LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 4/15 pp. 3-7
  • Warrab il-“Frugħat”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Warrab il-“Frugħat”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Warrab Allat Fiergħa
  • Tħallix ix-​Xewqat tal-​Laħam Isiru l-​Alla Tiegħek
  • Attent minn Kliem Fieragħ
  • Kif Twarrab Kliem Fieragħ
  • Evita li Tiġri Wara “Ħwejjeġ Fiergħa”
    Il-Ministeru tas-Saltna—2002
  • Hemm Alla Wieħed Biss li Hu Veru?
    Stenbaħ!—2006
  • “Il-Ħajja taʼ Dejjem Tfisser Dan”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Jehovah Jumilja lill-​Kburin
    Il-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha I
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 4/15 pp. 3-7

Warrab il-​“Frugħat”

“Min jagħtiha għall-​frugħat hu bla moħħ.”—PROV. 12:11.

1. X’inhuma xi ftit mill-​affarijiet prezzjużi tagħna, u liema hu l-​aħjar mod li nużawhom?

BĦALA Kristjani, aħna lkoll għandna affarijiet prezzjużi taʼ xi xorta jew oħra. Dawn jistgħu jinkludu ammont taʼ saħħa jew qawwa, abbiltajiet mentali li writna, jew ġid finanzjarju. Peress li nħobbu lil Ġeħova, aħna ferħanin li nużaw dawn l-​affarijiet fis-​servizz tiegħu, u b’hekk nobdu t-​twissija ispirata: “Onora lil Ġeħova bl-​affarijiet prezzjużi tiegħek.”—Prov. 3:9, NW.

2. Liema twissija tagħti l-​Bibbja dwar il-​frugħat, u din it-​twissija kif tapplika f’sens letterali?

2 Mill-​banda l-​oħra l-​Bibbja titkellem dwar frugħat, jew affarijiet bla siwi, u twissina biex ma naħlux ir-​riżorsi tagħna niġru wara dawn l-​affarijiet. F’dan ir-​rigward, ikkunsidra l-​kliem taʼ Proverbji 12:11: “Min jaħdem l-​għalqa tiegħu jiekol bix-​xabaʼ, min jagħtiha għall-​frugħat hu bla moħħ.” M’huwiex diffiċli tara kif dan il-​proverbju japplika f’sens letterali. Jekk raġel juża l-​ħin u l-​enerġija tiegħu jaħdem iebes biex imantni l-​familja tiegħu, x’aktarx li hu u l-​familja jkollhom ammont taʼ sigurtà. (1 Tim. 5:8) Iżda jekk jaħli r-​riżorsi tiegħu jiġri wara l-​frugħat, hu juri li “hu bla moħħ,” nieqes minn irraġunar bilanċjat u motivazzjoni tajba. X’aktarx li bniedem bħal dan isib ruħu fil-​bżonn.

3. It-​twissija tal-​Bibbja dwar il-​frugħat kif tapplika għall-​qima tagħna?

3 Iżda, xi ngħidu jekk napplikaw il-​prinċipju taʼ dan il-​proverbju għall-​qima tagħna? Jekk nagħmlu dan naraw li Kristjan li jħabrek biex jaqdi lil Ġeħova lealment igawdi sigurtà vera. Hu jistaʼ jkun fiduċjuż mill-​barka t’Alla issa u jkollu tama ċerta għall-​futur. (Mt. 6:33; 1 Tim. 4:10) Però, Kristjan li jaljena ruħu bil-​frugħat jipperikola r-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova u l-​prospetti tiegħu għall-​ħajja taʼ dejjem. Kif nistgħu nevitaw dan? Irridu nirrikonoxxu liema huma l-​“frugħat” f’ħajjitna u nkunu determinati li nwarrbuhom.—Aqra Titu 2:11, 12.

4. F’sens ġenerali, x’inhuma l-​frugħat?

4 Mela, allura, x’inhuma l-​frugħat? F’sens ġenerali, dawn jistgħu jkunu kwalunkwe ħaġa li taljenana milli naqdu lil Ġeħova b’ruħna kollha. Per eżempju, jistgħu jinkludu diversi tipi taʼ rikreazzjoni. M’għandniex xi ngħidu, ir-​rikreazzjoni għandha postha. Iżda, meta nqattgħu ħafna ħin fil-​pjaċiri u nnaqqsu mill-​attivitajiet konnessi mal-​qima tagħna, ir-​rikreazzjoni ssir frugħa u teffettwa ħażin l-​ispiritwalità tagħna. (Koħ. 2:24; 4:6) Biex jevita dan, Kristjan għandu jrawwem fih il-​bilanċ, billi joqgħod attent kif iqattaʼ l-​ħin prezzjuż tiegħu. (Aqra Kolossin 4:5.) Iżda, hemm frugħat li huma ferm iżjed taʼ periklu mir-​rikreazzjoni. Fost dawn hemm l-​allat foloz.

