7 ĠAKOBB
Hu Kien Kuraġġuż u Pproteġa l-Familja Tiegħu
FTIT qabel ma miet, Ġakobb qal li ħajtu kienet “diffiċli” u qasira. (Ġen. 47:9) U dan kien veru! Meta kien żagħżugħ, hu kellu jaħrab lejn Ħaran għax ħuh ried joqtlu. Hemmhekk hu ltaqaʼ maʼ Rakele, sar iħobbha u ried jiżżewwiġha. Imma missierha, Laban, daħaq bih. Minflok ma tah lil Rakele biex jiżżewwiġha, hu tah lil oħtha l-kbira, Lea. Allura Ġakobb spiċċa b’żewġ nisa, u dawn ma kinux jaqblu bejniethom. Ġakobb ħadem għal Laban għal ħafna snin, imma hu daħaq bih għal darba wara l-oħra billi ma tahx il-paga li kien wiegħdu. Minkejja dak kollu li għadda minnu, Ġakobb wera kuraġġ kbir, fidi soda, u baqaʼ jissaporti.
Darba waħda, Ġeħova qal lil Ġakobb biex jitlaq minn Ħaran u jmur lura Kangħan. Dan setaʼ kien perikoluż għax Laban kien egoist u kien jaħseb li kulma kellu Ġakobb kien tiegħu. Allura Ġakobb tkellem maʼ Lea u Rakele dwar dak li għamel missierhom u dwar dak li kien qallu Ġeħova, imbagħad ħarab magħhom u mat-tfal tiegħu. Meta Laban sar jaf x’għamlu, hu ħa l-irġiel tiegħu u marru jiġru warajhom. Meta laħaqhom, hu rrabja maʼ Ġakobb minħabba li kien qabad u telaq. Hu beda jheddu u qallu: “Jien nistaʼ nagħmlilkom il-ħsara.” Imma Ġakobb wera kuraġġ u qallu li dak li qal ma kienx veru, anzi qallu li kien ilu jittrattah b’mod ħażin għal ħafna snin. Minkejja dan, Ġakobb dejjem prova jżomm il-paċi. Imbagħad fl-aħħar, qabel ma telqu, wiegħdu lil xulxin li se jżommu l-paċi.
Ġakobb kif irnexxielu jagħmel paċi maʼ wħud minn tal-familja li kienu rrabjati miegħu? U kif irnexxielu jissara m’anġlu b’saħħtu?
Apparti minn hekk, Ġakobb kellu problema oħra maʼ ħuh it-tewmi. Ħafna snin qabel, ommu Rebekka kienet qalet lil Ġakobb li ħuh Għesaw ried joqtlu. Għesaw kien ċert li Ġakobb seraqlu l-barka li suppost kienet tiegħu. Imma issa, Ġakobb ried li jagħmel paċi maʼ ħuh. Hu sar jaf li Għesaw kien qiegħed fi triqtu biex jiltaqaʼ magħhom, u miegħu kien hemm 400 raġel. Ġakobb bagħat lill-qaddejja tiegħu biex imorru qablu u jagħtu xi rigali li jiswew il-flus lil Għesaw. Hu jaf beda jinkwieta li dawn ir-rigali ma kinux biżżejjed biex ħuh ma jibqax irrabjat għalih. Il-Bibbja tgħid: “Ġakobb beżaʼ u sar anzjuż ħafna.” Imbagħad ġrat xi ħaġa tal-għaġeb.
Iktar tard filgħaxija, waqt li Ġakobb kien waħdu, ra raġel li ma kienx jafu. Dan kien anġlu taʼ Ġeħova, u beda jissara maʼ Ġakobb. Minħabba li Ġakobb ħaseb li l-anġlu taʼ Ġeħova setaʼ jbierku, hu baqaʼ jissara miegħu għal ħafna sigħat. Avolja Ġakobb kellu 97 sena u l-anġlu kien ħafna iktar b’saħħtu minnu, hu ma qatax qalbu. Hu baqaʼ jissara b’kemm kellu saħħa u saħansitra beka. (Ħos. 12:4) Ġakobb għamel kulma setaʼ biex ikollu il-barka taʼ Ġeħova għax din kienet importanti ħafna għalih. Kmieni filgħodu, l-anġlu taʼ Ġeħova messlu ġenbu u ħariġlu l-ġog minn postu. Però, l-anġlu qallu xi ħaġa vera sabiħa, li minn dakinhar ’il quddiem ismu sar Iżrael, li jfisser li ssara kontra Ġeħova. Dan l-isem kien addattat għal Ġakobb għax hu għamel kulma setaʼ biex jirċievi l-barka taʼ Ġeħova.
Ġakobb mar lura għand il-familja tiegħu jzappap. Mill-bogħod setaʼ jara lil Għesaw u l-400 raġel tiegħu mixjin lejhom. Ġakobb telaq qabel il-familja tiegħu biex jiltaqaʼ maʼ ħuh Għesaw u l-irġiel li kienu miegħu. Meta Ġakobb wasal viċin t’Għesaw, miel quddiemu sebaʼ darbiet. Għesaw mar jiġri lejh. Hu ma kellux armi f’idejh. Minflok, hu tah tgħanniqa kbira! It-tnejn li huma bdew jibku. Minħabba li Ġakobb kien umli u tah ħafna rigali, Għesaw ma baqax irrabjat. X’aktarx li hu baqaʼ mistagħġeb kemm ħuh kien kuraġġuż. Ġakobb irnexxielu jagħmel paċi maʼ ħuh.
Ġakobb baqaʼ jzappap għall-kumplament taʼ ħajtu u kellu ħafna problemi oħra. Però, hu żgur li qatt ma ddispjaċieh li obda lil Ġeħova jew li ssara mal-anġlu. Ħafna snin wara, il-wegħda li kien għamel Ġeħova miegħu, li Iżrael isir poplu kbir, twettqet. (Ġen. 28:14) Il-Bibbja tiddeskrivi lil Ġeħova bħala “l-Alla taʼ Ġakobb.” (Eżo. 3:6) Ġesù stess uża din il-frażi, u qal ukoll li Ġeħova “hu l-Alla tal-ħajjin u mhux tal-mejtin, għax għalih kollha ħajjin.” (Luqa 20:37, 38) Nistgħu nkunu ċerti li Ġakobb se jkollu futur sabiħ. Fis-sistema l-ġdida, Ġakobb mhux se jkollu iktar problemi u ħajja qasira, anzi se jkun ferħan u jgħix għal dejjem!
Aqra l-istorja mill-Bibbja:
Biex tiddiskuti:
Ġakobb kif wera kuraġġ?
Fittex Iktar
1. Ġeħova għala għamel ċert li Ġakobb jirċievi l-barka u mhux ħuh Għesaw? (w03 10/15 29 ¶2)
2. Ġeħova x’ħolma ta lil Ġakobb, u minn xiex għenitu jkun ċert? (w03 10/15 28 ¶3, 4) A
Stampa A
3. Ġakobb għala kien ċert li setaʼ jirċievi l-barka mingħand l-anġlu? (w03 10/15 31 ¶1) B
Stampa B
4. Ġakobb x’għamel biex il-familja tiegħu ma tiġix influwenzata mill-Kangħanin? (w95 9/15 21 ¶4, ntt.-wcgr)
Aħseb Fuq Dak li Tistaʼ Titgħallem
Ġakobb ħassu responsabbli li kellu jieħu ħsieb in-nagħaġ kollha taʼ Laban. (Ġen. 31:38-40) L-anzjani kif jistgħu juru li jimpurtahom ħafna min-nagħaġ taʼ Ġeħova, li huma ħuthom? Ċ
Stampa Ċ
Meta Ġakobb kien qed jibżaʼ, hu talab lil Ġeħova. (Ġen. 32:6-12) X’nitgħallmu dwar kif għandna nitolbu?
Int kif tistaʼ turi l-kuraġġ li wera Ġakobb?
Ħu l-Ħin Biex Taħseb Dwar Dawn il-Mistoqsijiet
Din l-istorja x’tgħallimni dwar Ġeħova?
Din l-istorja kif inhi marbuta mal-iskop taʼ Ġeħova?
Meta Ġeħova jirxoxta lil Ġakobb, x’nixtieq nistaqsih?
Tgħallem Iktar
Kif nistgħu nimitaw lil Ġakobb meta nindunaw li weġġajna lil xi ħu jew oħt?
Uża din l-istorja tal-Bibbja bl-istampi biex tgħin lill-familja tiegħek titgħallem dwar Ġakobb.