Żgħażagħ li Jferrħu Qalb Jehovah
Dawn l-artikli taʼ studju ġew imħejjijin apposta għaż-żgħażagħ fost ix-Xhieda taʼ Jehovah. Għalhekk, inħeġġu liż-żgħażagħ biex jistudjaw il-materjal bir-reqqa u jipparteċipaw bil-ħerqa meta dan jiġi kunsidrat fl-istudju tat-Torri taʼ l-Għassa fil-kongregazzjoni.
“Kun għaref, ibni, u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min jgħajjarni.” —Proverbji 27:11.
1, 2. (a) Spjega jekk sempliċi ġibda lejn l-affarijiet tad-dinja tfissirx li m’intix denju li tkun Kristjan. (Rumani 7:21) (b) X’titgħallem mill-eżempju taʼ Asaf? (Ara l-kaxxa f’paġna 13.)
IMMAĠINA li qed iddur il-ħwienet biex tixtri xi ħwejjeġ. Waqt li qed tfittex, tara flokk li jolqtok mill-ewwel. Għandu l-kulur u l-istil li trid int, u mill-prezz tiegħu tara li hu verament irħis. Iżda mbagħad toqgħod tiflih ftit. Lanqas tkun trid temmen meta tara li l-materjal huwa mżarrat fit-truf u l-ħjata magħmula kemxejn bl-addoċċ. Il-flokk, għalkemm jogħġbok, ma tantx huwa taʼ kwalità tajba. Lest li tonfoq flusek fuq prodott li m’huwiex daqshekk taʼ kwalità?
2 Qabbel din is-sitwazzjoni maʼ dak li tistaʼ tiffaċċja int bħala żagħżugħ Kristjan. Mad-daqqa t’għajn, l-affarijiet tad-dinja—bħal dak il-flokk—jistgħu jolqtuk ħafna. Per eżempju, sħabek taʼ l-iskola forsi jmorru parties storbjużi, jieħdu d-drogi, jiskru, joħorġu maʼ diversi ġuvintur jew tfajliet, u jkollhom relazzjonijiet sesswali barra ż-żwieġ. Ġieli titħajjar mill-mod taʼ ħajja tagħhom? Tħossok tixxennaq imqar għal naqra mil-“libertà” tagħhom? Jekk inhu hekk, taqbadx u tikkonkludi li int ħażin u li m’intix denju li tkun Kristjan. Wara kollox, il-Bibbja tirrikonoxxi li d-dinja jistaʼ verament ikollha ġibda qawwija biex tħajjar anki lil min irid jogħġob ’l Alla.—2 Timotju 4:10.
3. (a) Għala hija xi ħaġa fiergħa li tfittex l-affarijiet tad-dinja? (b) Oħt Kristjana kif tiddeskrivi l-frugħa tal-ġiri wara l-affarijiet tad-dinja?
3 Jekk jogħġbok, issa ħares iktar bir-reqqa lejn l-affarijiet tad-dinja li semmejna, bħalma kieku tħares lejn il-flokk li kont bi ħsiebek tixtri. Staqsi lilek innifsek, ‘Taʼ liema kwalità huma d-drapp u l-ħjata taʼ din is-sistema dinjija?’ Il-Bibbja tistqarr li ‘d-dinja tgħaddi.’ (1 Ġwann 2:17) Kull pjaċir li jistaʼ jinkiseb minnha anki fl-aqwa ċirkustanzi se jkun biss temporanju. Barra minn hekk, il-kondotta taʼ min jiċħad ’l Alla għandha prezz għoli. Żgur li ma jaqbillekx. Oħt Kristjana, li kellha tissaporti dak li hi ssejjaħlu “l-uġigħ li ġġarrab meta taħli żgħożitek,” tgħid: “Id-dinja għandha mnejn tidher kollha xinxilli u tħajrek. U din tridek temmen li int tistaʼ tgawdi t-tip taʼ divertiment li toffri hi mingħajr ebda tbatija. Iżda dan huwa sempliċement impossibbli. Id-dinja tużak, u meta tixbaʼ minnek, tarmik.”a Għala għandek taħli żgħożitek f’mod taʼ ħajja li hu daqshekk fqir?
