Il-Preparazzjoni—Fundamentali għal Żjajjar Lura Effettivi
1. Il-ministeru Kristjan tal-bidu b’liema mod kellu jinfirex?
1 Ġesù ħejja għalkollox lid-dixxipli tiegħu biex ikunu predikaturi effettivi taʼ “l-aħbar tajba tas-saltna.” (Mt. 4:23; 9:35) Ġesù ħarriġhom waqt li kien qed jippriedka fil-Palestina biss. Madankollu, qabel ma telaʼ s-sema, Ġesù wera li l-ministeru Kristjan tant kien se jinfirex li kien se jkun hemm “dixxipli min-nies tal-ġnus kollha.”—Mt. 28:19, 20.
2. X’inhu involut biex wieħed jobdi l-kmand li ‘jagħmel dixxipli’?
2 Dan ix-xogħol kien se jinvolvi li jsiru żjajjar lura għand individwi li jkunu wrew interess fl-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla u jiġu mgħallmin josservaw dak kollu li ordna Kristu. Biex nagħmlu żjajjar lura effettivi bħal dawn irridu nkunu preparati sew.
3. Kif tistaʼ twitti t-triq għal żjara lura, anki fuq l-ewwel żjara?
3 Ippjana bil-Quddiem: Xi pubblikaturi jistinkaw biex iqajmu mistoqsija qabel ma jitilqu mill-ewwel żjara, u mbagħad iwiegħdu li jerġgħu lura u jiddiskutu t-tweġiba. Huma sabu li meta jirreferu għall-informazzjoni fil-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? fuq iż-żjara lura, huma ġew megħjunin biex jibdew studju tal-Bibbja mill-ewwel.
4. Għala m’għandniex nistennew il-ħarġiet il-ġodda tar-rivisti qabel ma nagħmlu żjara lura?
4 Il-fatt li nirċievu sett wieħed taʼ rivisti kull tliet xhur ma jfissirx li għandna nistennew il-ħarġiet tar-rivisti li jmiss qabel immorru lura. Forsi jkun possibbli li tqanqal l-interess billi tiddiskuti l-informazzjoni li tinsab fir-rivista li diġà għandu l-individwu.
5. Kif inhu taʼ benefiċċju li jkollok mira meta tagħmel żjara lura?
5 Agħmel Mira: Qabel tmur lura, ħu ftit minuti biex tirrivedi n-noti tiegħek dwar l-individwu u tiddetermina dak li trid twettaq. Per eżempju, tistaʼ tiddiskuti punt mill-pubblikazzjoni li diġà ħallejtlu. Jew ħallilu letteratura oħra li titkellem dwar suġġett li ddiskutejtu qabel. Jekk fl-aħħar żjara qajjimt mistoqsija, żgur li se tkun trid twieġeb dik il-mistoqsija. Stinka biex taqra direttament mill-Bibbja meta tkun qed tenfasizza skrittura li tappoġġa l-punt tiegħek.
6. X’inhi l-mira tagħna meta nagħmlu żjajjar lura?
6 Il-Mira Tagħna: M’għandniex xi ngħidu, il-mira tagħna hi li nibdew studju tal-Bibbja. Wieħed ħu offra studju tal-Bibbja fiż-żjara lura, imma r-raġel irrifjuta. Il-ħu mar lura bir-rivisti taʼ l-aħħar u qal, “Waqt li qegħdin hawn illum, qed inwieġbu lin-nies mistoqsija waħda mill-Bibbja.” Wara li semaʼ l-kumment tar-raġel, il-ħu qara skrittura u paragrafu dwar is-suġġett minn pubblikazzjoni li tintuża għall-istudji tal-Bibbja. Dan wassal għal studju regulari tal-Bibbja.
7. Il-preparazzjoni tajba kif għenitek biex tibda studju tal-Bibbja?
7 L-isforz li nagħmlu biex nieħdu l-ħin ħalli nippreparaw għaż-żjajjar lura huwa tassew siewi. Il-ferħ tagħna se jiżdied, u jistaʼ jkollna l-privileġġ li ngħinu lil min għandu “attitudni xierqa” biex jaqbad it-triq għall-ħajja.—Atti 13:48.