LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 10/15 pp. 3-7
  • L-‘Għajnejn Ileqqu’ taʼ Ġeħova Jeżaminaw lil Kulħadd

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-‘Għajnejn Ileqqu’ taʼ Ġeħova Jeżaminaw lil Kulħadd
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġeħova Jara l-​Qalb
  • Eżaminati bi Mħabba
  • Ġeħova Jara Kollox u Jaġixxi Skond Dak li Jara
  • M’Hemm l-​Ebda Dnub Moħbi
  • Żomm l-​Integrità l-​Ħin Kollu
  • Żomm Qalb Sħiħa
  • Aħwa li Żviluppaw Attitudnijiet Differenti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Noffru Sagrifiċċji Aċċettabbli lil Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Ir-rabja tiegħu wasslitu biex joqtol
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Iben Tajjeb u Ieħor Ħażin
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 10/15 pp. 3-7

L-​‘Għajnejn Ileqqu’ taʼ Ġeħova Jeżaminaw lil Kulħadd

‘L-​għajnejn ileqqu [taʼ Ġeħova] jeżaminaw lil ulied il-​bnedmin.’—SALM 11:4.

1. Lejn liema tip taʼ nies ninġibdu aħna?

KIF tħossok dwar in-​nies li jieħdu interess ġenwin fik? Huma jagħtuk opinjoni onesta meta titlobhom jagħmlu dan. Meta jkollok bżonn l-​għajnuna, ikunu lesti li jgħinuk. Meta jkollok bżonn parir, jagħtuh bi mħabba. (Salm 141:5; Gal. 6:1) Ma tinġibidx int lejn persuni bħal dawn? Ġeħova u Ibnu huma eżattament hekk. Fil-​fatt, l-​interess li għandhom fik huwa iktar minn dak tal-​bnedmin, u l-​motiv tagħhom huwa assolutament mhux egoistiku; huma jridu jgħinuk ‘taqbad qabda soda mal-​ħajja vera.’—1 Tim. 6:19; Riv. 3:19.

2. Ġeħova sa liema punt huwa interessat fil-​qaddejja tiegħu?

2 Is-​salmista David esprima l-​interess profond li Ġeħova għandu fina meta qal: ‘Għajnejn [Ġeħova] jaraw; għajnejh ileqqu jeżaminaw lil ulied il-​bnedmin.’ (Salm 11:4) Iva, Alla mhux sempliċement iħares lejna; hu jeżaminana. David kiteb ukoll: “Int eżaminajtli qalbi, flejtni bil-​lejl . . . se ssib li jien ma nfassal xejn ħażin.” (Salm 17:3) Jidher ċar li David kien konxju li Ġeħova kien interessat profondament fih. Hu kien jaf li kien iweġġgħu lil Ġeħova u kien ikun jistħoqqlu d-​diżapprovazzjoni Tiegħu kieku ma neħħiex ħsibijiet ħżiena jew żviluppa qalb li tfassal pjanijiet ħżiena. Huwa Ġeħova reali għalik bħalma kien għal David?

Ġeħova Jara l-​Qalb

3. Ġeħova kif juri attitudni bilanċjata lejn l-​imperfezzjonijiet tagħna?

3 Ġeħova huwa interessat primarjament mill-​persuna li aħna minn ġewwa—dak li aħna verament f’qalbna. (Salm 19:14; 26:2) Bi mħabba, hu ma joqgħodx jiffoka fuq in-​nuqqasijiet żgħar tagħna. Per eżempju, meta Sara, il-​mara t’Abraham, ma qalitx il-​verità kollha lill-​anġlu li mmaterjalizza, l-​anġlu setaʼ jara li hi kienet imbeżżgħa u imbarazzata, u għalhekk hu sempliċement taha twiddiba ħafifa. (Ġen. 18:12-15) Meta l-​patrijarka Ġob iddikjara “lil ruħu ġusta minflok lil Alla,” Ġeħova ma żammx lura milli jbierku, għax kien konxju li Ġob kien bata ħafna taħt idejn Satana. (Ġob 32:2; 42:12) Bl-​istess mod, Ġeħova ma ħassux offiż minħabba li l-​armla taʼ Sarefat qalet lill-​profeta Elija dak li kienet verament qed tħoss. Alla fehem li kienet imnikkta ferm minħabba t-​telfa taʼ l-​uniku iben tagħha.—1 Slat. 17:8-24.

4, 5. Ġeħova kif wera ħniena bil-​mod kif aġixxa m’Abimelek?

4 Minħabba li Ġeħova jeżamina l-​qalb, hu juri konsiderazzjoni anki lejn dawk li ma jemmnux. Ikkunsidra kif aġixxa m’Abimelek, sultan tal-​belt Filistea taʼ Gerar. Abimelek ħa lil Sara biex issir martu, imma ma kienx jaf li Abraham u Sara kienu miżżewġin. Madankollu, qabel m’Abimelek kellu relazzjoni sesswali magħha, Ġeħova qallu f’ħolma: “Jien ukoll kont naf li dan int għamiltu bl-​onestà taʼ qalbek, u jien kont qed inżommok lura wkoll milli tidneb kontrija. Huwa għalhekk li ma ħallejtekx tmissha. Imma issa rodd lura l-​mara lil żewġha, għax hu profeta, u jagħmel talb bil-​ħerqa għalik, u b’hekk tibqaʼ ħaj.”—Ġen. 20:1-7.

5 M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova setaʼ aġixxa b’mod aħrax m’Abimelek, li kien jadura allat foloz. Imma Alla ra li r-​raġel aġixxa bl-​onestà f’din l-​okkażjoni. Bi ħniena Ġeħova għaraf dan u qal lis-​sultan kif setaʼ jaqlaʼ l-​maħfra u ‘jibqaʼ ħaj.’ M’huwiex dan it-​tip t’Alla li tixtieq taqdi?

6. Ġesù b’liema modi imitah lil Missieru?

6 Ġesù imita lil Missieru perfettament, billi ffoka fuq it-​tajjeb tad-​dixxipli tiegħu u kien lest li jaħfer l-​iżbalji tagħhom. (Mk. 10:35-45; 14:66-72; Lq. 22:31, 32; Ġw. 15:15) L-​attitudni taʼ Ġesù kienet fi qbil mal-​kliem tiegħu li jinsab fi Ġwanni 3:17: “Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-​dinja biex jiġġudika d-​dinja, imma biex id-​dinja tiġi salvata permezz tiegħu.” Iva, l-​imħabba li Ġeħova u Ġesù għandhom għalina hija profonda u kostanti. Tidher mill-​fatt li huma jixtiquna niksbu l-​ħajja. (Ġob 14:15) Imħabba bħal din tispjega għala Ġeħova jeżaminana, kif iqisna, u kif jaġixxi dwar dak li jara.—Aqra l-​1 Ġwanni 4:8, 19.

Eżaminati bi Mħabba

7. Ġeħova b’liema motiv jeżaminana?

7 Għalhekk, kemm hu ħażin li nqisu lil Ġeħova bħala xi pulizija fis-​sema li jħares ’l isfel sabiex jaqbadna fil-​fatt meta nidinbu! Satana huwa dak li jakkużana u jsostni li aħna egoisti. (Riv. 12:10) Hu saħansitra jakkuża lin-​nies li għandhom motivi ħżiena meta fil-​fatt ma jkunx hekk! (Ġob 1:9-11; 2:4, 5) Dwar Alla, is-​salmista kiteb: “Kieku int toqgħod għassa għall-​iżbalji, O Jah, O Ġeħova, min jistaʼ jżomm wieqaf?” (Salm 130:3) It-​tweġiba għal din il-​mistoqsija retorika hija, Ħadd! (Ekk. 7:20) Minflok, Ġeħova jħares lejna b’għajnejn kollhom ħniena u qalb tajba bħal taʼ ġenitur li jimpurtah u li jrid jipproteġi lill-​għeżież uliedu mill-​ħsara. Hu spiss javżana dwar l-​imperfezzjonijiet u d-​dgħjufijiet tagħna ħalli nevitaw li nagħmlu ħsara lilna nfusna.—Salm 103:10-14; Mt. 26:41.

8. Ġeħova kif jgħallem u jiddixxiplina lill-​qaddejja tiegħu?

8 Alla jesprimi l-​imħabba tiegħu permezz taʼ l-​istruzzjoni u d-​dixxiplina provduti kemm fl-​Iskrittura u kemm fl-​ikel spiritwali li jagħti l-​“ilsir leali u għaqli.” (Mt. 24:45; Ebr. 12:5, 6) Ġeħova jagħti l-​għajnuna wkoll permezz tal-​kongregazzjoni Kristjana u l-​“irġiel bħala għotjiet” tagħha. (Efes. 4:8) Iktar minn hekk, Ġeħova jħares biex jara kif nirreaġixxu għat-​taħriġ li hu jagħti bħala missier, u jfittex li jgħinna iktar. Salm 32:8 jgħid: “Se nagħtik id-​dehen u nistruwik dwar it-​triq li għandek taqbad. Se nagħtik pariri u nżomm għajnejja fuqek.” Mela, kemm huwa importanti li dejjem nisimgħu minn Ġeħova! Jeħtieġ li nibqgħu umli quddiemu, u nirrikonoxxu li hu l-​Għalliem u l-​Missier kollu mħabba tagħna.—Aqra Mattew 18:4.