Warrab Allat Fiergħa

5. Il-​Bibbja taʼ spiss kif tapplika l-​kelma “frugħa”?

5 Huwa interessanti li l-​biċċa l-​kbira tal-​versi Bibliċi fejn tidher il-​kelma “frugħa,” din tiġi applikata għall-​allat foloz. Per eżempju, Ġeħova qal lil Iżrael: “Tagħmlux allat foloz, twaqqfux xbihat jew plieri; ebda ħaġra maħduma ma tagħmlu f’artkom biex tadurawha.” (Lev. 26:1) Is-​Sultan David kiteb: “Kbir il-​Mulej, taʼ min ifaħħru ħafna, tal-​biżaʼ aktar mill-​allat kollha. Għax kollha frugħa l-​allat tal-​popli, Jaħweh hu li għamel is-​smewwiet.”—1 Kron. 16:25, 26.

6. L-​allat foloz għala huma fiergħa?

6 Kif wera David, aħna mdawrin bl-​evidenza tal-​kobor taʼ Ġeħova. (Salm 139:14; 148:1-10) Xi privileġġ kellhom l-​Iżraelin li jkunu f’relazzjoni taʼ patt maʼ Ġeħova! Kemm kienu boloh li telquh u mielu quddiem xbihat minquxa u plieri sagri! Fi żminijiet taʼ kriżi, l-​allat foloz tagħhom urew li kienu verament fiergħa, li ma setgħux isalvaw lanqas lilhom infushom aħseb u ara lil dawk li kienu jadurawhom.—Mħ. 10:14, 15; Is. 46:5-7.

7, 8. Il-​“flus” kif jistgħu jsiru bħal alla għalina?

7 F’ħafna pajjiżi llum, in-​nies għadhom imilu quddiem xbihat magħmulin mill-​bnedmin, u dawn l-​allat huma fiergħa issa bħalma kienu fil-​passat. (1 Ġw. 5:21) Madankollu, minbarra x-​xbihat, il-​Bibbja tiddeskrivi affarijiet oħrajn bħala allat. Per eżempju, ikkunsidra dan il-​kliem taʼ Ġesù: “Ħadd ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien; għax jew jobgħod lil wieħed u jħobb lill-​ieħor, jew jintrabat maʼ wieħed u jistmerr lill-​ieħor. Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-​flus.”—Mt. 6:24.

8 Il-​“flus” kif jistgħu jsiru bħal alla għalina? Bħala eżempju, aħseb dwar ġebla mitluqa f’għalqa f’Iżrael tal-​qedem. Ġebla bħal din setgħet tintuża fil-​bini taʼ dar jew ħajt. Mill-​banda l-​oħra, jekk kienet titpoġġa bħala “plier” sagru, jew bħala “ħaġra maħduma,” din kienet issir xi ħaġa li tfixkel lill-​poplu taʼ Ġeħova. (Lev. 26:1) Bl-​istess mod, il-​flus għandhom posthom. Għandna bżonnhom biex ngħixu, u nistgħu nużawhom tajjeb fis-​servizz taʼ Ġeħova. (Koħ. 7:12; Lq. 16:9) Iżda, jekk inpoġġu l-​ġiri wara l-​flus qabel is-​servizz Kristjan tagħna, fil-​fatt, il-​flus isiru alla għalina. (Aqra l-​1 Timotju 6:9, 10.) F’din id-​dinja, fejn il-​qligħ materjali hu tant importanti għan-​nies, irridu noqogħdu attenti li dejjem ikollna ħarsa bilanċjata f’dan ir-​rigward.—1 Tim. 6:17-19.

9, 10. (a) Il-​Kristjan kif iħares lejn l-​edukazzjoni? (b) Liema hu periklu wieħed li hemm fl-​edukazzjoni għolja?