Protezzjoni mill-“Ħażin”
4, 5. (a) Ftit qabel miet, Ġesù għal xiex talab lil Jehovah? (b) Din għala kienet talba xierqa?
4 Peress li ż-żgħażagħ fost ix-Xhieda taʼ Jehovah jirrealizzaw li din is-sistema m’għandha xejn x’toffrilhom li hu taʼ kwalità tajba, huma jistinkaw biex jevitaw il-ħbiberija maʼ din id-dinja. (Ġakbu 4:4) Int wieħed minn dawn iż-żgħażagħ leali? Jekk iva, ħaqqek prosit. Huwa minnu li m’huwiex faċli tegħleb il-pressjoni minn taʼ madwarek u kulħadd ikun jaf li int differenti minnhom, iżda għandek l-għajnuna.
5 Ftit qabel ma miet, Ġesù talab lil Jehovah biex ‘iħares’ lid-dixxipli tiegħu “mill-Ħażin.” (Ġwann 17:15) Ġesù kellu raġuni tajba għala talab hekk. Hu kien jaf li ma kienx se jkun faċli għas-segwaċi tiegħu biex iżommu l-integrità, ikunu taʼ liema età jkunu. Għala? Bħalma rrikonoxxa Ġesù, waħda mir-raġunijiet hi li d-dixxipli tiegħu kellhom jiffaċċjaw għadu qawwi u inviżibbli—il-wieħed “Ħażin,” Satana x-Xitan. Il-Bibbja tgħid li dan l-esseri spirtu kiefer “qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex ’il min sa jiblaʼ.”—1 Pietru 5:8.
6. Kif nafu li Satana m’għandu ebda ħniena għaż-żgħar?
6 Matul l-istorja tal-bniedem, Satana bil-krudeltà kollha kien u għadu jsib l-għaxqa tiegħu f’li jġib l-iktar atroċitajiet ħorox fuq il-bnedmin. Ikkunsidra l-hemm kbir li Satana ġab fuq Ġob u l-familja tiegħu. (Ġob 1:13-19; 2:7) Forsi tiftakar xi ġrajjiet fl-aħbarijiet li seħħew matul ħajtek fejn jidher biċ-ċar li kien hemm l-ispirtu vjolenti taʼ Satana fin-nofs. Ix-Xitan qed iħuf, u fit-tfittxija tiegħu biex jara lil min se jiblaʼ ma juri l-ebda ħniena lejn iż-żgħażagħ. Per eżempju, fil-bidu taʼ l-ewwel seklu E.K., Erodi fassal pjan biex joqtol lis-subien kollha f’Betlehem li kellhom sentejn jew inqas. (Mattew 2:16) Wisq probabbli, kien Satana li qanqal lil Erodi—dan kollu bi sforz biex jeqred lit-tifel li xi darba kellu jsir il-Messija mwiegħed t’Alla u jġib il-ħaqq t’Alla fuq Satana! (Ġenesi 3:15) Jidher ċar li Satana m’għandu ebda ħniena għaż-żgħar. L-unika intenzjoni li għandu hi li jiblaʼ kemm jistaʼ bnedmin. Dan hu speċjalment minnu issa, għaliex Satana tkeċċa mis-sema għal fuq l-art, “b’korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu.”—Apokalissi 12:9, 12.
7. (a) Jehovah kif jispikka f’kuntrast kbir maʼ Satana? (b) Jehovah kif iħossu dwar li int tgawdi l-ħajja?
