L-Anakondi—Qegħdin Dawn Jikxfu Ftit Mis-Sigrieti?
Minn Riporter taʼ Stenbaħ!
MA NAFX jekk hux intom ukoll, imma ngħid għalija, ftit huma l-annimali li jaffaxxinawni daqs kemm jaffaxxinawni s-sriep kbar. U meta nsemmu sriep kbar, qed nirreferu għall-anakondi, membri tal-familja t’annimali taʼ Boidae. Madankollu, il-ħaġa taʼ l-iskantament hija li minkejja d-daqs enormi tagħhom, ftit huwa magħruf dwar l-imġiba tagħhom—għallinqas, sa ftit żmien ilu.
Fl-1992, il-bijologu Jesús A. Rivas u riċerkaturi mis-Soċjetà għall-Ħarsien taʼ l-Annimali u l-Pjanti (Wildlife Conservation Society [WCS]) li tinsab fi New York, bdew jistudjaw għall-ewwel darba fl-istorja dawn il-ġganti fl-ambjent salvaġġ tagħhom.a Dan l-istudju li sar fuq il-post dam sejjer sitt snin u sar f’reġjun fil-Venezwela mimli għadajjar. Meta qrajt li dan l-istudju kien kixef xi fatti ġodda, qamitli l-kurżità dwar x’kienu saru jafu. Illum se nipprova nitkixxef.
L-Ismijiet u l-Ispeċi
Darba waħda f’ġurnata bnazzi, ħriġt mill-uffiċċju tiegħi fi Brooklyn wara nofsinhar u erħejtilha għall-kwartieri ġenerali tad-WCS, li jinsabu fil-Ġnien Żooloġiku taʼ Bronx, fil-belt taʼ New York. Kont diġà għamilt biżżejjed riċerka biex inkun naf xi fatti dwar l-anakondi.
Tinstemaʼ stramba imma l-isem anakonda setaʼ oriġina ’l bogħod mill-ambjent fejn jgħix dan l-annimal fl-Amerika t’Isfel. Xi wħud jgħidu li l-isem ġej mill-kliem Tamil anai, li tfisser “iljunfant,” u kolra, li tfisser “qattiel.” Oħrajn jaħsbu li ġej mill-kelma Sinħala henakandayā (hena, li tfisser “beraq,” u kanda, li tfisser “zokk”). X’aktarx li l-kliem Sinħala—li oriġinalment kien jintuża għall-pitoni (sriep kbar) fis-Sri Lanka—ġie introdott mill-Asja għall-Amerika t’Isfel mill-merkanti Portugiżi.
U la qed insemmu l-ismijiet żbaljati, anki l-isem uffiċjali taʼ l-anakonda, Eunectes murinus, m’huwiex korrett għall-aħħar. Eunectes tfisser “għawwiem tajjeb”—u dan huwa minnu. Imma murinus tfisser “kulur il-ġurdien.” Fil-każ taʼ dan is-serp b’qoxra lewn aħdar taż-żebbuġa, dan l-isem “ma tantx jidher li jixraqlu,” jinnota ktieb taʼ referenza.
Hemm xi ħaġa oħra x’tissemma dwar l-ismijiet u d-diviżjonijiet xjentifiċi taʼ dan l-annimal. Kotba dwar l-anakondi ġeneralment jgħidu li hemm żewġ speċi t’anakondi. Wieħed mill-ispeċi huwa dak li jissemma f’dan l-artiklu—l-anakonda ħadra, jew boa taʼ l-ilma, li tinstab il-biċċa l-kbira fl-għadajjar ħdejn ix-xmajjar taʼ l-Amazon u l-Orinoco u fil-Gujani. It-tieni speċi hija l-anakonda safra u iżgħar (E. notaeus), li tgħix fil-Paragwaj, fin-nofsinhar tal-Brażil, u fit-tramuntana taʼ l-Arġentina.
Niltaqgħu m’Espert
Ninsab fil-Ġnien Żooloġiku taʼ Bronx. Dan il-ġnien żooloġiku, li fih 1,072,455 metru kwadru t’art miksija bis-siġar, fih iktar minn 4,000 annimal, inkluż madwar tnax-il anakonda. William Holmstrom mid-Dipartiment tal-Erpetoloġija tad-WCS (l-istudju tar-rettili), ġie biex jilqagħni fid-daħla tal-ġnien, liebes ħwejjeġ tal-kakί. Is-Sur Holmstrom—raġel taʼ 51 sena minn New York liebes in-nuċċali, bil-mustaċċi, u bi tbissima fuq wiċċu—huwa inkarigat mill-ġbir taʼ speċi differenti taʼ rettili għal dan il-ġnien żooloġiku u ħa sehem fl-istudju li sar fuq il-post dwar l-anakondi fil-Venezwela. Skond hu, ix-xjenzati issa jemmnu li teżisti speċi oħra t’anakonda minbarra l-ewwel tnejn (E. deschauenseei), u din tgħix fil-grigal tal-Brażil u mal-kosta tal-Gujana Franċiża.b Illum is-Sur Holmstrom se jkun l-espert li se jdawwarni mal-post.
Ma domtx wisq biex ninduna li l-gwida tiegħi jħobb is-sriep l-istess kif oħrajn iħobbu l-klieb jew l-għasafar. Hu qalli li minn mindu kien għadu daqsxejn taʼ tifel, fid-dar tal-ġenituri tiegħu kien ikollhom salamandri, żrinġijiet, u annimali bħal dawn. “Missieri kien iħobbhom. Ommi kienet tissaportihom.” M’għandniex xi ngħidu, is-Sur Holmstrom ġibed wara missieru.
Qisien taʼ l-Għaġeb u Differenzi Enormi
Ġewwa din id-dar għar-rettili li għandha 100 sena, it-tnejn li aħna waqafna quddiem kamra li kien fiha anakonda. Għalkemm rajt annimal li kont naf x’se jkun, xorta ma stajtx naħbi l-istagħġib tiegħi x’ħin rajtu. Bqajt imbellah bid-daqs enormi tiegħu u l-proporzjonijiet taʼ l-għaġeb. Ir-ras bi mnieħer ċatt, li hija akbar minn id taʼ raġel, tidher qisha nana x’ħin tqabbilha mal-kumplament tal-ġisem grottesk. Il-gwida tiegħi qalli li dan ir-rettili impressjonanti huwa anakonda mara twila 5 metri u tiżen mat-80 kilo. Għalkemm ġisimha huwa kważi oħxon daqs arblu tat-telefon, sirt naf li hi sempliċement waħda miż-żgħar x’ħin tqabbilha maʼ l-anakonda mara li għandha t-titlu tad-dinja f’idejha. Din l-anakonda ħoxna ħafna nqabdet fl-1960, u huwa stmat li kienet tiżen kważi 227 kilo!
L-anakondi rġiel qatt ma joħolmu li jilħqu dawk il-qisien taʼ l-għaġeb. Għalkemm l-erpetoloġisti kienu jafu li l-anakondi rġiel huma iżgħar min-nisa, l-istudju li sar wera li l-irġiel tant huma iżgħar li jidhru qishom verżjoni fiċ-ċokon tan-nisa. Fil-fatt l-istudju wera li n-nisa huma, bħala medja, kważi ħames darbiet akbar mill-irġiel. Din id-differenza kbira fid-daqs bejn is-sessi tistaʼ tqarraq, kif skopra l-bijologu Jesús Rivas. Hu kien irabbi ferħ t’anakonda imma kien jitħasseb għala dan l-imbierek serp kien dejjem jigdmu. Kien waqt l-istudju li sar li induna li hu kien qed iżiegħel b’serp raġel adult u mxebbaʼ!
Il-Premju Għadu Ma Ntrebaħx!
Għalkemm l-iktar li jispikka fl-anakonda huwa l-kobor, it-tul tagħha huwa daqstant impressjonanti. M’għandniex xi ngħidu, l-anakondi m’humiex ġganteski daqs kemm tagħmilhom jidhru Hollywood, għax wieħed mill-films kien dwar anakonda twila 12-il metru. Imma t-tul taʼ madwar 9 metri li jistgħu jilħqu l-anakondi xorta jħallik b’ħalqek miftuħ meta toqgħod tqis.
Anakondi taʼ dan id-daqs ftit jeżistu. L-akbar nisa li nqabdu matul l-istudju kienu jiżnu 90 kilo u twal xi 5 metri. Fil-fatt, 90 sena ilu s-Soċjetà Żooloġika taʼ New York (qabel ma ġiet ifformata d-WCS) kienet offriet premju taʼ $1,000 (Lm385) lil kulmin kien kapaċi jaqbad serp ħaj itwal minn 9.2 metri. Imma l-anakondi kbar ħafna tant huma rari li l-premju għadu ma ntrebaħx sal-lum. “Kull sena nirċievu tnejn jew tliet telefonati minn nies fl-Amerika t’Isfel li jitolbuna l-premju,” jgħid is-Sur Holmstrom, “imma meta nistaqsuhom biex jibagħtulna xi prova li qabduh sabiex aħna jkollna għalxiex immorru u niċċekkjawh, l-evidenza qatt ma tasal.” Bil-ħaqq, il-premju għal min jaqbad serp taʼ 9.2 metri issa telaʼ għal $50,000 (Lm19,230)!
Ħarsa mill-Qrib
Il-post fejn ħadni l-gwida wara kien it-tieni sular taʼ din id-dar għar-rettili. F’dan is-sular jinżammu l-anakondi u jintuża wkoll għat-tnissil tagħhom. Il-post huwa sħun u umduż. Biex stajt nara sew dak li ġejt niskopri dwaru, is-sur Holmstrom fetaħ bieb taʼ kamra li kien fiha anakonda mara kbira mhux ħażin.
F’dak il-mument, żewġ metri biss kien hemm minn ħdejna sas-serp, u ma kien hemm xejn fin-nofs. Imbagħad, l-anakonda għolliet rasha bil-mod u resqet b’pass wieħed fid-direzzjoni tagħna. X’ħin għamlet hekk, metru biss kien baqaʼ bogħod minn rasha sa rasna.
“Aħjar nitilqu,” qal is-Sur Holmstrom bil-kalma kollha, “għax għandha mnejn qed tfittex l-ikel.” Jien qbilt miegħu minnufih. Hu għalaq il-bieb tal-kamra, u l-anakonda reġgħet ġibdet rasha lura sakemm fl-aħħar reġgħet waqfet ħdejn iċ-ċentru taʼ ġisimha mkebbeb.
Jekk jirnexxilek ma tagħtix kas tal-ħarsa biċċiera taʼ l-anakonda u tifli sew ir-ras bil-faxxi ħomor, tkun tistaʼ tara kemm għandha karatteristiċi interessanti. Per eżempju, l-għajnejn u l-imnifsejn taʼ l-anakonda qegħdin fl-ogħla parti tar-ras. B’hekk is-serp ikun jistaʼ joqgħod kollu kemm hu taħt l-ilma u jħalli għajnejh u mnifsejh kemm kemm jidhru fil-wiċċ—kważi bħalma jagħmlu l-kukkudrilli. Dan hu għala s-serp ikun jistaʼ jersaq qrib tal-priża mingħajr ma jinduna bih ħadd.
Ġisem li Jissikka Sew u Xedaq Merħi
L-anakonda m’hijiex velenuża. Hi toqtol il-priża billi ddawwar ġisimha mal-priża tagħha u tissikka. Lill-priża ma tgħaffiġhiex, imma kull darba li l-vittma tieħu nifs ’il barra, l-anakonda tkompli tissikka sakemm il-vittma bla saħħa tifga. Is-serp kważi jattakka kollox, minn papra sa ċerva. Madankollu, rari jkun hemm rapporti taʼ min joqgħod fuqhom li l-anakondi kielu n-nies.
Peress li s-sriep ma jistgħux jomogħdu jew iqattgħu l-ikel bi snienhom, l-anakonda m’għandha l-ebda triq oħra ħlief li tiblaʼ l-priża mejta sħiħa—anki jekk il-priża tkun akbar mhux ħażin minnha stess. Fil-fatt, li kieku stajt taħtaf l-ikel kif tagħmel l-anakonda, tkun tistaʼ ddawwar xofftejk maʼ ġewża taʼ l-Indji u tiblagħha sħiħa daqslikieku kienet karawetta. L-anakonda kif jirnexxilha tiekol hekk?
“Hi tmexxi rasha fuq il-priża,” qal is-Sur Holmstrom. Hu spjega li x-xedaq taʼ l-anakonda m’huwiex imwaħħal sod maʼ rasha. Qabel ma taqbad il-vittma enormi bi snienha, ix-xedaq t’isfel jistaʼ jinżel ’l isfel iktar u joħroġ ’il barra. Imbagħad l-anakonda timbotta ’l quddiem naħa waħda mix-xedaq t’isfel, iddaħħal snienha, li jħarsu ’l ġewwa, ġol-vittma u tiġbed lura lejn ħalqha dik in-naħa tax-xedaq u l-vittma. Imbagħad, tirrepeti l-istess movimenti bin-nofs l-ieħor tax-xedaq t’isfel. Ix-xedaq taʼ fuq jistaʼ sa ċertu punt jagħmel l-istess ħaġa. B’dawn il-movimenti ’l quddiem min-naħa għall-oħra, ix-xedaq taʼ l-annimal ikun donnu veru li qed jimxi fuq il-priża. Ladarba jkun balaʼ l-priża, biċċa xogħol li tistaʼ tiħodlu ħafna sigħat, is-serp jittewweb xi ftit drabi u l-partijiet differenti tar-ras flessibbli jerġgħu jiġu f’posthom.
L-anakonda kif jirnexxilha ma tifgax? Dan tagħmlu permezz taʼ pajp tan-nifs li jistaʼ jitwal, misjub f’qiegħ ħalqha. Hi u ddaħħal l-ikel ’il ġewwa, l-anakonda timbotta ’l barra l-pajp tan-nifs lejn in-naħa taʼ quddiem taʼ ħalqha. B’dan il-mod, bil-pajp tan-nifs li jkun qisu pajp tal-bugħaddasa, l-anakonda tkun tistaʼ tieħu n-nifs hi u tiekol.
Kif Jintgħarfu minn Xulxin?
Il-gwida tiegħi mbagħad għolla l-għatu taʼ reċipjent apposta li kien fih żewġt ifrieħ taʼ l-anakondi. Tant kienu jixbhu lil xulxin li stagħġibt kif ir-riċerkaturi rnexxielhom jagħrfu d-differenza bejn il-mijiet t’anakondi salvaġġi li studjaw matul il-proġett li kellhom fil-Venezwela.
Is-Sur Holmstrom spjega li huma pprovaw isolvu l-problema taʼ l-identifikazzjoni billi għamlu biċċiet żgħar tal-ħadid, bħal dawk li jintużaw biex jimmarkaw l-annimali, mill-klippijiet li jintużaw biex jiġbru l-karti flimkien. Huma saħħnu dan il-“ħadid” u mmarkaw numri żgħar fuq l-irjus taʼ l-anakondi. Dan il-metodu rnexxa, sakemm is-sriep biddlu l-qoxra bin-numri b’kollox! Madankollu, ir-riċerkaturi indunaw li kull anakonda diġà għandha l-marki persunali li jidentifikawha minn oħrajn. Kull serp għandu disinn taʼ tbajjaʼ suwed fuq l-isfar li għandu fin-naħa taʼ taħt tad-denb. Kull serp għandu disinn għalih bħalma kull bniedem għandu l-marki tas-swabaʼ għalih. “Kulma kellna nagħmlu kien li nieħdu kopja tad-disinn fuq medda taʼ 15-il kaxxa mill-qoxra tas-serp, u b’hekk kellna biżżejjed dettalji differenti biex niddistingwu t-800 serp li studjajna.”
L-Iktar li Jgħaġġel, l-Iktar fi Stat Tajjeb, jew l-Iktar b’Saħħtu?
L-intervista spiċċajnieha fl-uffiċċju tas-Sur Holmstrom, u sadattant hu wrieni ritratt li kien ħa fil-Venezwela t’anakondi rġiel imkebbin ġo xulxin. Kienet tassew dehra li ssaħħrek. Hu spjega li din il-kobba t’anakondi mgħaqqdin f’xulxin jifformaw dak li jissejjaħ ballun tat-tnissil. (Ara ritratt f’paġna 26.) “Xi mkien ġewwa dan il-ballun hemm anakonda mara. Darba sibna mara li kellha 13-il raġel imkebbin magħha—dak kien rekord.”
L-irġiel ikunu qed jiġġieldu? Wieħed jistaʼ jgħid li din qisha logħba wrestling iffilmjata bil-mod. Kull kontestant raġel jipprova jimbotta lill-oħrajn ’il barra u jġib lilu nnifsu f’pożizzjoni biex jitgħammar mal-mara. It-taqbida tistaʼ ddum sejra għal ġimagħtejn jew erbgħa. Min jirbaħ? L-iktar wieħed li jgħaġġel (ir-raġel li jsib lill-mara l-ewwel), l-iktar wieħed fi stat tajjeb (ir-raġel li jipproduċi l-iktar sperma), jew l-iktar wieħed b’saħħtu (ir-raġel li jegħleb lill-bqija)? Ir-riċerkaturi jittamaw li ma jdumux ma jsibu t-tweġiba.
Fi tmiem iż-żjara, irringrazzjajt lill-gwida tiegħi tad-dawra interessanti ferm li għamilt. Fi triqti lura lejn l-uffiċċju, qgħadt nirrifletti fuq dak li kont tgħallimt. Xorta ma nħossnix kif iħossu l-bijologu Jesús Rivas, li “l-anakondi fihom gost,” imma jkolli nammetti li l-anakondi interessawni ħafna. Iktar ma r-riċerkaturi jkomplu jistudjaw l-anakondi fl-ambjent naturali tagħhom, se jkun interessanti li nkomplu nitgħallmu jekk dawn is-sriep ġganti humiex lesti li jikxfu sigrieti oħra milli għandhom.
[Noti taʼ taħt]
a Id-Dipartiment taʼ l-Annimali u l-Pjanti fil-Venezwela (Venezuelan Wildlife Department) u oħrajn involuti fil-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali taʼ Speċi Perikolati taʼ Flora u Fawna Salvaġġi (Convention on International Trade in Endangered Species of Wild Flora and Fauna) għenu biex jipprovdu l-fondi għal dan l-istudju.
b Journal of Herpetology, pubblikat mis-Soċjetà għall-Istudju taʼ l-Anfibji u r-Rettili, Nru. 4, 1997, paġni 607-9.
[Stampa f’paġna 24]
L-istudju taʼ l-anakondi li sar fuq il-post fil-Venezwela
[Stampa f’paġna 25]
William Holmstrom
[Stampa f’paġna 26]
Ballun tat-tnissil taʼ l-anakondi