9 Eżempju ieħor taʼ xi ħaġa bżonnjuża li tistaʼ ssir frugħa hija l-​edukazzjoni sekulari. Aħna rridu li wliedna jieħdu edukazzjoni tajba sabiex ikunu jistgħu jaqilgħu l-​għajxien tagħhom. U saħansitra iktar importanti huwa l-​fatt li Kristjan li jkollu edukazzjoni tajba jistaʼ jaqra u jifhem il-​Bibbja aħjar, jirrifletti fuq il-​problemi li jistaʼ jiltaqaʼ magħhom u jasal għal konklużjonijiet tajbin, u jgħallem il-​veritajiet tal-​Bibbja b’mod ċar u persważiv. Trid iż-​żmien biex tikseb edukazzjoni tajba, imma huwa ħin użat tajjeb.

10 Iżda, xi ngħidu dwar l-​edukazzjoni għolja li tinkiseb f’xi università? Din ġeneralment hi meqjusa bħala vitali biex ikollok suċċess. Madankollu, ħafna li jirċievu edukazzjoni bħal din jispiċċaw jimlew moħħhom b’ħafna propaganda taʼ ħsara. Edukazzjoni bħal din taħlilek ħafna snin siewja minn żgħożitek, snin li jistgħu jintużaw bl-​aħjar mod fis-​servizz taʼ Ġeħova. (Koħ. 12:1) Forsi ma niħduhiex bħala sorpriża li f’pajjiżi fejn ħafna jirċievu dan it-​tip t’edukazzjoni, it-​twemmin f’Alla naqas iktar minn qatt qabel. Il-​Kristjan jafda f’Ġeħova għas-​sigurtà minflok ma jħares lejn is-​sistemi edukattivi avanzati taʼ din id-​dinja.—Prov. 3:5.

Tħallix ix-​Xewqat tal-​Laħam Isiru l-​Alla Tiegħek

11, 12. Pawlu għala qal dwar xi wħud: “L-​alla tagħhom hu żaqqhom”?

11 Fl-​ittra tiegħu lill-​Filippin, l-​appostlu Pawlu jsemmi xi ħaġa oħra li tistaʼ ssir alla. Hu tkellem dwar xi wħud li qabel kienu aduraturi sħabu u qal: “Hemm ħafna, li kont insemmihom spiss imma li issa nsemmihom ukoll bil-​biki, li qed jimxu bħala l-​għedewwa taz-​zokk tat-​tortura tal-​Kristu, u tmiemhom hu l-​qerda, u l-​alla tagħhom hu żaqqhom, . . . u moħħhom fl-​affarijiet taʼ l-​art.” (Flp. 3:18, 19) Kif jistaʼ l-​istonku, jew iż-​żaqq, isir alla?

12 Milli jidher, għal dawn l-​uħud li kien jaf Pawlu, sar iktar importanti li jagħtuha għax-​xewqat tal-​laħam milli jaqdu lil Ġeħova flimkien maʼ Pawlu. Xi wħud minnhom forsi tawha letteralment għall-​ikel jew għax-​xorb sal-​punt tal-​gula jew is-​sokor. (Prov. 23:20, 21; qabbel Dewteronomju 21:18-21.) Oħrajn forsi għażlu li jieħdu vantaġġ mill-​opportunitajiet li setgħu jinkisbu fl-​ewwel seklu, u b’hekk ġew aljenati milli jaqdu lil Ġeħova. Jalla qatt ma nħallu x-​xewqa għall-​hekk imsejħa ħajja komda ġġegħelna nnaqqsu milli nagħtu lil Ġeħova servizz b’ruħna kollha.—Kol. 3:23, 24.

13. (a) X’inhi x-​xenqa b’għira, u Pawlu kif iddeskrivieha? (b) Kif nistgħu nevitaw ix-​xenqa b’għira?

13 Pawlu semma wkoll aspett ieħor tal-​qima falza. Hu kiteb: “Mewtu l-​membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-​art fejn tidħol iż-​żína, in-​nuqqas taʼ ndafa, l-​aptit sesswali, ix-​xewqa li twassal għall-​ħsara, u x-​xenqa b’għira, li hi idolatrija.” (Kol. 3:5) Ix-​xenqa b’għira hi xewqa qawwija għal xi ħaġa li m’hijiex tagħna. Tistaʼ tkun għal affarijiet materjali. Tistaʼ tinkludi saħansitra xewqa għal sess illeċitu. (Eżo. 20:17) Ma jagħtikx x’taħseb il-​fatt li xewqat bħal dawn huma ekwivalenti għall-​idolatrija, il-​qima t’alla falz? Ġesù ta deskrizzjoni qawwija biex juri kemm hu importanti li tikkontrolla xewqat ħżiena bħal dawn akkost taʼ kollox.—Aqra Marku 9:47; 1 Ġw. 2:16.

