Invit speċjali
1. Il-kampanja tal-inviti tal-konvenzjonijiet tal-2014 meta se tibda?
1 Kieku kellek tipprepara ikla speċjali għall-familja jew il-ħbieb, waħda li tkun tirrikjedi sforz kbir u spiża biex tippreparaha, aktarx ikollok l-entużjażmu meta tagħmel l-istedina. B’mod simili, sar ħafna xogħol biex tiġi ppreparata l-festa spiritwali li se tiġi ppreżentata fil-konvenzjonijiet distrettwali u internazzjonali tagħna tal-2014. Minn tliet ġimgħat qabel ma tibda l-konvenzjoni tagħna, se jkollna l-privileġġ li nistiednu lil oħrajn jattendu. X’se jgħinna noffru l-inviti bl-entużjażmu?
2. X’se jqanqalna nieħdu sehem bis-sħiħ fil-kampanja?
2 Meta naħsbu bl-apprezzament fuq kemm nibbenefikaw personalment mill-ikla spiritwali li Ġeħova jipprovdi fil-konvenzjonijiet, se nkunu mqanqlin nieħdu sehem bis-sħiħ fil-kampanja. (Is. 65:13, 14) Għandna niftakru wkoll li l-kampanja annwali tagħna tħalli l-frott. Xi nies li nistiednu se jattendu l-konvenzjoni magħna. Madankollu, minkejja kemm uħud jilqgħu l-istedina, l-isforzi diliġenti tagħna matul il-kampanja se jġibu tifħir lil Ġeħova u jirriflettu l-ġenerożità tiegħu.—Salm 145:3, 7; Riv. 22:17.
3. Kif se jiġu mqassmin l-inviti?
3 Kull ġemgħa tal-anzjani għandha tara kif l-iżjed tistaʼ tqassam inviti l-kongregazzjoni, inkluż jekk jitħallewx fejn ma nsibu lil ħadd id-dar jew noffruhomx fl-ippritkar f’postijiet pubbliċi fit-territorju. Fil-wikends jistgħu jiġu offruti r-rivisti flimkien mal-invit meta jkun xieraq. Jekk l-ewwel Sibt tax-xahar jinzerta fid-dati tal-kampanja, għandha ssir enfasi fuq li jitqassmu l-inviti minflok ma jinbdew studji tal-Bibbja. Wara li tispiċċa l-kampanja, kemm se nkunu ferħanin li pparteċipajna bl-entużjażmu u li stidinna kemm stajna nies biex jingħaqdu magħna fl-ikla spiritwali li pprovdielna Ġeħova!