7 F’kuntrast kbir maʼ Satana, li għandu “korla kbira,” Jehovah tant għandu “qalb ħanina.” (Luqa 1:78) Hu l-eżempju perfett taʼ l-imħabba. Fil-fatt, din il-kwalità grandjuża tant hi karatteristika tal-Ħallieq tagħna li l-Bibbja tgħid: “Alla hu mħabba.” (1 Ġwann 4:8) X’differenza hemm bejn l-alla taʼ din is-sistema u dak Alla li int għandek l-unur li tqim! Waqt li Satana jfittex lil min se jiblaʼ, Jehovah “ma jridx li xi ħadd jintilef.” (2 Pietru 3:9) Hu jqis kull ħajja umana bħala li hi prezzjuża—anki tiegħek. Meta fil-Kelma tiegħu Jehovah iwissik biex ma tkun ebda parti mid-dinja, hu ma jkunx qed jipprova jċaħħdek milli tgawdi l-ħajja jew joħnoq il-libertà tiegħek. (Ġwann 15:19) Anzi, għall-kuntrarju hu qed iħarsek mill-wieħed Ħażin. Missierek tas-sema jrid jagħtik xi ħaġa ħafna aqwa mill-pjaċiri tad-dinja li jgħaddu f’ħakka t’għajn. Hu jixtieqek tikseb “il-ħajja vera”—ħajja taʼ dejjem f’ġenna taʼ l-art. (1 Timotju 6:17-19) Jehovah iridek tirnexxi, u qed iħeġġek biex tilħaq din il-mira. (1 Timotju 2:4) Barra minn hekk, Jehovah qed jagħmillek stedina speċjali. X’inhi din l-istedina?
“Ferraħli Qalbi”
8, 9. (a) Int liema rigal tistaʼ tagħti lil Jehovah? (b) Satana kif jgħajjar lil Jehovah, bħalma jurina l-każ taʼ Ġob?
8 Qatt xtrajt rigal għal xi ħabib tal-qalb u mbagħad rajt wiċċu jixgħel bil-ferħ u bl-apprezzament malli tajthulu? Min jaf kemm domt taħseb dwar x’tip taʼ rigal hu addattat għalih. Issa kkunsidra din il-mistoqsija: X’rigal tistaʼ toffri lill-Ħallieq tiegħek, Alla Jehovah? Għall-ewwel, din l-idea forsi tidher daqsxejn banali. Dak li jistaʼ kollox x’jistaʼ jkollu bżonn mingħand sempliċi bniedem? X’tistaʼ tagħtih li m’għandux diġà? Il-Bibbja tweġibna fi Proverbji 27:11: “Kun għaref, ibni, u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min jgħajjarni.”
9 Bħalma x’aktarx tgħallimt mill-studju tiegħek tal-Bibbja, huwa Satana x-Xitan li jgħajjar lil Jehovah. Hu jsostni li kulmin jaqdi ’l Alla ma jaqdihx għax iħobbu, iżda għal raġunijiet egoistiċi. Satana jgħidlu li jekk iħallihom ibatu, huma malajr jabbandunaw il-qima vera. Per eżempju, ikkunsidra x’qallu Satana lil Jehovah dwar ir-raġel twajjeb Ġob: “Forsi int ma bnejtx ħajt madwaru u madwar daru, u madwar kull ma għandu kif iddur? Berikt kull ma għamlu jdejh, u ġidu kotor maʼ l-art kollha kemm hi. Imma midd idek u olqot kull ma għandu, u tara jekk jisħtekx f’wiċċek.”—Ġob 1:10, 11.
10. (a) Kif nafu li Satana mhux dwar l-integrità taʼ Ġob biss qajjem dubji? (b) Kif int involut fil-kwistjoni tas-sovranità?
10 Bħalma jikxef ir-rakkont tal-Bibbja, Satana mhux il-lealtà taʼ Ġob biss iddubita iżda anki l-lealtà taʼ dawk kollha li jaqdu ’l Alla—inkluż tiegħek. Fil-fatt, meta kien qed jitkellem dwar il-bnedmin b’mod ġenerali, Satana qal lil Jehovah: “Il-bniedem [mhux biss Ġob imma kulħadd] jagħti kull ma jkollu għal ħajtu!” (Ġob 2:4) Qed tara x’inhu l-irwol tiegħek f’din il-kwistjoni vitali? Bħalma jindika Proverbji 27:11, Jehovah qed jgħid li hemm xi ħaġa li int tistaʼ tagħtih—bażi fuqiex iwieġeb lil dak li jgħajru, lil Satana. Immaġina, is-Sovran taʼ l-Univers qed isejjaħlek biex twieġeb personalment għall-akbar kwistjoni li qatt eżistiet. X’responsabbiltà u privileġġ taʼ l-għaġeb għandek! Tistaʼ int tagħmel dak li Jehovah qed jitlob minnek? Ġob hekk għamel. (Ġob 2:9, 10) Anki Ġesù, u anki ħafna oħrajn tul is-snin, inkluż ħafna żgħażagħ. (Filippin 2:8; Apokalissi 6:9) Int tistaʼ tagħmel bħalhom. Madankollu, ibqaʼ ċert li ma tistax tkun newtrali f’din il-kwistjoni. Bil-mod kif taġixxi se turi jekk hux qed tappoġġa l-akkuża taʼ Satana jew it-tweġiba taʼ Jehovah. Maʼ liema naħa se żżomm?
Jehovah Jimpurtah Minnek
11, 12. Huwa Jehovah effettwat minn jekk tagħżilx li taqdih jew le? Spjega.
11 Jimpurtah verament Jehovah dwar liema għażla tagħmel? M’hemmx diġà biżżejjed nies li baqgħu leali biex Hu jkun jistaʼ jwieġeb sew lil Satana? Veru, ix-Xitan sostna li ħadd ma jaqdi lil Jehovah għax iħobbu, akkuża li diġà ġiet provata li hi falza. Xorta waħda, Jehovah iridek tappoġġa n-naħa tiegħu fil-kwistjoni tas-sovranità għaliex hu jimpurtah minnek bħala individwu. Ġesù qal: “Hekk ukoll, anqas Missierkom li hu fis-smewwiet ma jrid li jintilef wieħed minn dawn iż-żgħar.”—Mattew 18:14.
12 Jidher ċar li Jehovah jinteressah x’mod taʼ ħajja tagħżel. Iktar minn hekk, hu jiġi effettwat mill-għażla tiegħek. Il-Bibbja tagħmilha ċara li Jehovah għandu sentimenti profondi li jitqanqlu mill-azzjonijiet tajbin jew ħżiena tal-bnedmin. Per eżempju, meta l-Iżraelin irribellaw għal darba wara l-oħra, lil Jehovah ikkaġunawlu “wġigħ.” (Salm 78:40, 41, NW) Qabel id-Dilluvju taʼ żmien Noè, meta “l-ħażen tal-bnedmin kien kiber,” Jehovah “sewwed qalbu.” (Ġenesi 6:5, 6) Aħseb ftit dan xi jfisser. Jekk taqbad triq ħażina, se ssewwed qalb il-Ħallieq tiegħek. Dan ma jfissirx li Alla hu dgħajjef jew li jħalli l-emozzjonijiet tiegħu jiġru bih. Pjuttost, hu jħobbok u jimpurtah minnek. Mill-banda l-oħra, meta tagħmel it-tajjeb, qalb Jehovah tifraħ. Hu mhux biss jifraħ għax ikollu tweġiba oħra għal Satana iżda wkoll għax issa jistaʼ jsir il-Wieħed li jippremjak. U dan hu dak li jixtieq ikun. (Lhud 11:6) X’Missier kollu mħabba hu Alla tiegħek, Jehovah!
