LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • ba pp. 4-5
  • Ktieb li Huwa Rrappreżentat Ħażin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ktieb li Huwa Rrappreżentat Ħażin
  • Ktieb Għan-Nies Kollha
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Insibu S-​Sens Veru Taʼ Siltiet Bibliċi
  • Irrappreżentata Ħażin Mir-​Reliġjon
  • Galileo
    Stenbaħ!—2015
  • Il-Konflitt taʼ Galileo mal-Knisja
    Stenbaħ!—2003
  • Ix-Xjenza u r-Reliġjon—Il-Bidu taʼ Konflitt
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Ix-Xjenza u l-Bibbja—Veru li Jikkontradixxu lil Xulxin?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
Ktieb Għan-Nies Kollha
ba pp. 4-5

Ktieb li Huwa Rrappreżentat Ħażin

“Id-​duttrina tad-​dawran doppju tad-​dinja fuq il-​fus tagħha u madwar ix-​xemx hija falza, u għalkollox kuntrarja għall-​Iskrittura Mqaddsa.” Hekk stqarret il-​Kongregazzjoni taʼ l-​Indiċi tal-​Knisja Kattolika Rumana f’digriet fl-​1616.1 Huwa veru li l-​Bibbja ma taqbilx mal-​fatti xjentifiċi? Jew ġiet irrappreżentata ħażin?

FIX-​XITWA taʼ l-​1609/10, Galileo Galilei dawwar it-​teleskopju li kien għadu kif żviluppa lejn is-​smewwiet u skopra erbaʼ qmura jduru mal-​pjaneta Ġove. Dak li ra ġab fix-​xejn l-​idea prevalenti li kull m’hemm fis-​smewwiet irid jorbita mal-​pjaneta Art. Iktar kmieni, fl-​1543, l-​astronomu Pollakk Nicolaus Copernicus kien itteorizza li l-​pjaneti jduru madwar ix-​xemx. Galileo kkonferma li din kienet verità xjentifika.

Għat-teologi Kattoliċi, madankollu, din kienet ereżija. Il-​knisja kienet ilha żmien twil issostni li l-​pjaneta Art kienet iċ-​ċentru taʼ l-​univers.2 Din il-​fehma kienet ibbażata fuq interpretazzjoni litterali taʼ skritturi li taw stampa tad-​dinja bħala li tinsab ferma “fuq is-​sisien tagħha, b’mod li qatt ma titħarrek.” (Salm 104:5) Imsejjaħ lejn Ruma, Galileo deher quddiem l-​Inkwiżizzjoni. Billi ġie ssuġġettat għal eżami rigoruż, hu ġie sforzat jirtira pubblikament is-​sejbiet tiegħu, u qattaʼ l-​kumplament taʼ ħajtu priġunier f’daru.

Fl-1992, xi 350 sena wara l-​mewt taʼ Galileo, il-​Knisja Kattolika sa fl-​aħħar ammettiet li wara kollox hu kellu raġun.3 Imma jekk Galileo kellu raġun, allura l-​Bibbja kienet żbaljata?

Insibu S-​Sens Veru Taʼ Siltiet Bibliċi

Galileo emmen li l-​Bibbja kienet vera. Meta s-​sejbiet xjentifiċi tiegħu kkontradew l-​interpretazzjoni prevalenti taʼ ċerti versi mill-​Bibbja, hu rraġuna li t-​teologi ma kinux qegħdin jieħdu s-​sens veru tas-​siltiet. Wara kollox, “żewġ veritajiet qatt ma jistgħu jikkontradixxu lil xulxin,” kiteb hu.4 Hu ssuġġerixxa li t-​termini preċiżi tax-​xjenza ma jikkontradixxux il-​kliem komuni tal-​Bibbja. Imma t-​teologi ma ridux jafu. Insistew li l-​istqarrijiet Bibliċi kollha dwar l-​art għandhom jittieħdu litteralment. Riżultat taʼ dan, mhux talli rrifjutaw is-​sejbiet taʼ Galileo imma talli tilfu wkoll is-​sens veru t’espressjonijiet Skritturali bħal dawn.

Tabilħaqq, is-​sens komun għandu jgħidilna li meta l-​Bibbja tirreferi għall-​“erbaʼ rkejjen taʼ l-​art,” din ma tfissirx li l-​kittieba tal-​Bibbja fehmu li d-​dinja kienet litteralment kwadra. (Apokalissi 7:1) Il-​Bibbja hija miktuba bil-​lingwaġġ tan-​nies ordinarji, billi taʼ spiss tuża kliem figurattiv u vivaċi. Mela meta titkellem dwar li l-​art għandha “erbaʼ rkejjen,” ‘sisien’ dejjiema, “kolonni,” u “ras il-​għareb,” il-​Bibbja m’hijiex toffri deskrizzjoni xjentifika tad-​dinja; ovvjament din tkun qiegħda titkellem metaforikament, bħalma spiss nagħmlu aħna fil-​kliem li nużaw kuljum.a​—Isaija 51:13; Ġob 38:6.

Fil-ktieb tiegħu Galileo Galilei, il-​bijografu L. Geymonat innota: “Teologi b’moħħhom magħluq li riedu jillimitaw ix-​xjenza fuq il-​bażi taʼ raġunar bibliku ma kienu jagħmlu xejn ħlief li jitfgħu dubji fuq il-​Bibbja nfisha.”5 U hekk għamlu. Attwalment, kienet l-​interpretazzjoni li t-​teologi kienu jagħtu tal-​Bibbja​—mhux il-​Bibbja nfisha—​li għamlet sikkatura żejda fuq ix-​xjenza.

Bl-istess mod, fundamentalisti reliġjużi llum jgħawġu l-​Bibbja meta jinsistu li d-​dinja ġiet maħluqa f’sitt ijiem t’24 siegħa. (Ġenesi 1:​3-​31) Opinjoni bħal din ma taqbel la max-​xjenza u lanqas mal-​Bibbja. Fil-​Bibbja, bħal fid-​diskors taʼ kuljum, il-​kelma “jum” hija terminu flessibbli li jesprimi perijodi taʼ żmien li jvarjaw fit-​tul tagħhom. F’Ġenesi 2:​4, is-​sitt ijiem kreattivi kollha ssir referenza għalihom bħala “jum” wieħed li fih jiġbor il-​ġranet kollha. Il-​kelma Ebrajka tradotta “jum” fil-​Bibbja tistaʼ sempliċement tfisser “żmien twil.”6 Mela, m’hemm ebda raġuni Biblika biex wieħed jinsisti li l-​jiem tal-​ħolqien kienu t’24 siegħa kull wieħed. Billi jgħallmu mod ieħor, il-​fundamentalisti jirrappreżentaw ħażin il-​Bibbja.​—Ara wkoll 2 Pietru 3:8.

Matul l-​istorja, it-​teologi taʼ spiss għawġu l-​Bibbja. Ikkunsidra xi modi oħrajn li bihom ir-​reliġjonijiet tal-​Kristjaneżmu rrappreżentaw ħażin dak li tgħid il-​Bibbja.

Irrappreżentata Ħażin Mir-​Reliġjon

L-​azzjonijiet taʼ dawk li jgħidu li jsegwu l-​Bibbja spiss iħammġu r-​reputazzjoni tal-​ktieb li għalih huma jsostnu li għandhom reverenza. L-​hekk imsejħin Kristjani xerrdu demm xulxin f’isem Alla. Madankollu, il-​Bibbja twiddeb lis-​segwaċi taʼ Kristu biex ‘iħobbu lil xulxin.’​—Ġwann 13:34, 35; Mattew 26:52.

Xi membri tal-​kleru jisolħu lill-​merħliet tagħhom, billi jżegħlu bihom ħalli jagħtuhom mill-​flus li tant ikunu ħadmu iebes għalihom​—ferm u ferm differenti mill-​istruzzjoni Skritturali: “B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu.”​—Mattew 10:8; 1 Pietru 5:​2, 3.

Jidher ċar li l-​Bibbja ma tistax tiġi ġġudikata skond il-​kliem u l-​azzjonijiet taʼ dawk li sempliċement jikkwotawha jew isostnu li jgħixu f’armonija magħha. Wieħed b’moħħu miftuħ għandu mnejn għalhekk ikun irid jiskopri għalih innifsu f’hiex tikkonsisti l-​Bibbja u għala hija ktieb daqshekk straordinarju.

[Nota taʼ taħt]

a Per eżempju, anki l-​iktar astronomi li jieħdu l-​affarijiet litteralment illum jitkellmu dwar it-​“tlugħ” u l-​“inżul” tax-​xemx, tal-​kwiekeb, u tal-​kostellazzjonijiet​—għalkemm, fil-​fatt, dawn jidhru biss li jkunu mexjin minħabba d-​dawran tad-​dinja.

[Stampa f’paġna 4]

Tnejn mit-​teleskopji taʼ Galileo

[Stampa f’paġna 5]

Galileo jiffaċċja lill-​inkwiżituri tiegħu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja