Ferħan Minkejja Diżabilitajiet Kbar
KIF RAKKONTATA MINN JOSÉ GODOFREDO VÁRGUEZ
Meta twilidt kont f’saħħti u kelli tfulija normali. Taʼ 17-il sena bdejt naħdem bħala welder industrijali. Sentejn wara, kont qed niwweldja fuq pjattaforma qrib xi wajers b’voltaġġ għoli ħafna u bdiet nieżla x-xita. Ħabta u sabta ħadt xokk qawwi li għollieni u tefagħni 14-il metru ’l isfel, u sfajt mitluf minn sensija mal-art. Waqajt f’koma u ħriġt minnha wara tliet xhur. Rasi biss stajt inċaqlaq. Idejja u saqajja kienu paralizzati u ħassejt li d-dinja kienet spiċċat għalija!
GĦALL-EWWEL ħassejtni rrabjat m’Alla u staqsejtu għala kien ħallieni ħaj. Saħansitra għaddieli minn moħħi li nagħmel suwiċidju. Fittixt kenn f’diversi reliġjonijiet, imma l-ebda waħda minnhom ma tatni faraġ ġenwin jew issodisfatli l-bżonn spiritwali tiegħi. Fil-fatt, dawn lanqas biss kienu jinkuraġġixxu lin-nies biex jgħixu skont it-tagħlim u l-livelli tal-Bibbja! Meta mietet ommi, fl-1981, jien tajtha għax-xorb u għal-logħob tal-ażżard. Ħsibt li minħabba l-kundizzjoni tiegħi Alla kien se jkollu ħniena minni u jaħfirli talli kont nisker. Bdejt ukoll ngħix ħajja immorali maʼ mara li ma kinitx marti.
Bidla Radikali fil-Mod Kif Naħsibha
Meta kelli 37 sena, iltqajt max-Xhieda taʼ Ġeħova għall-ewwel darba. Ommi, li kienet ġiet influwenzata mill-għajdut tan-nies, kienet dejjem issostni li tagħhom kienet l-agħar reliġjon li teżisti. Minkejja dan, ilqajthom f’dari—bl-intenzjoni li nurihom li huma kienu żbaljati, għax ħsibt li l-Bibbja kont nafha sew. Madankollu, bqajt imbellah meta skoprejt kemm ma kont naf xejn ħdejhom! Iktar minn hekk, bqajt skantat li x-Xhieda li żaruni użaw il-Bibbja biex iwieġbu l-mistoqsijiet kollha tiegħi. Malajr ikkonvinċejt ruħi li kont sibt il-verità.
B’dispjaċir, il-mara li kont qed ngħix magħha ma riditx taċċetta t-twemmin ġdid tiegħi, u nfridna. Komplejt nirranġa ħajti u nbiddel l-attitudnijiet tiegħi u l-mod kif kont naħsibha sabiex ħajti tkun fi qbil maʼ dak li tgħallem il-Bibbja. Bl-għajnuna t’Alla, jien stajt ukoll nadatta ruħi mentalment u emozzjonalment għall-ħsara li ġarrabt fl-aċċident li kelli—tant li għal dawn l-aħħar 20 sena sibt sodisfazzjon kbir bħala evanġelizzatur fis-servizz full-time. Meta jaraw id-diżabilità tiegħi, ħafna nies jibqgħu skantati kif inkampa. Jien m’iniex waħdi. Ngħix maʼ ħija iżgħar minni, Ubaldo, li għandu d-Down syndrome. Anki Ubaldo aċċetta l-verità tal-Bibbja, u qed jaqdi lil Ġeħova miegħi.
Nikkooperaw tajjeb flimkien u nieħdu ħsieb xulxin. Meta nieħdu sehem fil-ministeru, Ubaldo jimbottali s-siġġu tar-roti u jħabbat il-bibien minfloki. Meta nkun qed nitkellem mal-inkwilini, hu jgħinni niftaħ il-Bibbja u jurihom il-letteratura adattata. Hu jgħinni wkoll fil-bżonnijiet fiżiċi l-oħrajn tiegħi. Min-naħa tiegħi, jien inbigħ il-prodotti kosmetiċi biex il-flus li naqlaʼ nkunu nistgħu ngħaddu bihom. Barra minn hekk, xi Xhieda taʼ Ġeħova fil-kongregazzjoni tagħna jgħinuna fit-tisjir, fil-faċendi tad-dar, u jiħduna għall-visti tat-tabib. Kemm napprezzawha din l-għajnuna jien u Ubaldo!
Jien għandi l-privileġġ li naqdi bħala anzjan fil-kongregazzjoni Kristjana, u ħuti spiritwali dejjem lesti li jgħinuni nagħmel riċerka dwar suġġetti mill-Bibbja. Billi nżomm lapes f’ħalqi jirnexxili nimmarka xi punti importanti fil-letteratura taʼ għajnuna għall-istudju.
Meta n-nies jistaqsuni jekk iniex ferħan, mill-fond taʼ qalbi dejjem inwiġibhom iva! Kif nistaʼ ma nkunx ferħan? Sibt skop veru fil-ħajja, u nħares ’il quddiem lejn it-tama meraviljuża li Alla joffri lill-qaddejja leali tiegħu—saħħa perfetta fil-Ġenna tal-art li ġejja.—Isaija 35:5, 6; Luqa 23:43.
[Stampa f’paġna 16]
José fl-età taʼ 18-il sena, sena qabel l-aċċident li kellu
[Stampa f’paġna 17]
Jien u ħija Ubaldo nikkooperaw tajjeb flimkien fix-xogħol tal-ministeru fil-Messiku
[Stampa f’paġna 17]
Wieħed mix-Xhieda jdawwarli l-paġni tal-Bibbja tiegħi waqt li qed nagħti taħdita fis-Sala tas-Saltna
[Stampa f’paġna 17]
Xi membri tal-kongregazzjoni tagħna jgħinu fit-tisjir u fil-faċendi tad-dar