‘Morru u Agħmlu Dixxipli, [u] Għammduhom’
“Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, għammduhom . . . u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom.” —Mattew 28:19, 20.
1. Liema deċiżjoni ħa l-ġens taʼ Iżrael ħdejn il-Muntanja Sinaj?
XI 3,500 sena ilu, ġens sħiħ għamel wegħda lil Alla. Miġburin ħdejn il-Muntanja Sinaj, l-Iżraelin iddikjaraw pubblikament: “Kull ma qalilna l-Mulej nagħmluh.” Minn dakinhar ’il quddiem, Iżrael sar poplu dedikat lil Alla, il-‘wirt tiegħu.’ (Eżodu 19:5, 8; 24:3) Huma kienu qed jantiċipaw il-protezzjoni tiegħu u li jgħixu għal ġenerazzjonijiet sħaħ f’art “tnixxi ħalib u għasel.”—Levitiku 20:24.
2. Liema relazzjoni m’Alla jistgħu jgawdu n-nies illum?
2 Però, bħalma rrikonoxxa s-salmista Asaf, l-Iżraelin “ma ħarsux il-patt taʼ Alla, ma ridux jimxu fuq il-Liġi tiegħu.” (Salm 78:10) Huma ma żammewx il-wegħda li missirijiethom kienu għamlu lil Ġeħova. Maż-żmien, il-ġens tilef dik ir-relazzjoni unika m’Alla. (Koħèlet 5:3 [5:4, NW]; Mattew 23:37, 38) Għalhekk, Alla “dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-ġnus biex jieħu minnhom poplu għal ismu.” (Atti 15:14) U f’dawn l-aħħar jiem, hu qed jiġbor flimkien “folla kbira, li ebda bniedem ma [jistaʼ] jgħoddha, minn kull ġens u tribù u poplu u lsien,” li bil-ferħ tirrikonoxxi: “Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna, li qiegħed bil-qiegħda fuq it-tron, u lill-Ħaruf.”—Rivelazzjoni 7:9, 10.
3. Liema passi jrid jieħu dak li jkun sabiex igawdi relazzjoni persunali m’Alla?
3 Jekk individwu jrid ikun fost dawk li jgawdu din ir-relazzjoni prezzjuża m’Alla, hu għandu jiddedika ruħu lil Ġeħova u jissimbolizza din id-dedikazzjoni billi jitgħammed fl-ilma fil-pubbliku. Dan hu fi qbil mal-kmand dirett li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-ispirtu qaddis, u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom.” (Mattew 28:19, 20) L-Iżraelin taw widen għall-qari mill-“ktieb tal-patt.” (Eżodu 24:3, 7, 8) Għalhekk, huma fehmu l-obbligi tagħhom lejn Ġeħova. Bl-istess mod illum, l-għarfien eżatt tar-rieda t’Alla kif misjub fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja, hu essenzjali qabel ma individwu jieħu l-pass tal-magħmudija.
4. Xi jrid jagħmel individwu biex jikkwalifika għall-magħmudija? (Inkludi l-kaxxa t’hawn fuq.)
4 Jidher ċar li Ġesù ried li d-dixxipli tiegħu jkollhom bażi soda għall-fidi tagħhom qabel ma jitgħammdu. Hu għallem lis-segwaċi tiegħu mhux biss biex imorru jagħmlu dixxipli, imma wkoll biex jgħallmuhom ‘josservaw dak kollu li ordnalhom.’ (Mattew 7:24, 25; Efesin 3:17-19) Għalhekk, dawk li jikkwalifikaw għall-magħmudija ġeneralment ikunu studjaw il-Bibbja għal xhur sħaħ jew saħansitra għal sena sħiħa jew tnejn, ħalli meta jieħdu d-deċiżjoni ma jkunux ħaduha taʼ malajr jew mingħajr biżżejjed għarfien. Fil-magħmudija stess, il-kandidati jwieġbu iva għal żewġ mistoqsijiet fundamentali. Ladarba Ġesù enfasizza li ‘l-kelma tagħna Iva ħa tfisser Iva, u l-Le, Le,’ se jkun t’għajnuna għalina lkoll li nirrivedu bir-reqqa t-tifsir taʼ dawn iż-żewġ mistoqsijiet tal-magħmudija.—Mattew 5:37.
L-Indiema u d-Dedikazzjoni
5. Liema żewġ passi fundamentali tenfasizza l-ewwel mistoqsija tal-magħmudija?
5 L-ewwel mistoqsija tal-magħmudija tistaqsi lill-kandidat jekk nidimx mill-mod taʼ ħajja li kellu qabel u jekk iddedikax ħajtu lil Ġeħova biex jagħmel ir-rieda tiegħu. Din il-mistoqsija tenfasizza żewġ passi vitali li għandhom jittieħdu qabel il-magħmudija, jiġifieri, l-indiema u d-dedikazzjoni.
6, 7. (a) Għala hija neċessarja l-indiema għall-kandidati kollha tal-magħmudija? (b) Liema bidliet iridu jsiru wara li l-individwu jindem?
6 Individwu għala għandu jindem qabel ma jippreżenta ruħu għall-magħmudija? L-appostlu Pawlu jispjega: “Aħna lkoll darba konna nġibu ruħna fi qbil max-xewqat taʼ laħamna.” (Efesin 2:3) Qabel ma ksibna l-għarfien eżatt tar-rieda t’Alla, aħna konna ngħixu fi qbil mad-dinja, skond il-valuri u l-livelli tagħha. Ħajjitna kienet kontrollata minn Satana, l-alla taʼ din is-sistema. (2 Korintin 4:4) Madankollu, issa li sirna nafu r-rieda t’Alla, aħna nagħżlu b’determinazzjoni li ma ngħixux “iktar għax-xewqat tal-bnedmin, imma għar-rieda t’Alla.”—1 Pietru 4:2.
7 Dan il-mod taʼ ħajja ġdid iġib miegħu ħafna barkiet. Fuq kollox, jiftaħ it-triq għal relazzjoni prezzjuża maʼ Ġeħova, li David qabbilha maʼ stedina biex nidħlu “fid-dar” u “l-għolja mqaddsa” t’Alla—tabilħaqq privileġġ grandjuż. (Salm 15:1) Loġikament, Ġeħova ma kienx se jistieden sempliċement lil kulħadd kif ġie ġie imma biss lil min “jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb, min jgħid is-sewwa f’qalbu.” (Salm 15:2) Skond iċ-ċirkustanzi tagħna qabel ma tgħallimna l-verità, jistaʼ jkollna nagħmlu ċerti bidliet biex naġixxu skond dawn il-ħtiġijiet—kemm fl-imġiba u kemm fil-personalità. (1 Korintin 6:9-11; Kolossin 3:5-10) Il-motivazzjoni għal bidliet bħal dawn hi l-indiema—dispjaċir kbir dwar il-mod taʼ ħajja li kellna qabel u determinazzjoni qawwija li nogħġbu lil Ġeħova. Dan iġib bidla sħiħa—jiġifieri, irridu nabbandunaw il-mod taʼ ħajja egoist u dinji li kellna u nistinkaw biex ngħixu ħajja li togħġob lil Alla.—Atti 3:19.
8. Kif nagħmlu d-dedikazzjoni tagħna, u liema konnessjoni għandha mal-magħmudija?
8 It-tieni parti taʼ l-ewwel mistoqsija tal-magħmudija tistaqsi lill-kandidati jekk iddedikawx ruħhom lil Ġeħova biex jagħmlu r-rieda tiegħu. Id-dedikazzjoni hi pass essenzjali li għandu jsir qabel il-magħmudija. Din issir permezz tat-talb, u fiha nesprimu x-xewqa tagħna li nagħtu ħajjitna lil Ġeħova permezz taʼ Kristu. (Rumani 14:7, 8; 2 Korintin 5:15) Imbagħad Ġeħova jsir Sidna u l-Proprjetarju tagħna, u bħal Ġesù aħna nitgħaxxqu nagħmlu r-rieda t’Alla. (Salm 40:9 [40:8, NW]; Efesin 6:6) Din il-wegħda solenni lil Ġeħova ssir darba biss. Madankollu, peress li nagħmlu d-dedikazzjoni tagħna fil-privat, id-dikjarazzjoni pubblika dakinhar tal-magħmudija sservi biex kulħadd ikun jaf li aħna għamilna din id-dedikazzjoni solenni lil Missierna tas-sema.—Rumani 10:10.
9, 10. (a) X’jinvolvi li nagħmlu r-rieda t’Alla? (b) Id-dedikazzjoni tagħna kif ġiet rikonoxxuta anki mill-uffiċjali tan-Nazi?
9 X’jinvolvi l-fatt li nsegwu l-eżempju taʼ Ġesù biex nagħmlu r-rieda t’Alla? Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu u jibqaʼ miexi warajja.” (Mattew 16:24) Hawnhekk hu enfasizza tliet affarijiet li rridu nagħmlu. L-ewwel għandna ‘niċħdu’ lilna nfusna. Fi kliem ieħor, irridu ngħidu le għall-inklinazzjonijiet egoistiċi u imperfetti tagħna u ngħidu iva għall-parir u d-direzzjoni t’Alla. It-tieni, irridu ‘nerfgħu zzokk tat-tortura tagħna.’ Fi żmien Ġesù, iz-zokk tat-tortura kien jissimbolizza l-għajb u t-tbatija. Bħala Kristjani, aħna naċċettaw il-fatt li kultant ikollna nsofru minħabba laħbar tajba. (2 Timotju 1:8) Għalkemm id-dinja tistaʼ tidħaq bina jew tikkundannana, bħal Kristu aħna ‘ma nqisux l-għajb,’ minħabba li aħna henjin għaliex nafu li qed nogħġbu ’l Alla. (Ebrej 12:2) Fl-aħħarnett, aħna ‘nibqgħu’ mexjin wara Ġesù.—Salm 73:26; 119:44; 145:2.
10 Huwa interessanti li anki xi wħud li jopponu jirrikonoxxu li d-dedikazzjoni li jagħmlu x-Xhieda taʼ Ġeħova lil Alla hi biex jaqduh b’mod assolut. Per eżempju, fil-kamp tal-konċentrament taʼ Buchenwald fil-Ġermanja Nazista, ix-Xhieda li rrifjutaw li jiċħdu l-fidi tagħhom kellhom jiffirmaw l-istqarrija stampata li ġejja: “Jien għadni Student tal-Bibbja dedikat u qatt ma se nikser il-ħalfa li għamilt lil Ġeħova.” Żgur li dan jesprimi tajjeb l-attitudni tal-qaddejja kollha t’Alla li huma dedikati u leali!—Atti 5:32.
Identifikat Bħala Wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova
11. Xi privileġġ ikollu min jitgħammed?
11 It-tieni mistoqsija tistaqsi lill-kandidat, l-ewwelnett, jekk jifhimx li l-magħmudija tiegħu sservi biex tidentifikah bħala wieħed mix-Xiehda taʼ Ġeħova. Wara t-tgħaddis fl-ilma, hu jsir ministru ordnat li jġorr l-isem taʼ Ġeħova. Dan hu kemm privileġġ kbir kif ukoll responsabbiltà serja. Ukoll, lil dak li jitgħammed tagħtih il-prospett taʼ salvazzjoni dejjiema, sakemm jibqaʼ leali lejn Ġeħova.—Mattew 24:13.
12. Liema obbligu jġib miegħu l-unur li nġorru l-isem taʼ Ġeħova?
12 Żgur li hu unur kbir li nġorru l-isem t’Alla li jistaʼ kollox, Ġeħova. Il-profeta Mikea qal: “Il-popli kollha jimxu kull wieħed f’isem l-alla tiegħu; imma aħna nimxu f’isem [“Ġeħova,” NW], Alla tagħna, għal dejjem taʼ dejjem.” (Mikea 4:5) Minkejja dan, għandna obbligu maʼ dan l-unur. Irridu nistinkaw biex ngħixu ħajjitna b’mod li jonora lill-isem li nġorru. Bħalma Pawlu fakkar lill-Kristjani f’Ruma, jekk ma nipprattikawx dak li nippridkaw, l-isem t’Alla jiġi “mkasbar,” jew inġibu fuqu fama ħażina.—Rumani 2:21-24.
13. Il-qaddejja dedikati taʼ Ġeħova għala għandhom ir-responsabbiltà li jixhdu dwar Alla tagħhom?
13 Meta individwu jsir wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova, hu jaċċetta wkoll ir-responsabbiltà li jagħti xiehda dwar Alla tiegħu. Ġeħova stieden lill-membri tal-ġens dedikat taʼ Iżrael biex ikunu xhieda tiegħu ħalli jixhdu għad-Divinità eterna tiegħu. (Isaija 43:10-12, 21) Imma l-ġens naqas milli jwettaq dan l-irwol, u maż-żmien tilef il-favur taʼ Ġeħova kompletament. Illum, il-Kristjani veri huma kburin li għandhom il-privileġġ li jixhdu dwar Ġeħova. Aħna nagħmlu dan għaliex inħobbuh u nixtiequ li ismu jiġi mqaddes. Kif nistgħu noqogħdu siekta meta nafu l-verità dwar Missierna tas-sema u l-iskop tiegħu? Aħna nħossuna bħall-appostlu Pawlu meta qal: “Il-bżonn iġagħalni. Tassew, gwaj għalija jekk ma nxandarx l-aħbar tajba!”—1 Korintin 9:16.
14, 15. (a) L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova kif tgħinna nikbru spiritwalment? (b) Liema provvedimenti huma disponibbli biex jgħinuna spiritwalment?
14 It-tieni mistoqsija tfakkar ukoll lill-kandidat dwar ir-responsabbiltà li jikkoopera maʼ l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova mmexxija mill-ispirtu Tiegħu. Aħna m’aħniex waħedna fis-servizz tagħna lil Alla, u għandna bżonn lgħajnuna, l-appoġġ, u l-inkuraġġiment tal-“fratellanza kollha.” (1 Pietru 2:17; 1 Korintin 12:12, 13) L-organizzazzjoni t’Alla għandha rwol vitali biex tgħinna nikbru spiritwalment. Tipprovdilna abbundanza taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja li jgħinuna nkabbru l-għarfien eżatt tagħna, naġixxu bl-għaqal meta niffaċċjaw il-problemi, u nikkultivaw relazzjoni mill-qrib m’Alla. Bħal omm li taċċerta ruħha li titmaʼ u tieħu ħsieb lil uliedha, “l-ilsir leali u għaqli” jipprovdi abbundanza taʼ ikel spiritwali fiż-żmien xieraq sabiex nikbru spiritwalment.—Mattew 24:45-47; 1 Tessalonikin 2:7, 8.
15 Fil-laqgħat taʼ kull ġimgħa, in-nies taʼ Ġeħova jirċievu t-taħriġ u l-inkuraġġiment li għandhom bżonn biex ikunu Xhieda leali taʼ Ġeħova. (Ebrej 10:24, 25) L-Iskola tal-Ministeru Teokratiku tgħallimna kif nitkellmu fil-pubbliku, u l-Laqgħa tas-Servizz taʼ l-Għalqa tħarriġna biex nippreżentaw il-messaġġ tagħna b’mod effettiv. Kemm fil-laqgħat tagħna u kemm fl-istudju persunali tagħna bil-pubblikazzjonijiet Bibliċi, aħna nistgħu naraw l-ispirtu taʼ Ġeħova jopera, hekk kif jidderieġi l-organizzazzjoni tiegħu. Permezz taʼ dawn il-provvedimenti regulari, Alla jwissina dwar il-perikli, iħarriġna biex inkunu ministri effettivi, u jgħinna nibqgħu mqajmin spiritwalment.—Salm 19:8, 9, 12 (19:7, 8, 11, NW); 1 Tessalonikin 5:6, 11; 1 Timotju 4:13.
Il-Motivazzjoni għad-Deċiżjoni
16. Xi jqanqalna niddedikaw ruħna lil Ġeħova?
16 Iż-żewġ mistoqsijiet tal-magħmudija għalhekk ifakkru lill-kandidati dwar it-tifsir tal-magħmudija fl-ilma u r-responsabbiltajiet li ġġib magħha. Imma allura x’għandu jqanqalhom jieħdu d-deċiżjoni biex jitgħammdu? Aħna ma nsirux dixxipli mgħammdin għax xi ħadd jisforzana, imma għax Ġeħova ‘jiġbidna.’ (Ġwanni 6:44) Ladarba “Alla hu mħabba,” hu jaħkem l-univers bl-imħabba, mhux bil-forza. (1 Ġwanni 4:8) Aħna ninġibdu lejn Ġeħova mill-kwalitajiet sbieħ tiegħu u mill-mod kif jittratta magħna. Ġeħova ta lill-Iben uniġenitu tiegħu għalina u offrielna l-aqwa futur possibbli. (Ġwanni 3:16) Mill-banda l-oħra, aħna niġu mqanqlin biex noffrulu—u niddedikawlu—ħajjitna.—Proverbji 3:9; 2 Korintin 5:14, 15.
17. Lejn xiex ma ddedikajniex ruħna?
17 Aħna ma niddedikawx ruħna għal xi kawża, jew xi biċċa xogħol speċifika, imma lil Ġeħova nnifsu. Ix-xogħol li Alla għandu għan-nies tiegħu se jinbidel, imma d-dedikazzjoni tagħhom lejh tibqaʼ l-istess. Per eżempju, dak li qabbad lil Abraham biex jagħmel kien differenti ħafna minn dak li qabbad lil Ġeremija biex jagħmel. (Ġenesi 13:17, 18; Ġeremija 1:6, 7) Però, it-tnejn li huma għamlu x-xogħol speċifiku li tahom Alla minħabba li kienu jħobbu lil Ġeħova u xtaqu jagħmlu r-rieda tiegħu lealment. Matul dan iż-żmien taʼ l-aħħar, is-segwaċi mgħammdin kollha taʼ Kristu jistinkaw biex iwettqu l-kmand taʼ Kristu li jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna u jagħmlu dixxipli. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Mod mill-aqwa kif nuru l-imħabba tagħna għal Missierna tas-sema u li aħna tassew dedikati lilu hu billi nagħmlu dan ix-xogħol mill-qalb.—1 Ġwanni 5:3.
18, 19. (a) Liema stqarrija pubblika nagħmlu permezz tal-magħmudija tagħna? (b) X’se jiġi kunsidrat fl-artiklu li jmiss?
18 Mingħajr ebda dubju, il-magħmudija tagħtina l-opportunità li ngawdu ħafna barkiet, imma m’hijiex pass li għandna niħduh mingħajr ma naħsbu dwaru sew. (Luqa 14:26-33) Din tesprimi determinazzjoni li tiġi qabel kull responsabbiltà oħra. (Luqa 9:62) Meta nitgħammdu, aħna fil-fatt inkunu qed nistqarru pubblikament: “Dan hu Alla! Alla tagħna għal dejjem taʼ dejjem. Hu jmexxina għal dejjem!”—Salm 48:15 (48:14, NW).
19 L-artiklu li jmiss se jeżamina iktar mistoqsijiet li jistgħu jinqalgħu dwar il-magħmudija fl-ilma. Jistaʼ jkun hemm raġunijiet validi għala individwu għandu joqgħod lura milli jitgħammed? Hija importanti l-età? Kif jistaʼ kulħadd jgħin biex l-okkażjoni tal-magħmudija tkun waħda dinjituża?
Tistaʼ Tispjega?
• Kull Kristjan għala jrid jindem qabel il-magħmudija?
• X’tinvolvi d-dedikazzjoni lil Alla?
• Liema responsabbiltajiet iġib miegħu l-unur li nġorru l-isem taʼ Ġeħova?
• X’għandu jqanqalna nieħdu d-deċiżjoni li nitgħammdu?
[Kaxxa/Stampa f’paġna 22]
Iż-Żewġ Mistoqsijiet tal-Magħmudija
Fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu, indimt int minn dnubietek u ddedikajt ruħek lil Ġeħova biex tagħmel ir-rieda tiegħu?
Tifhem int li d-dedikazzjoni u l-magħmudija tiegħek jidentifikawk bħala wieħed/waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova fi sħubija maʼ l-organizzazzjoni t’Alla mmexxija mill-ispirtu?
[Stampa f’paġna 23]
Id-dedikazzjoni hija wegħda solenni li ssir lil Ġeħova fit-talb
[Stampa f’paġna 25]
Ix-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar juri li aħna dedikati lil Alla