9. Liema karatteristiki għandna nevitaw, u għala?

9 Mill-​banda l-​oħra, jalla qatt ma nwebbsu rasna minħabba l-​kburija, in-​nuqqas taʼ fidi, jew minħabba l-​“qawwa qarrieqa tad-​dnub.” (Ebr. 3:13; Ġak. 4:6) Spiss, dawn il-​karatteristiki jibdew minħabba li individwu jikkultiva ħsibijiet jew xewqat mhux xierqa. Hu għandu mnejn jasal sal-​punt li jiċħad pariri Skritturali xierqa. Agħar minn hekk, hu jistaʼ tant ikun dara b’dik l-​attitudni ħażina tiegħu li jagħmel lilu nnifsu għadu t’Alla—sitwazzjoni verament tal-​biżaʼ! (Prov. 1:22-31) Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Kajjin, l-​ewwel imwieled taʼ Adam u Eva.

Ġeħova Jara Kollox u Jaġixxi Skond Dak li Jara

10. Ġeħova għala wera d-​diżapprovazzjoni tiegħu lejn l-​offerta taʼ Kajjin, u Kajjin kif irreaġixxa?

10 Meta Kajjin u Abel ġabu l-​offerta tagħhom lil Ġeħova, Hu kien interessat mhux biss fl-​għotja tagħhom imma wkoll fil-​motiv tagħhom. Minħabba f’hekk, Alla esprima l-​approvazzjoni tiegħu għall-​offerta t’Abel, li ngħatat bil-​fidi, imma esprima d-​diżapprovazzjoni tiegħu lejn Kajjin, li b’xi mod irriflettiet nuqqas taʼ fidi. (Ġen. 4:4, 5; Ebr. 11:4) Minflok ma tgħallem minn dak li ġara u biddel l-​attitudni tiegħu, Kajjin imtela kollu rabja għal ħuh.—Ġen. 4:6.

11. Kajjin kif wera li kellu qalb qarrieqa, u x’inhi l-​lezzjoni għalina?

11 Ġeħova osserva li l-​attitudni taʼ Kajjin kienet perikoluża u tkellem b’konsiderazzjoni miegħu, billi wrieh li jekk jagħmel it-​tajjeb kien se jiġi milqugħ. B’dispjaċir, Kajjin injora l-​parir tal-​Ħallieq tiegħu u qatel lil ħuh. Il-​qalb ħażina taʼ Kajjin dehret iktar minħabba l-​mod insolenti li bih wieġeb il-​mistoqsija li għamillu Alla: “Fejn hu ħuk Abel?” Kajjin wieġeb b’rabja: “Ma nafx. Jaqaw jien l-​għassies taʼ ħija?” (Ġen. 4:7-9) Kemm tistaʼ tkun qarrieqa l-​qalb—saħansitra sal-​punt li ma nagħtux kas il-​parir dirett t’Alla! (Ġer. 17:9) Għalhekk, ejja nitgħallmu minn rakkonti bħal dawn u naġixxu malajr biex inwarrbu ħsibijiet u xewqat ħżiena. (Aqra Ġakbu 1:14, 15.) Jekk nirċievu parir Skritturali, jalla napprezzawh u nqisuh bħala evidenza taʼ l-​imħabba taʼ Ġeħova.

M’Hemm l-​Ebda Dnub Moħbi

12. Ġeħova kif jirreaġixxi għall-​ħażen?

12 Xi wħud għandhom mnejn iħossu li jekk ħadd ma jarahom jagħmlu l-​ħażin, huma se jgħadduha lixxa. (Salm 19:12) Sa ċertu punt, dnub moħbi ma jeżistix. “M’hemm l-​ebda ħolqien li hu moħbi quddiemu, imma kollox hu għeri u mikxuf beraħ quddiem dak li rridu nagħtuh kont.” (Ebr. 4:13) Ġeħova huwa Mħallef li jeżamina l-​iktar motivi ġewwinin tagħna, u l-​mod kif jirreaġixxi għall-​ħażen jirrifletti ġustizzja perfetta. Hu “Alla ħanin u grazzjuż, bil-​mod biex jirrabja u għani fil-​qalb tajba bl-​imħabba u l-​verità.” Madankollu, għal dawk li ma jindmux, hu “bl-​ebda mod ma jeħles . . . mill-​kastig” lil individwi li ‘jipprattikaw id-​dnub għax iridu’ jew juru attitudni qarrieqa li tfassal il-​ħażen. (Eżo. 34:6, 7; Ebr. 10:26) Dan il-​fatt jidher ċar fil-​mod kif Ġeħova aġixxa m’Għakan u m’Ananija u Safira.

13. Il-​ħsieb żbaljat kif wassal b’mod evidenti għall-​kondotta ħażina t’Għakan?

13 Billi kiser direttament il-​kmand t’Alla, Għakan ħa priża mill-​belt taʼ Ġeriko u ħbieha fit-​tinda tiegħu, u wisq probabbli l-​familja tiegħu kienet kompliċi miegħu. Meta d-​dnub tiegħu nkixef, Għakan wera li rrealizza kemm kien serju l-​iżball li kien għamel, għax qal: “Dnibt kontra Ġeħova.” (Ġoż. 7:20) Bħal Kajjin, Għakan żviluppa qalb ħażina. Fil-​każ t’Għakan, ir-​regħba kienet fattur prinċipali, u wasslet biex hu sar wieħed li jqarraq. Ladarba l-​priża minn Ġeriko kienet tappartjeni lil Ġeħova, Għakan fil-​fatt seraq mingħand Alla, u dan sewa l-​ħajja tiegħu u dik tal-​familja tiegħu.—Ġoż. 7:25.

14, 15. Ananija u Safira għala kien jistħoqqilhom id-​diżapprovazzjoni t’Alla, u x’inhi l-​lezzjoni għalina?

14 Ananija u martu Safira kienu membri tal-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu f’Ġerusalemm. Wara Pentekoste tas-​sena 33 E.K. twaqqaf fond komuni sabiex jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet fiżiċi taʼ wħud ġodda li saru jemmnu u li ġew minn partijiet imbegħdin u li kienu għadhom f’Ġerusalemm. Dan il-​fond kien appoġġat minn kontribuzzjonijiet volontarji. Ananija biegħ għalqa u ta parti mill-​flus għal dan il-​fond. Madankollu, hu għamel taʼ bir-​ruħu li kien ta l-​flus kollha li kien qalaʼ, u martu kienet tafu dan. Bla dubju, din il-​koppja riedet tikseb unur speċjali fil-​kongregazzjoni. Imma l-​aġir tagħhom kien qarrieq. B’mod mirakoluż, Ġeħova rrivela l-​frodi lill-​appostlu Pietru, u dan kellem lil Ananija dwar l-​iżball tiegħu. Fil-​pront, Ananija waqaʼ u miet. Ftit wara, Safira mietet ukoll.—Atti 5:1-11.

15 Ananija u Safira ma kinux vittmi taʼ dgħjufija mumentanja. Huma fasslu pjanijiet ħżiena u gidbu sabiex jipprovaw iqarrqu bl-​appostli. Agħar minn hekk, huma ‘qarrqu bl-​ispirtu qaddis u b’Alla.’ Il-​mod kif irreaġixxa Ġeħova juri ċar li hu lest li jipproteġi lill-​kongregazzjoni tiegħu mill-​ipokriti. Verament, “hi ħaġa tal-​biżaʼ li taqaʼ f’idejn l-​Alla l-​ħaj.”—Ebr. 10:31.

Żomm l-​Integrità l-​Ħin Kollu

16. (a) Satana kif qed jipprova jikkorrompi lin-​nies t’Alla? (b) Ix-​Xitan liema metodi juża sabiex jikkorrompi lin-​nies fl-​inħawi tiegħek?

16 Satana qed jagħmel kulma jistaʼ sabiex jikkorrompina u jġegħelna nitilfu l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova. (Riv. 12:12, 17) L-​intenzjonijiet mill-​agħar tax-​Xitan jidhru ċar fid-​dinja, li hija ossessjonata bl-​immoralità u l-​vjolenza. Il-​pornografija issa tistaʼ faċilment ikollok aċċess għaliha permezz tal-​kompjuters jew b’apparati elettroniċi oħrajn. Jalla qatt ma nċedu għall-​attakki taʼ Satana. Għall-​kuntrarju, jalla s-​sentimenti tagħna jkunu bħal dawk tas-​salmista David, li kiteb: “Se nimxi bil-​għaqal fi triq bla nuqqas. . . . Ġewwa dari se nimxi bl-​integrità taʼ qalbi.”—Salm 101:2.

17. (a) Eventwalment, Ġeħova għala jikxef dnubiet li jkunu saru fil-​moħbi? (b) X’għandha tkun id-​determinazzjoni tagħna?

17 Illum, Ġeħova ma jirrivelax mirakolożament xi dnub serju u kondotta qarrieqa bħalma ġieli għamel fil-​passat. Xorta waħda, hu jara kollox u fiż-​żmien u l-​mod tiegħu hu jikxef l-​affarijiet moħbijin. Pawlu qal: “Id-​dnubiet taʼ xi bnedmin jidhru pubblikament u malajr iwasslu għall-​ġudizzju, imma d-​dnubiet taʼ bnedmin oħrajn ukoll isiru jidhru iktar tard.” (1 Tim. 5:24) Il-​motiv primarju għala Ġeħova jikxef l-​għemejjel ħżiena hu l-​imħabba. Hu jħobb lill-​kongregazzjoni u jrid jipproteġi s-​safa tagħha. Iktar minn hekk, hu juri ħniena maʼ dawk li dinbu imma li issa nidmu verament. (Prov. 28:13) Għalhekk, ejja nistinkaw biex inżommu qalb sħiħa lejn Alla u nwarrbu kull influwenza taʼ ħsara.

Żomm Qalb Sħiħa

18. Is-​Sultan David kif ried li ibnu jħossu dwar Alla?

18 Lil Ibnu Salamun, is-​Sultan David qallu: “Kun af lill-​Alla taʼ missierek u aqdih b’qalb sħiħa u bl-​għaxqa taʼ ruħek; għax Ġeħova jgħarbel il-​qlub kollha, u jagħraf kull inklinazzjoni tal-​ħsibijiet.” (1 Kron. 28:9) David ried li ibnu jagħmel iktar milli sempliċement jemmen b’Alla. Hu ried lil Salamun japprezza l-​interess profond li Ġeħova għandu fil-​qaddejja Tiegħu. Tapprezzah int lil Ġeħova b’dan il-​mod?

19, 20. Skond Salm 19:7-11, x’għen lil David jersaq qrib lejn Alla, u kif nistgħu nimitaw lil David?

19 Ġeħova jaf li dawk li għandhom attitudni xierqa se jinġibdu lejh u li l-​għarfien dwar il-​kwalitajiet sbieħ tiegħu se jġegħelhom iħossuhom qrib tiegħu. Għalhekk, Ġeħova jridna nkunu nafuh u nsiru iktar familjari mal-​personalità meraviljuża tiegħu. Kif nagħmluh dan? Billi nistudjaw il-​Kelma tiegħu u nesperjenzaw il-​barka tiegħu f’ħajjitna.—Prov. 10:22; Ġw. 14:9.

20 Taqraha int il-​Bibbja kuljum billi tirrikonoxxi li ġejja minn Alla, u titlob għall-​għajnuna biex tapplikaha? Tara int il-​valur taʼ li tgħix mal-​prinċipji Bibliċi? (Aqra Salm 19:7-11.) Jekk inhu hekk, il-​fidi tiegħek f’Ġeħova u l-​imħabba tiegħek għalih se jkomplu jikbru. U hu, min-​naħa l-​oħra, se jersaq eqreb lejk, bħallikieku se jimxi id f’id miegħek. (Is. 42:6; Ġak. 4:8) Iva, Ġeħova se juri l-​imħabba li għandu għalik billi jbierkek u jipproteġik spiritwalment hekk kif timxi fit-​triq imħarbta li tagħti għall-​ħajja.—Salm 91:1, 2; Mt. 7:13, 14.

Int Kif Twieġeb?

• Ġeħova għala jeżaminana?

• X’ġiegħel lil ċerti individwi jsiru għedewwa t’Alla?

• Kif nistgħu nuru li Ġeħova huwa reali għalina?

• Kif nistgħu nżommu qalb sħiħa m’Alla?

[Stampa f’paġna 4]

Ġeħova kif iħares lejna bħal ġenitur li jimpurtah?

[Stampa f’paġna 5]

Liema lezzjoni nitgħallmu mill-​eżempju t’Ananija?

[Stampa f’paġna 6]

X’se jgħinna biex nibqgħu naqdu lil Ġeħova b’qalb sħiħa?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja