LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 10/15 pp. 7-11
  • Ġeħova Jħares Lejna għall-Ġid Tagħna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġeħova Jħares Lejna għall-Ġid Tagħna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Imxi m’Alla
  • Missier Veru Għal Baruk
  • L-​Imħabba tal-​Missier Riflessa fl-​Iben
  • Għajnuna f’Waqtha
  • Niffaċċjaw il-​Futur b’Fiduċja
  • Evita li “Tfittex Ħwejjeġ Kbar Għalik Innifsek”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Bàruk—Is-Segretarju Leali taʼ Ġeremija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Ibni ħbiberiji b’saħħithom qabel jiġi t-tmiem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Jehovah Ibierek u Jħares lil Min Hu Ubbidjenti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 10/15 pp. 7-11

Ġeħova Jħares Lejna għall-​Ġid Tagħna

“Għajnejn Ġeħova jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-​art kollha biex juri s-​saħħa tiegħu għan-​nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.”—2 KRON. 16:9.

1. Ġeħova għala jeżaminana?

ĠEĦOVA hu l-​Missier perfett. Tant jafna sew li hu konxju saħansitra taʼ l-​“inklinazzjoni tal-​ħsibijiet” tagħna. (1 Kron. 28:9) Madankollu, hu ma jeżaminaniex sempliċement sabiex isib il-​ħtija fina. (Salm 11:4; 130:3) Minflok, hu bi mħabba jrid jipproteġina minn kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tħassar ir-​relazzjoni tagħna miegħu jew il-​prospetti tagħna biex niksbu l-​ħajja taʼ dejjem.—Salm 25:8-10, 12, 13.

2. Ġeħova juża s-​saħħa tiegħu għan-​nom taʼ min?

2 Ġeħova m’hawnx bħalu fil-​qawwa u jara kollox. Għal din ir-​raġuni, hu jistaʼ jgħin lil-​leali tiegħu kulmeta jsejħulu, u jistaʼ jappoġġahom matul il-​provi tagħhom. “Għajnejn Ġeħova jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-​art kollha biex juri s-​saħħa tiegħu għan-​nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh,” jgħid it-​2 Kronaki 16:9. Innota li Ġeħova juża s-​saħħa tiegħu għan-​nom taʼ dawk li jaqduh b’qalb sħiħa, qalb li l-​motiv tagħha hu safi u sinċier. Hu ma jurix dan l-​interess f’dawk li huma qarrieqa jew ipokriti.—Ġoż. 7:1, 20, 21, 25; Prov. 1:23-33.

Imxi m’Alla

3, 4. Xi jfisser li ‘timxi m’Alla,’ u liema eżempji Bibliċi jitfgħu dawl fuq din il-​kwistjoni?

3 Ħafna lanqas biss jgħaddilhom minn moħħhom li l-​Ħallieq taʼ l-​univers vast tagħna jħalli lill-​bnedmin jimxu miegħu f’sens spiritwali. Madankollu, dan hu eżatt dak li jridna nagħmlu Ġeħova. Fi żminijiet Bibliċi, Enok u Noè ‘mxew m’Alla.’ (Ġen. 5:24; 6:9) Mosè “baqaʼ sod bħallikieku qed jara lil Dak li hu inviżibbli.” (Ebr. 11:27) Is-​Sultan David sab ruħu miexi umilment maġenb Missieru tas-​sema. Hu qal: “[B’Ġeħova] fuq leminti, m’iniex se nitħarrek.”—Salm 16:8.

4 M’għandniex xi ngħidu, ma nistgħux naqbdu lil Ġeħova minn idu u nimxu miegħu letteralment. Imma nistgħu nagħmlu dan f’sens figurattiv. Kif? Is-​salmista Asaf jikteb: “Jien miegħek il-​ħin kollu; int qbadtli idi l-​leminija. Bil-​parir tiegħek tmexxini.” (Salm 73:23, 24) Bażikament, aħna nimxu maʼ Ġeħova meta nsegwu mill-​qrib il-​pariri tiegħu, li nirċievu primarjament permezz tal-​Kelma miktuba tiegħu u permezz taʼ “l-​ilsir leali u għaqli.”—Mt. 24:45; 2 Tim. 3:16.

5. Ġeħova kif iżomm għajnejh fuq il-​leali tiegħu bħalma jagħmel missier, u kif għandna nħossuna dwaru?

5 Peress li jgħożż lil dawk li jimxu miegħu, Ġeħova jżomm għajnejh fuqhom bħalma jagħmel missier, billi jieħu ħsiebhom, jipproteġihom, u jgħallimhom. “Se nagħtik id-​dehen u nistruwik dwar it-​triq li għandek taqbad,” jgħid Alla. “Se nagħtik pariri u nżomm għajnejja fuqek.” (Salm 32:8) Staqsi lilek innifsek: ‘Nara lili nnifsi bħallikieku miexi id f’id maʼ Ġeħova, billi nagħti widen għall-​għerf tiegħu u nkun naf li għajnejh qegħdin fuqi bi mħabba? Huma l-​ħsibijiet, il-​kliem, u l-​għemejjel tiegħi influwenzati mill-​fatt li jien konxju tal-​preżenza tiegħu? U meta niżbalja, narah jien lil Ġeħova bħala Missier kollu mħabba u ħniena li jrid jgħin lil dawk li jindmu jerġgħu jiksbu relazzjoni tajba miegħu, minflok ma narah bħala Alla li hu indifferenti u aħrax?’—Salm 51:17.

6. Ġeħova liema vantaġġ għandu fuq ġenitur uman?

6 Kultant, Ġeħova jistaʼ jagħtina l-​għajnuna tiegħu saħansitra qabel ma naqbdu triq ħażina. Per eżempju, hu għandu mnejn josserva li qalbna, li għandha t-​tendenza li tkun qarrieqa, qed tibda tixtieq affarijiet li m’humiex xierqa. (Ġer. 17:9) F’sitwazzjoni bħal din, hu jistaʼ jaġixxi saħansitra qabel ma jistgħu jaġixxu l-​ġenituri umani minħabba li “għajnejh ileqqu” għandhom l-​abbiltà li jaraw dak li nħossu minn ġewwa, li jeżaminaw l-​iktar ħsibijiet profondi tagħna. (Salm 11:4; 139:4; Ġer. 17:10) Ikkunsidra kif Alla rreaġixxa għas-​sitwazzjoni li żvolġiet fil-​ħajja taʼ Baruk, is-​segretarju persunali tal-​profeta Ġeremija u ħabib mill-​qrib tiegħu.

Missier Veru Għal Baruk

7, 8. (a) Min kien Baruk, u liema xewqat mhux xierqa għandhom mnejn bdew jiżviluppaw f’qalbu? (b) Ġeħova kif wera li kien jinteressah minn Baruk, bħalma jagħmel missier?

7 Baruk kien skriba professjonali li qeda lealment flimkien maʼ Ġeremija f’inkarigu li kien sar diffiċli—ix-​xandir tal-​ġudizzji taʼ Ġeħova lil Ġuda. (Ġer. 1:18, 19) Maż-​żmien, Baruk, li x’aktarx kien ġej minn familja prominenti, beda jfittex “ħwejjeġ kbar” għalih innifsu. Forsi beda jiżviluppa ambizzjonijiet persunali jew xewqa għal prosperità materjali. Kien x’kien il-​każ, Ġeħova ra li dan il-​ħsieb perikoluż kien qed jiżviluppa f’qalb Baruk. Billi tkellem permezz taʼ Ġeremija, Ġeħova minnufih indirizza l-​kwistjoni, billi qal lil Baruk: “Int għedt: ‘Jaħasra għalija, għax Ġeħova żied in-​niket maʼ l-​uġigħ tiegħi! Għejejt nitniehed, u għadni ma sibtx mistrieħ.’” Imbagħad Alla qallu: “Int qed tfittex ħwejjeġ kbar għalik innifsek. Tibqax tfittixhom.”—Ġer. 45:1-5.

8 Għalkemm kien sod maʼ Baruk, Ġeħova ma rreaġixxiex b’rabja imma b’interess ġenwin bħal taʼ missier. Evidentement, Alla ra li x-​xewqat tar-​raġel ma kinux jirriflettu qalb ħażina jew qarrieqa. Ġeħova kien jaf ukoll li Ġerusalemm u Ġuda kienu fl-​aħħar jiem tagħhom, u ma riedx li Baruk jitfixkel f’dak iż-​żmien kritiku. Għalhekk, sabiex iġib lill-​qaddej tiegħu lura f’sensih, Alla fakkru li Hu kien se jġib “gwaj kbir fuq kull ħliqa tal-​laħam,” u żied li jekk Baruk jaġixxi bil-​għaqal, hu kien se jgħix. (Ġer. 45:5) Fil-​fatt, Alla kien qed jgħidlu: ‘Kun realistiku Baruk. Żomm f’moħħok x’se jiġri dalwaqt lil Ġuda u lil Ġerusalemm midinbin. Ibqaʼ leali u għix! Jien se nipproteġik.’ Mid-​dehra Ġeħova mess qalb Baruk, għax hu rreaġixxa b’mod pożittiv u salva mill-​qerda taʼ Ġerusalemm, li seħħet 17-il sena wara.

9. Kieku int kif twieġeb il-​mistoqsijiet li ġew imqajmin f’dan il-​paragrafu?

9 Hekk kif tirrifletti fuq ir-​rakkont dwar Baruk, ikkunsidra l-​mistoqsijiet u l-​iskritturi li ġejjin: Il-​mod kif Alla ttratta maʼ Baruk x’juri dwar Ġeħova u l-​mod kif iħossu dwar il-​qaddejja tiegħu? (Aqra Ebrej 12:9.) Meta nqisu ż-​żminijiet kritiċi li qed ngħixu fihom, x’nistgħu nitgħallmu mill-​parir li Alla ta lil Baruk u mill-​mod kif irreaġixxa Baruk? (Aqra Luqa 21:34-36.) Sabiex jimitaw lil Ġeremija, l-​anzjani Kristjani kif jistgħu jirriflettu l-​interess li Ġeħova għandu fil-​qaddejja Tiegħu?—Aqra Galatin 6:1.

L-​Imħabba tal-​Missier Riflessa fl-​Iben

10. Ġesù kif inhu mħejji biex iwettaq ir-​responsabbiltà tiegħu bħala Kap tal-​kongregazzjoni Kristjana?

10 Matul l-​era taʼ qabel il-​Kristjanità, l-​imħabba taʼ Ġeħova għall-​poplu tiegħu ntweriet permezz tal-​profeti tiegħu u qaddejja leali oħrajn. Illum il-​ġurnata tidher b’mod speċjali f’Ġesù Kristu, il-​Kap tal-​kongregazzjoni Kristjana. (Efes. 1:22, 23) B’hekk, fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, Ġesù jidher bħala ħaruf b’“sebaʼ għajnejn, u dawn l-​għajnejn ifissru s-​sebaʼ spirti t’Alla li ntbagħtu maʼ l-​art kollha.” (Riv. 5:6) Iva, Ġesù għandu l-​qawwa minħabba li hu mimli bl-​ispirtu qaddis t’Alla, u għalhekk għandu dixxerniment perfett. Hu wkoll jara dak li aħna minn ġewwa, u xejn ma jaħrablu.

11. Kristu liema rwol għandu, u l-​attitudni tiegħu lejna kif tirrifletti dik taʼ Missieru?

11 Madankollu, Ġesù, bħal Ġeħova, m’huwiex xi pulizija fis-​sema. Hu jeżaminana b’għajnejn taʼ mħabba. Wieħed mit-​titli taʼ Ġesù, “Missier Etern,” ifakkarna fl-​irwol li se jieħu meta jagħti l-​ħajja taʼ dejjem lil dawk kollha li jeżerċitaw il-​fidi fih. (Is. 9:6) Iktar minn hekk, bħala l-​Kap tal-​kongregazzjoni Kristjana, Kristu jistaʼ jqanqal lil Kristjani maturi spiritwalment speċjalment l-​anzjani, li huma lesti biex jipprovdu faraġ jew pariri lil dawk li għandhom bżonn.—1 Tess. 5:14; 2 Tim. 4:1, 2.

12. (a) X’juru dwar Ġesù l-​ittri lis-​sebaʼ kongregazzjonijiet fl-​Asja Minuri? (b) L-​anzjani kif jirriflettu l-​attitudni taʼ Kristu lejn il-​merħla t’Alla?

12 L-​interess profond li Kristu għandu fil-​merħla jidher fl-​ittri lill-​anzjani tas-​sebaʼ kongregazzjonijiet fl-​Asja Minuri. (Riv. 2:1–3:22) F’dawn l-​ittri, Ġesù indika kemm li kien konxju taʼ dak li kien qed jiġri f’kull kongregazzjoni u kemm l-​interess profond li għandu fis-​segwaċi tiegħu. Dan japplika għal-​lum ukoll—anzi iktar—ladarba l-​viżjoni tar-​Rivelazzjoni titwettaq matul “Jum il-​Mulej.”a (Riv. 1:10) L-​imħabba taʼ Kristu spiss tintwera mill-​anzjani, li jaqdu bħala rgħajja spiritwali tal-​kongregazzjoni. Hu jistaʼ jqanqal lil dawn l-​“irġiel bħala għotjiet” sabiex ifarrġu, jinkuraġġixxu, jew jagħtu pariri meta jkun hemm bżonn. (Efes. 4:8; Atti 20:28; aqra Isaija 32:1, 2.) Tqishom int l-​isforzi tagħhom bħala espressjoni taʼ l-​interess li Kristu għandu fik personalment?

