Ilkoll Għandna X’Nagħtu lil Ġeħova
1 Kont taf li l-bnedmin jistgħu jagħtu xi ħaġa lil Alla? Abel offra xi wħud mill-annimali taʼ valur tiegħu bħala sagrifiċċju lil Ġeħova, u Noè u Ġob għamlu offerti simili. (Ġen. 4:4; 8:20; Ġob 1:5) M’għandniex xi ngħidu, dawn l-offerti m’għamlux lill-Ħallieq iktar għani, ladarba kollox huwa tiegħu diġà. Imma s-sagrifiċċji wrew l-imħabba profonda li kellhom dawn l-irġiel leali għal Alla. Illum, nistgħu nużaw il-ħin, l-enerġija, u r-riżorsi tagħna biex nagħtu “sagrifiċċju taʼ tifħir” lil Ġeħova.—Ebr. 13:15.
2 Il-Ħin: Kemm hu taʼ min ifaħħru lil dak li ‘juża’ l-ħin minn affarijiet taʼ inqas importanza biex jieħu sehem iktar bis-sħiħ fil-ministeru! (Efes. 5:15, 16) Forsi nistgħu naġġustaw l-iskeda tagħna sabiex nagħmlu s-servizz taʼ pijunier awżiljarju f’xahar jew iktar xhur matul is-sena. Forsi nistgħu nqattgħu iktar ħin mis-soltu fil-ministeru. Jekk nagħmlu 30 minuta iktar kull ġimgħa, il-ministeru tagħna se jiżdied minn taʼ l-inqas b’sagħtejn fix-xahar!
3 L-Enerġija: Sabiex ikollna l-enerġija għall-ministeru jirrikjedi li nevitaw rikreazzjoni u xogħol li jħalluna tant għajjenin li ma nkunux nistgħu nagħtu lil Ġeħova l-aħjar tagħna. Irridu wkoll inwarrbu ansjetajiet li jistgħu ‘jkiddu’ lil qalbna, u b’hekk jisirqulna l-enerġija li stajna nużaw f’li naqdu lil Alla. (Prov. 12:25) Anki jekk tassew għandna għalfejn inkunu inkwetati, kemm ikun aħjar li ‘nixħtu t-toqol tagħna fuq Ġeħova’!—Salm 55:22, New World Translation; Flp. 4:6, 7.
4 Ir-Riżorsi: Nistgħu wkoll nagħtu mir-riżorsi materjali tagħna biex nappoġġaw ix-xogħol taʼ l-ippridkar. Pawlu inkuraġġixxa lil sħabu l-Kristjani biex regolarment ‘iwarrbu xi ħaġa’ sabiex ikollhom x’jagħtu lil dawk fil-bżonn. (1 Kor. 16:1, 2) B’mod simili, forsi nkunu nistgħu nwarrbu xi ħaġa tal-flus biex nagħtuha bħala donazzjoni għall-bżonnijiet tal-kongregazzjoni lokali kif ukoll għax-xogħol taʼ madwar id-dinja. Ġeħova japprezza dak li nagħtu mill-qalb, anki jekk tkun xi ħaġa żgħira biss.—Lq. 21:1-4.
5 Ġeħova tana ħafna. (Ġak. 1:17) Aħna nuru l-apprezzament tagħna billi nagħtu b’mod ġeneruż mill-ħin, l-enerġija, u mir-riżorsi l-oħrajn tagħna biex naqduh. Dan jogħġob lil Ġeħova, “għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.”—2 Kor. 9:7.