 1 Tim. 6:13) Hu ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex ikollhom l-istess interess qawwi fix-xogħol tal-ħsad.—Mt. 9:37, 38.
3 Nimitaw lil Ġesù Llum: Nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù billi nistinkaw ħalli ngħixu ħajja sempliċi li tiċċentra fuq il-ministeru Kristjan. Jekk għandna n-neċessitajiet tal-ħajja, ejja nagħtu kas il-parir tal-Bibbja biex ma nkomplux nakkwistaw iktar u iktar mill-ġid taʼ din id-dinja. (Mt. 6:19, 20; 1 Tim. 6:8) Kemm ikun aħjar li nfittxu li jkollna sehem akbar fix-xogħol taʼ l-ippridkar! Jekk niffaċċjaw ċirkustanzi diffiċli, jalla nitħabtu bħalma għamel Ġesù, u ma nħallux l-ansjetajiet tal-ħajja jsiru iktar importanti mix-xogħol prinċipali tagħna taʼ li niddikjaraw l-aħbar tajba tas-Saltna.—Lq. 8:14; 9:59-62.
4 Anki dawk b’ħafna responsabbiltajiet jagħtu l-prijorità lix-xogħol taʼ l-ippridkar. Ħu li għandu familja kbira, xogħol taʼ responsabbiltà, u jaqdi bħala anzjan fil-kongregazzjoni Kristjana jgħid: “Inħares lejn il-ministeru bħala l-karriera tiegħi.” Oħt pijuniera tgħid: “Ix-xogħol taʼ pijunier jiswa ħafna iktar minn karriera sekulari taʼ suċċess.”
5 Huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna, jalla nsegwu l-eżempju taʼ Ġesù. Kif? Billi nagħmlu l-ministeru Kristjan ix-xogħol prinċipali tagħna.