Barkiet Kbar Issa
13. Il-fatt li naqdu lil Jehovah kif iġibilna barkiet saħansitra minn issa?
13 Il-barkiet li jiġu meta naqdu lil Jehovah ma nesperjenzawhomx biss fil-futur. Ħafna żgħażagħ fost ix-Xhieda taʼ Jehovah huma mberkin bil-ferħ u s-sodisfazzjon minn issa, u mhux taʼ b’xejn. Is-salmista kiteb: “Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb.” (Salm 19:9 [19:8, NW]) Jehovah jaf iktar minn kull bniedem ieħor x’inhu tajjeb għalina. Permezz tal-profeta Isaija, Jehovah stqarr: “Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-ġid tiegħek, u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi. Li kieku tajt widen għall-kmandamenti tiegħi, kien ikun bħal xmara sliemek, u sedqek bħal mewġ tal-baħar.”—Isaija 48:17, 18.
14. Il-prinċipji tal-Bibbja kif jistgħu jgħinuk tevita l-uġigħ li jiġi mid-dejn?
14 Jekk tgħix skond il-prinċipji tal-Bibbja se tiġi megħjun biex tevita ħafna tbatija u wġigħ taʼ qalb. Per eżempju, il-Bibbja tgħid li dawk li żviluppaw imħabba għall-flus “infnew b’niket kbir.” (1 Timotju 6:9, 10) Hemm xi ħadd minn sħabek li għadda mill-esperjenza kerha li ssemmi din l-iskrittura? Xi rġiel u nisa żgħażagħ jinsabu f’dejn enormi sempliċement għax ikunu jridu ħwejjeġ taʼ l-aqwa ditti fis-suq u apparat taʼ l-iktar teknoloġija avanzata. Il-fatt li tagħmel żmien twil mgħobbi b’ħafna pagamenti u b’interessi għoljin fuq l-affarijiet li m’għandekx biżżejjed flus biex tixtrihom hu forma taʼ jasar kollu tbatija.—Proverbji 22:7.
15. Il-prinċipji tal-Bibbja b’liema modi jipproteġuk mill-uġigħ li jiġi minħabba l-immoralità sesswali?
15 Ikkunsidra wkoll il-kwistjoni taʼ l-immoralità sesswali. Kull sena madwar id-dinja jkun hemm eluf taʼ żgħażagħ mhux miżżewġin li jinqabdu tqal. Xi wħud jildu tfal li la jkollhom ix-xewqa u lanqas l-abbiltà li jrabbuhom. Oħrajn jagħmlu abort u jkollhom ibatu l-konsegwenzi taʼ kuxjenza mimlija rimors. Imbagħad hemm irġiel u nisa żgħażagħ li jlaqqtu xi marda trasmessa sesswalment, bħalma hi l-AIDS. M’għandniex xi ngħidu, għal min jaf lil Jehovah, l-agħar konsegwenza li jistaʼ jkollu hija li jitlef ir-relazzjoni tiegħu maʼ Jehovah.b (Galatin 5:19-21) Mhux taʼ b’xejn li l-Bibbja tgħid: “Aħarbu ż-żína!”—1 Korintin 6:18.
Naqdu lil “Dak Alla Hieni”
16. (a) Kif nafu li Jehovah iridek tgawdi ż-żgħożija tiegħek? (b) Jehovah għala jagħti linji taʼ gwida biex int issegwihom?
16 Il-Bibbja tiddeskrivi lil Jehovah bħala “Dak Alla hieni.” (1 Timotju 1:11, NW) Hu jrid li int tkun ferħan ukoll. Fil-fatt, il-Kelma tiegħu stess tgħid: “Thenna, o żagħżugħ, fir-rebbiegħa taʼ ħajtek, u ħa tkun ferħana qalbek f’jiem żgħożitek.” (Koħèlet 11:9) Iżda Jehovah jara ’l bogħod u jistaʼ jara l-konsegwenzi kemm taʼ l-imġiba tajba kif ukoll dik ħażina. Għalhekk hu jwissik: “Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek qabel ma jaslu jiem in-niket, u joqorbu s-snin li tgħid għalihom: ‘Xejn ma jogħġbuni.’”—Koħèlet 12:1.
17, 18. Żagħżugħa Kristjana kif esprimiet il-ferħ tagħha f’li taqdi lil Jehovah, u int kif tistaʼ tikseb l-istess ferħ?
17 Illum, ħafna żgħażagħ sabu ferħ kbir f’li jaqdu lil Jehovah. Per eżempju Lina, li għandha 15-il sena tgħid: “Inħossni kunfidenti u sodisfatta. Ingawdi saħħa tajba għaliex qatt ma pejjipt jew ħadt id-drogi. Il-kongregazzjoni pprovdietli gwida prezzjuża li tgħinni niġġieled il-pressjoni qawwija taʼ Satana. Wiċċi jixgħel bil-ferħ minħabba s-sħubija inkuraġġanti li nsib fis-Sala tas-Saltna. Imma l-aqwa ħaġa hi li għandi l-prospett li ma jitqabbel maʼ xejn taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-art.”
18 Bħal Lina, ħafna żgħażagħ Kristjani qed jiġġieldu ġlieda iebsa għall-fidi, u dan iġibilhom il-ferħ. Huma jirrealizzaw li ħajjithom—għalkemm kultant tkun taʼ sfida—għandha skop u futur veru. Għalhekk, kompli aqdi lil dak Alla li jixtieq l-aħjar għalik. Ferraħlu qalbu, u hu se jferrħek issa u għal dejjem!—Salm 5:12 (5:11, NW).
[Noti taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “The Truth Gave Me Back My Life” (Il-Verità Tatni Ħajti Lura), li deher fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-22 t’Ottubru, 1996.
b Huwa taʼ faraġ li tkun taf li meta xi ħadd jindem, jieqaf jagħmel il-ħażin, u jistqarr dnubietu, Jehovah se “jaħfer ħafna.”—Isaija 55:7.
Tiftakar Int?
• Liema periklu tiffaċċja minħabba l-wieħed “Ħażin,” Satana?
• Kif tistaʼ tferraħ qalb Jehovah?
• Il-Bibbja kif turi li Jehovah jimpurtah minnek?
• Liema huma xi barkiet li tistaʼ tikseb meta taqdi lil Jehovah?
[Kaxxa/Stampa f’paġna 13]
Raġel Twajjeb Kien Għoddu Tfixkel
Asaf kien mużiċist Levita prominenti fit-tempju taʼ Jehovah f’Iżrael tal-qedem. Hu saħansitra kkompona għanjiet li kienu jintużaw fil-qima pubblika. Iżda, minkejja l-privileġġi speċjali li kellu, għal xi żmien Asaf ħassu jinġibed lejn il-kondotta laxka taʼ dawk taʼ mparu, li milli jidher kienu jiksru l-liġi t’Alla mingħajr ma jbatu l-konsegwenzi. Asaf iktar tard ammetta: “Jien għal ftit ma għotrux riġlejja, għal ftit ma żlaqtx fil-mixi tiegħi. Għax ġietni l-għira għall-kburin, xħin rajt il-ħżiena jimxu ’l quddiem.”—Salm 73:2, 3.
Iktar tard, Asaf mar fis-santwarju t’Alla u talab dwar din il-problema. Għal darb’oħra setaʼ jara l-affarijiet mil-lat spiritwali, u b’hekk fehem li Jehovah jobgħod il-ħażen u li meta jasal il-waqt kemm il-ħżiena kif ukoll it-tajbin se jaħsdu dak li jiżirgħu. (Salm 73:17-20; Galatin 6:7, 8) Verament, il-ħżiena jinsabu fuq art tiżloq. Fl-aħħar mill-aħħar, huma se jaqgħu meta Jehovah jeqred din is-sistema li ma tridx taf b’Alla.—Apokalissi 21:8.
[Stampi f’paġna 15]
Jehovah jixtieq l-aħjar għalik, waqt li l-mira taʼ Satana hi li jibilgħek
[Stampa f’paġna 16]
Ħafna żgħażagħ qed isibu l-aqwa ferħ billi jaqdu lil Jehovah maʼ sħabhom il-Kristjani