Attent minn Kliem Fieragħ

14, 15. (a) Liema “frugħa” fixklet lil ħafna fi żmien Ġeremija? (b) Kliem Mosè għala kien prezzjuż?

14 Il-​frugħat jistgħu jinkludu wkoll il-​kliem. Per eżempju, Ġeħova qal lil Ġeremija: “Il-​gideb ħabbru f’ismi l-​profeti, ma bgħatthomx, ma kkmandajthomx, ma kellimthomx. Viżjonijiet foloz, sħarijiet u [“frugħa,” NW], u l-​ħolma, taʼ moħħhom, dan ħabbrulkom.” (Ġer. 14:14) Dawn il-​profeti foloz kienu jgħidu li qed jitkellmu f’isem Ġeħova, imma kienu qed iħabbru l-​ideat tagħhom stess, l-​għerf tagħhom. B’hekk, kliemhom kien “frugħa.” Ma kien jiswa xejn u kien verament taʼ theddida għall-​ispiritwalità tal-​poplu t’Alla. Fis-​sena 607 Q.E.K., ħafna li taw kas dan il-​kliem fieragħ mietu qabel il-​waqt meta nqatlu mis-​suldati Babiloniżi.

15 B’kuntrast maʼ dan, Mosè qal lill-​Iżraelin: “Żommu f’qalbkom dan il-​kliem kollu li jien illum qegħedt quddiemkom . . .  Għax m’hijiex xi ħaġa fiergħa għalikom, imma ħajjitkom, u biha intom tgħaddu żmien twil fl-​art li intom se taqsmu l-​Ġordan biex teħduha f’idejkom.” (Dt. 32:46, 47) Iva, kliem Mosè kien ispirat minn Alla, u b’hekk kien prezzjuż, tabilħaqq vitali, għall-​benesseri tal-​ġens. Dawk li taw kasu gawdew ħajja twila u prosperità. Jalla dejjem inwarrbu kliem fieragħ u nżommu sod mal-​kliem prezzjuż tal-​verità.

16. Kif inħarsu lejn stqarrijiet taʼ xi xjenzati, li jmorru kontra l-​Kelma t’Alla?

16 Nisimgħu frugħat imlissnin illum? Iva. Per eżempju, xi xjenzati jgħidu li t-​teorija taʼ l-​evoluzzjoni u l-​iskoperti xjentifiċi f’oqsma oħrajn juru li m’għadx hemm bżonn li temmen f’Alla, li kollox jistaʼ jiġi spjegat permezz taʼ proċessi naturali. Għandhom għalfejn jikkonċernawna dawn l-​istqarrijiet arroganti? Dażgur li le! L-​għerf uman huwa differenti mill-​għerf divin. (1 Kor. 2:6, 7) Madankollu, aħna nafu li meta t-​tagħlim uman imur kontra dak li rrivela Alla, huwa dejjem it-​tagħlim uman li hu ħażin. (Aqra Rumani 3:4.) Minkejja l-​progress fil-​qasam xjentifiku, dak li tgħid il-​Bibbja dwar l-​għerf uman jibqaʼ veru: “L-​għerf taʼ din id-​dinja hu bluha għal Alla.” Imqabbel maʼ l-​għerf infinit t’Alla, l-​irraġunar tal-​bniedem hu fieragħ.—1 Kor. 3:18-20.

17. Kif għandna nħarsu lejn il-​kliem tal-​mexxejja tal-​Kristjaneżmu u taʼ l-​apostati?

17 Eżempju ieħor taʼ kliem fieragħ jinsab fost il-​mexxejja reliġjużi tal-​Kristjaneżmu. Dawn jgħidu li qed jitkellmu f’isem Alla, iżda l-​biċċa l-​kbira minn dak li jgħidu m’huwiex ibbażat fuq l-​Iskrittura, u kliemhom hu bażikament fieragħ. L-​apostati wkoll jitkellmu kliem fieragħ, waqt li jgħidu li għandhom iktar għerf mill-​“ilsir leali u għaqli” li hu maħtur minn Ġesù. (Mt. 24:45-47) Iżda fil-​fatt l-​apostati jitkellmu l-​għerf tagħhom, u kliemhom hu fieragħ, taʼ tfixkil għal dawk li forsi jisimgħu minnhom. (Lq. 17:1, 2) Kif nistgħu noqogħdu attenti li ma nitqarrqux minnhom?

Kif Twarrab Kliem Fieragħ

18. B’liema modi nistgħu napplikaw il-​pariri li nsibu fl-​1 Ġwanni 4:1?

18 L-​appostlu xwejjaħ Ġwanni tana pariri mill-​aħjar f’dan ir-​rigward. (Aqra l-​1 Ġwanni 4:1.) Fi qbil mal-​pariri taʼ Ġwanni, aħna dejjem ninkuraġġixxu lil dawk li niltaqgħu magħhom fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar biex jgħarblu dak li ġew mgħallmin billi jqabbluh mal-​Bibbja. Din hija regola tajba għalina wkoll. Jekk nisimgħu xi kliem taʼ kritika dwar il-​verità jew li jitfaʼ dell ikrah fuq il-​kongregazzjoni, fuq l-​anzjani, jew fuq xi ħadd minn ħutna, aħna ma naqbdux u nemmnuh. Minflok, nistaqsu: “Dan li qed ixerred din l-​istorja qiegħed jaġixxi fi qbil maʼ dak li tgħid il-​Bibbja? Qegħdin dawn l-​istejjer jew l-​akkużi jgħinu l-​iskop taʼ Ġeħova? Iġibu ’l quddiem il-​paċi tal-​kongregazzjoni?” Kwalunkwe ħaġa li minflok ma tibni l-​fratellanza tkissirha, hija frugħa.—2 Kor. 13:10, 11.

19. L-​anzjani kif jaċċertaw ruħhom li kliemhom m’huwiex fieragħ?

19 Rigward kliem fieragħ, l-​anzjani wkoll jitgħallmu lezzjoni importanti. Kulmeta jkollhom bżonn jagħtu xi parir huma jiftakru fil-​limitazzjonijiet tagħhom u ma jissograwx joffru pariri sempliċement mill-​esperjenza persunali tagħhom. Huma għandhom dejjem jirreferu għal dak li tgħid il-​Bibbja. Regola valida tinsab fil-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu: “Tmorrux lil hinn minn dak li hemm miktub.” (1 Kor. 4:6) L-​anzjani ma jmorrux lil hinn minn dak li hemm miktub fil-​Bibbja. U bl-​istess mod, ma jmorrux lil hinn mill-​pariri bbażati fuq il-​Bibbja miktubin fil-​pubblikazzjonijiet taʼ l-​ilsir leali u għaqli.

20. B’liema mod niġu aħna megħjunin inwarrbu l-​frugħat?

20 Il-​frugħat—kemm jekk ikunu “allat,” kliem, jew xi ħaġa oħra—jagħmlu ħsara kbira. Minħabba f’hekk, aħna nitolbu dejjem lil Ġeħova biex jgħinna nindunaw bihom, u nfittxu l-​gwida tiegħu biex jurina kif inwarrbuhom. Meta nagħmlu dan, fil-​fatt inkunu qed ngħidu mas-​salmista: “Tħallix lil għajnejja jħarsu lejn il-​frugħa; agħtini l-​ħajja bil-​kelma tiegħek.” (Salm 119:37) Fl-​artiklu li jmiss se nkomplu niddiskutu kemm hu taʼ valur li naċċettaw il-​gwida taʼ Ġeħova.

Tistaʼ Tispjega?

• F’sens ġenerali, liema “frugħat” għandna nwarrbu?

• Kif nistgħu ma nħallux il-​flus isiru bħal alla għalina?

• Ix-​xewqat tal-​laħam kif jistgħu jsiru idolatrija?

• Kif nistgħu nwarrbu kliem fieragħ?

[Stampa f’paġna 3]

L-​Iżraelin kienu inkuraġġiti ‘jaħdmu l-​għalqa tagħhom,’ u ma jiġrux wara l-​frugħat

[Stampa f’paġna 5]

Qatt tħalli x-​xewqa għal affarijiet materjali tnaqqaslek il-​pass fis-​servizz taʼ Ġeħova

[Stampa f’paġna 6]

Il-​kliem taʼ l-​anzjani jistaʼ jkun prezzjuż ħafna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja