It-2 Sigriet: Impenn
“Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”—Mattew 19:6.
Dan xi jfisser. Koppji li jirnexxu jqisu ż-żwieġ tagħhom bħala unjoni permanenti. Meta tqum xi problema, huma jistinkaw biex isolvuha minflok ma jużawha bħala skuża biex jabbandunaw iż-żwieġ. Meta l-miżżewġin ikollhom sens taʼ impenn iħossuhom fis-sigurtà. Huma jkollhom il-fiduċja li l-parti l-oħra fiż-żwieġ se tkompli tonora l-unjoni.
Għala hu importanti. B’ħafna modi, l-impenn hu s-sinsla taʼ relazzjoni fiż-żwieġ. Madankollu, wara konflitti ripetuti, l-impenn jistaʼ jidher li hu iktar bħal xi nasba milli fiduċja. Fil-fatt, l-espressjoni “sakemm il-mewt tifridna” ssir ftit iktar minn kuntratt bla emozzjoni—kuntratt li l-imseħbin ikunu jixtiequ li jistgħu jinħallu minnu. Forsi ma jabbandunawx iż-żwieġ letteralment, imma jistgħu “joħorġu minnu” b’modi oħrajn—pereżempju, billi jibqgħu ħalqhom magħluq meta jkollhom bżonn jiddiskutu kwistjonijiet serji.
Ipprova dan l-eżerċizzju. Uża l-mistoqsijiet li ġejjin bħala gwida biex tara x’livell taʼ impenn għandek.
◼ Meta nkunu f’nofs xi tilwima, insib jien li qed jiddispjaċini li żżewwiġt lil marti?
◼ Noħlom spiss li qiegħed maʼ xi oħra li mhix il-mara tiegħi?
◼ Ngħid kultant lill-parti l-oħra fiż-żwieġ, “Se nitilqek” jew “Ħa mmur insib lil xi ħadd li japprezzani”?
Agħmel riżoluzzjoni. Aħseb dwar xi azzjoni jew tnejn li tistaʼ tieħu biex issaħħaħ l-impenn tiegħek. (Xi ideat: Kultant ikteb nota lill-parti l-oħra fiż-żwieġ, żomm xi ritratti tagħha fejn tistaʼ tarahom fuq ix-xogħol, jew ċemplilha kuljum minn fuq ix-xogħol, sempliċement biex tibqgħu f’kuntatt.)
Għala ma tagħmilx diversi suġġerimenti u mbagħad tistaqsi lill-parti l-oħra fiż-żwieġ liema minnhom huma l-iktar sinifikanti għaliha?
[Stampa f’paġna 4]
L-impenn hu bħal ilqugħ protettiv li ma jħallix iż-żwieġ tiegħek jiżvija
[Sors]
© Corbis/age fotostock