Għajnuna f’Waqtha

13-15. Alla kif għandu mnejn jagħżel li jwiġbilna talbna? Agħti xi eżempji.

13 Qatt tlabt mill-​qalb għall-​għajnuna u rċivejt it-​tweġiba permezz taʼ żjara inkuraġġanti minn Kristjan matur spiritwalment? (Ġak. 5:14-16) Jew forsi l-​għajnuna ġiet permezz taʼ xi taħdita fil-​laqgħa Kristjana jew xi informazzjoni li qrajt mill-​pubblikazzjonijiet tagħna. Ġeħova spiss iwieġeb it-​talb tagħna b’dawn il-​modi. Per eżempju, wara li ta taħdita, anzjan ġie avviċinat minn oħt li, fil-​ġimgħat taʼ qabel din it-​taħdita, kienet vittma taʼ inġustizzja kbira. Minflok ma qagħdet tgerger dwar il-​problema tagħha, hi esprimiet apprezzament profond għal xi punti Skritturali li kien hemm fit-​taħdita. Kienu japplikaw għas-​sitwazzjoni tagħha u farrġuha ħafna. Kemm kienet ferħana li kienet marret għal din il-​laqgħa!

14 Rigward l-​għajnuna li nirċievu permezz tat-​talb, ikkunsidra l-​eżempju taʼ tliet ħabsin li ħadu l-​għarfien tal-​verità tal-​Bibbja waqt li kienu l-​ħabs u saru pubblikaturi mhux mgħammdin. Minħabba inċident vjolenti, żdiedu iktar restrizzjonijiet fuq il-​ħabsin kollha f’din il-​faċilità. Dan qajjem protesta. Il-​ħabsin iddeċidew li l-​għada fil-​għodu wara l-​kolazzjon, bi sfida, ma kinux se jirritornaw il-​platti tagħhom. Issa t-​tliet pubblikaturi mhux mgħammdin kienu f’dilemma. Jekk jingħaqdu fir-​rewwixta kienu se jmorru kontra l-​parir misjub f’Rumani 13:1. Jekk ma jingħaqdux, huma setgħu jistennew xi vendikazzjoni mingħand ħabsin irrabjati.

15 Għalkemm it-​tlett irġiel ma setgħux jikkomunikaw bejniethom, huma talbu għall-​għerf. L-​għada fil-​għodu, it-​tlieta li huma saru jafu li kienu ħarġu eżattament bl-​istess soluzzjoni—sempliċement kienu se jirrifjutaw il-​kolazzjon. Meta l-​għassiesa iktar tard ġew biex jiġbru l-​platti, it-​tlett irġiel ma kellhomx platti x’jirritornaw. Kemm kienu ferħanin li “Semmiegħ it-​talb” kien qrib!—Salm 65:2.

Niffaċċjaw il-​Futur b’Fiduċja

16. Ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar kif juri l-​interess li Ġeħova għandu fi wħud bħal nagħaġ?

16 Ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar li qed isir madwar id-​dinja jerġaʼ huwa evidenza oħra taʼ l-​interess li Ġeħova għandu f’individwi taʼ qalb onesta, jgħixu fejn jgħixu. (Ġen. 18:25) Ġeħova, li spiss juża d-​direzzjoni anġelika, jistaʼ jiggwida lill-​qaddejja tiegħu għand uħud li huma bħal nagħaġ—anki jekk dawn ikunu jgħixu fi nħawi li għadhom ma ntlaħqux bl-​aħbar tajba. (Riv. 14:6, 7) Per eżempju, permezz t’anġlu, Alla dderieġa lil Filippu, evanġelizzatur taʼ l-​ewwel seklu, biex imur isib lil uffiċjal Etjopjan u jispjegalu l-​Iskrittura. X’kien ir-​riżultat? Ir-​raġel aċċetta l-​aħbar tajba u sar wieħed mis-​segwaċi mgħammdin taʼ Ġesù.b—Ġw. 10:14; Atti 8:26-39.

17. Għala m’għandniex inkunu ansjużi żżejjed dwar il-​futur?

17 Hekk kif is-​sistema dinjija preżenti tersaq lejn tmiemha, l-​“uġigħ tal-​ħlas” imbassar se jkompli. (Mt. 24:8) Per eżempju, il-​prezzijiet taʼ l-​ikel jistgħu jiżdiedu b’mod konsiderevoli minħabba d-​domanda li dejjem qed tikber, minħabba l-​estremitajiet fit-​temp, jew l-​instabilità ekonomika. Jistaʼ jkun iktar diffiċli li ssib xogħol, u l-​ħaddiema jistaʼ jkollhom iktar pressjoni biex jaħdmu ħinijiet itwal. Jiġri x’jiġri, dawk kollha li jżommu l-​interessi spiritwali fl-​ewwel post u jżommu ‘għajn sempliċi’ m’għandhomx għalfejn ikunu ansjużi żżejjed. Huma jafu li Alla jħobbhom u se jieħu ħsiebhom. (Mt. 6:22-34) Per eżempju, ikkunsidra kif Ġeħova pprovda għal Ġeremija fiż-​żmien tat-​tmiem imwiegħer taʼ Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K.

18. Ġeħova kif wera l-​imħabba tiegħu għal Ġeremija matul l-​assedju taʼ Ġerusalemm?

18 Matul l-​aħħar parti taʼ l-​assedju taʼ Ġerusalemm mill-​Babiloniżi, Ġeremija kien miżmum bħala priġunier fil-​Bitħa taʼ l-​Għassa. Kif kien se jikseb l-​ikel? Kieku kien ħieles kien ikollu jfittxu. Minflok, hu kien assolutament jiddependi minn dawk taʼ madwaru, li ħafna minnhom kienu jobogħduh! Madankollu, Ġeremija fada f’Alla u mhux fil-​bniedem, u Hu wiegħdu li kien se jieħu ħsiebu. Żammha kelmtu Ġeħova? Dażgur! Hu ra li Ġeremija jingħata “ħobża” kuljum “sakemm spiċċa l-​ħobż kollu tal-​belt.” (Ġer. 37:21) Ġeremija, kif ukoll Baruk, Għebed-melek, u oħrajn salvaw minn dak iż-​żmien taʼ ġuħ, mard, u mewt.—Ġer. 38:2; 39:15-18.

19. Hekk kif niffaċċjaw il-​futur, x’għandha tkun id-​determinazzjoni tagħna?

19 Iva, “għajnejn Ġeħova huma fuq in-​nies sewwa, u widnejh miftuħin għat-​talb bil-​ħerqa tagħhom.” (1 Pt. 3:12) Ma tifraħx int li Missierek tas-​sema jħares lejk? Ma tħossokx int fis-​sigurtà minħabba li taf li għajnejh huma fuqek għall-​ġid tiegħek? Mela, kun determinat li tibqaʼ miexi m’Alla—jiġri x’jiġri fil-​futur. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova dejjem se jżomm ħarstu mill-​qrib fuq il-​leali kollha tiegħu bħalma jagħmel missier.—Salm 32:8; aqra Isaija 41:13.

[Noti taʼ taħt]

a Għalkemm l-​ittri japplikaw primarjament għas-​segwaċi midlukin taʼ Kristu, bħala prinċipju dawn japplikaw għall-​qaddejja kollha t’Alla.

b Eżempju ieħor taʼ direzzjoni mingħand Alla jistaʼ jinstab f’Atti 16:6-10. Hemmhekk naqraw li ‘l-​ispirtu qaddis ma ħalliex’ lil Pawlu u lil sħabu jippridkaw fl-​Asja u fil-​Bitinja. Minflok, huma ġew imsejħin biex jaħdmu fil-​Maċedonja, fejn ħafna individwi ġwejdin wieġbu favorevolment għall-​evanġelizzar tagħhom.

Tistaʼ Tispjega?

• Kif nistgħu nuru li qed ‘nimxu m’Alla’?

• Ġeħova kif wera l-​imħabba tiegħu għal Baruk?

• Bħala Kap tal-​kongregazzjoni Kristjana, Ġesù kif jirrifletti l-​kwalitajiet taʼ Missieru?

• B’liema modi nistgħu nuru li nafdaw f’Alla matul dawn iż-​żminijiet kritiċi?

[Stampi f’paġna 9]

Bħal fil-​każ taʼ Ġeremija maʼ Baruk, l-​anzjani Kristjani llum jirriflettu l-​interess li għandu Ġeħova

[Stampa f’paġna 10]

Ġeħova kif għandu mnejn jipprovdi għajnuna f’waqtha?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja