Jistgħu t-Tfal Tiegħek Jieħdu Deċiżjoni Matura?
1 Deċiżjoni matura dwar xiex? It-trasfużjonijiet tad-demm. Bħalma ntwera fl-artiklu “Imxi Kif Istruwit Minn Jehovah” fit-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Settembru, 1991, xi tfal tax-Xhieda taʼ Ġeħova kellhom jieħdu waqfa matura biex jagħtu prova li x-xewqa tagħhom li jobdu l-liġi t’Alla dwar id-demm hija importanti għalihom daqskemm hi għall-ġenituri tagħhom. Jistaʼ jkun li t-tifel jew it-tifla minorenni tiegħek ikollha tagħmel l-istess ħaġa?
2 Il-Liġi X’Tgħid? F’Malta u l-Britannja, il-Qrati taw permess lit-tobba biex jagħtu kwalunkwe kura medika li jkun hemm bżonn jekk huma jemmnu li hi neċessarja biex issalva l-ħajja tat-tifel jew it-tifla. Minkejja dan, l-awtoritajiet mediċi jaqblu li għandhom jisimgħu l-opinjoni tal-minorenni. L-Assoċjazzjoni Medika Britannika qalet hekk: “Bħal fil-każi kollha meta tiġi rifjutata kura, jekk il-pazjenti huma kompetenti, informati, u ċerti mid-deċiżjoni tagħhom li jirrifjutaw id-demm, hemm argumenti etiċi importanti biex id-deċiżjoni tiġi rispettata. . . . Meta jippermetti ż-żmien, għandu jkun hemm diskussjoni dettaljata mal-minorenni u l-familja tiegħu biex kulħadd ikun jistaʼ jifhem sew is-sitwazzjoni. . . . Ikun tajjeb jekk il-professjonisti tas-saħħa jiddiskutu s-sitwazzjoni mal-minorenni waħdu biex ikunu ċerti li saret deċiżjoni valida mingħajr ebda pressjoni.” F’ħafna każi, wara li t-tabib ikun semaʼ lill-minorenni jesprimi l-opinjoni persunali, ċara, u persważiva tiegħu, hu jaqbel li jagħmel l-operazzjoni serja u jagħżel li jagħmel l-almu tiegħu biex jevita li juża d-demm.
3 Kieku X’Jgħidu t-Tfal Tagħkom? Kapaċi t-tfal tiegħek jesprimu lilhom infushom dwar din il-kwistjoni? Jemmnu b’qalbhom kollha li huwa kmand divin biex ‘jitbiegħdu mid-demm’? (Atti 15:29; 21:25) Jistgħu jispjegaw it-twemmin tagħhom mill-Iskrittura? Ikunu huma lesti li jiddefendu b’kuraġġ id-deċiżjoni soda tagħhom dwar id-demm jekk it-tobba jkunu tal-fehma li ħajjithom qiegħda fil-periklu, anki jekk il-ġenituri tagħhom ma jkunux preżenti? Ladarba “f’kollox jidħol iż-żmien u ċ-ċirkustanzi,” kif tistaʼ tipprepara lil uliedek għal kwalunkwe sfida mhix mistennija taʼ l-integrità tagħhom?—Koħ. 9:11; Efes. 6:4.
4 Ġenituri, X’Tistgħu Tagħmlu? Intom għandkom ir-responsabbiltà li tgħallmu lil uliedkom dwar il-ħarsa t’Alla lejn id-demm. (2 Tim. 3:14, 15) Spjegazzjoni ċara tinsab fil-ktieb Reasoning, paġni 70-4. Studjaha bir-reqqa mal-familja tiegħek. Uża s-sezzjoni “If Someone Says—” (Jekk Xi Ħadd Jgħid—) f’paġni 74-6, u ikkonduċi sessjonijiet taʼ prattika maʼ wliedek biex tgħinhom jiksbu esperjenza dwar kif jispjegaw dak li jemmnu u għala. (1 Pt. 3:15) Provvedimenti oħra biex jedukawna dwar il-kwistjoni tad-demm jinkludu l-browxer Id-Demm Kif Jistaʼ Jsalvalek Ħajtek? u t-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Ġunju, 2004, paġni 14-24. Flimkien maʼ dan, il-programmi fuq vidjos Transfusion-Alternative Health Care—Meeting Patient Needs and Rights u No Blood—Medicine Meets the Challenge, li huma disponibbli fuq id-DVD intitolat Transfusion Alternatives—Documentary Series, jagħtu informazzjoni konvinċenti dwar kemm il-mediċina u l-kirurġija mingħajr demm huma raġunevoli u effettivi. Rajtu u ddiskutejtu dawn il-preżentazzjonijiet bħala familja reċentement?
5 Għin lil uliedek ‘jagħtu prova lilhom infushom dwar x’inhi r-rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla’ rigward id-demm. Imbagħad, huma jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni matura li jkollha l-barka taʼ Ġeħova.—Rum. 12:2.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
1. Liema waqfa ħadu xi żgħażagħ li huma Xhieda rigward l-użu tad-demm? Agħti eżempju.
2. Il-minorenni x’jistgħu jagħmlu biex jevitaw trasfużjoni tad-demm?
3. Liema mistoqsijiet għandhom il-ġenituri jikkunsidraw bis-serjetà, u għala?
4, 5. (a) Liema responsabbiltà għandhom il-ġenituri, u kif jistgħu jwettquha? (b) Liema provvedimenti huma disponibbli biex jgħinu lill-ġenituri?