Qis Sewwa Kif Tuża l-Ħin Tiegħek
1. Illum liema sfida jiffaċċjaw in-nies kullimkien?
1 F’dan iż-żmien meta hawn ħafna apparat li jnaqqsilna l-ħin u x-xogħol, ħafna jsibu li donnhom għandhom ħafna iktar x’jagħmlu imma inqas ħin biex jagħmlu dan kollu. Int issibha taʼ sfida biex iżżomm rutina spiritwali tajba? Tixtieq li kellek iktar ħin għall-ministeru? Kif nistgħu nużaw il-ħin tagħna bl-aħjar mod?—Salm 90:12; Flp. 1:9-11.
2, 3. Liema sfida ġġib it-teknoloġija taʼ l-informazzjoni, u kull wieħed u waħda minna kif nistgħu neżaminaw iċ-ċirkustanzi persunali tagħna?
2 Identifika X’Inhuma l-Affarijiet li Jaħlulek il-Ħin: Kultant żmien ilkoll kemm aħna għandna neżaminaw kif nużaw il-ħin tagħna. Il-Bibbja tħeġġeġ: “Qisu sewwa kif iġġibu ruħkom, mhux bħal nies bla dehen, iżda bħal nies għorrief, li jgħożżu ż-żmien, għaliex ħżiena huma l-jiem.” (Efes. 5:15, 16) Ikkunsidra l-isfidi li hemm minħabba l-progress fit-teknoloġija taʼ l-informazzjoni. Fil-waqt li lkompjuters u l-apparat elettroniku ieħor għandhom użu validu, dawn jistgħu jsiru nassa jekk ma noqogħdux għassa għalkollox għal kif nużaw il-ħin tagħna.—1 Kor. 7:29, 31.
3 Kull wieħed u waħda minna għandu jistaqsi: ‘Inqattaʼ jien ħin kuljum naqra jew inwieġeb il-messaġġi taʼ l-E-mail li ma jkunux daqshekk importanti? Nagħmel jien spiss telefonati jew nibgħat messaġġi elettroniċi dwar affarijiet mhux daqshekk importanti? (1 Tim. 5:13) Noqgħod jien inqalleb fl-Internet mingħajr bżonn, jew noqgħod naqleb minn stazzjon għall-ieħor bla ebda skop meta nkun qed nara t-televixin? Qiegħed l-interess tiegħi fil-logħob elettroniku jisraqli mill-ħin li suppost nuża biex nistudja l-Kelma t’Alla?’ Ġiri wara affarijiet bħal dawn jistaʼ bla ma nindunaw jeqirdilna l-ispiritwalità tagħna.—Prov. 12:11.
4. X’aġġustament kellu jagħmel wieħed żagħżugħ, u għala?
4 Nużaw il-Ħin bil-Għaqal: L-apparat elettroniku għandu ttendenza li jisirqilna kemm il-ħin kif ukoll l-attenzjoni tagħna. Żagħżugħ li kien jilgħab ħafna l-logħob tal-kompjuter ammetta: “Xi drabi meta kont nilgħab il-logħob tal-kompjuter qabel ma kont noħroġ fil-ministeru jew qabel xi laqgħa Kristjana, kont insibha diffiċli ħafna biex nikkonċentra. Kważi dejjem kont nispiċċa naħseb dwar kif stajt nilgħab aħjar ċerta logħba malli nasal id-dar. L-istudju persunali u l-qari regulari tiegħi tal-Bibbja batew minħabba dan. Il-ferħ li naqdi lil Alla beda jbatti.” Minħabba li rrealizza li kellu jagħmel xi tibdil, hu ħassar il-logħob tal-kompjuter kollu li kellu. “Din kienet xi ħaġa tassew diffiċli,” jgħid hu. “Il-logħob tal-kompjuter kien tassew sar parti minni iktar milli kont ħsibt. Iżda esperjenzajt ukoll sens kbir taʼ rebħa għax kont naf li kont għamilt dan għall-ġid tiegħi stess.”—Mt. 5:29, 30.
5. Kif nistgħu nixtru l-ħin għall-affarijiet spiritwali, u kif nistgħu nibbenefikaw milli nagħmlu dan?
5 Jekk hemm bżonn li tirranġa f’xi affarijiet forsi jkollok bżonn tieħu xi deċiżjoni simili. Tistaʼ tixtri l-ħin, per eżempju nofs siegħa kuljum, minn attivitajiet inqas importanti? Dan huwa bejn wieħed u ieħor l-ammont taʼ ħin li jiħodlok biex taqra l-Bibbja kollha f’sena. Dan tassew jistaʼ jkun premjanti spiritwalment! (Salm 19:8-12 [19:7-11, NW];Salm 119:97-100) Iffissa ħinijiet speċifiċi biex taqra l-Bibbja, tipprepara għal-laqgħat u għall-ministeru taʼ l-għalqa. (1 Kor. 15:58) Il-fatt li tagħmel dan se jgħinek biex tikkontrolla l-attivitajiet li jaħlulek il-ħin tiegħek u se jgħinek ‘tfittex x’inhi r-rieda tal-Mulej.’—Efes. 5:17.