9 SIFRA, PUWA, GĦAMRAM, ĠOKEBED, U MIRJAM
Huma Wrew il-Fidi u Pproteġew lil Mosè
ĠUŻEPPI kien ilu mejjet għal iktar minn 60 sena. Għalkemm Ġeħova uża lil Ġużeppi biex isalva lill-Eġizzjani mill-ġuħ, huma xorta kienu nsewh. Issa, fl-Eġittu beda jmexxi Fargħun ġdid, u dan kien jibżaʼ mill-Iżraelin u kien jobgħodhom għaliex huma kellhom il-barka taʼ Ġeħova u beda jkollhom ħafna tfal. Għalhekk, il-Fargħun għamilhom skjavi u l-Eġizzjani bdew jittrattawhom ħażin ħafna. Imma l-Iżraelin xorta komplew jiżdiedu.
Imbagħad il-Fargħun ipprova jagħmel xi ħaġa vera krudili. Hu ordna lil żewġ majjistri, jiġifieri midwives, jisimhom Sifra u Puwa, biex imorru għandu. Hu kmandahom biex joqtlu t-trabi subien li kienu se jitwieldu. Immaġina kif ħassewhom dawn iż-żewġ nisa Lhud! Imma huma kienu kuraġġużi u “jirrispettaw ħafna lill-Alla l-veru.” Sifra u Puwa kienu jafu li l-ebda mexxej b’saħħtu ma kellu l-awtorità biex iġegħelhom jagħmlu xi ħaġa li ma riedx Ġeħova, is-Sid taʼ Kollox. Il-biżaʼ li kellhom minn Alla għenithom biex ikunu vera kuraġġużi. Huma “m’għamlux kif qalilhom ir-re tal-Eġittu.” Minflok, għamlu l-kontra u għenu biex isalvaw lil kemm jistaʼ jkun trabi. Meta l-Fargħun ra li xorta qed jitwieldu trabi subien, irrabja ħafna. Imma Sifra u Puwa xorta ma qalulux x’għamlu. Ġeħova nnota x’kienu qegħdin jagħmlu u minħabba f’hekk “ittrattahom tajjeb” billi maż-żmien anki huma kellhom familja.
Li kieku l-majjistri, il-ġenituri taʼ Mosè, u oħtu ma kinux kuraġġużi, x’kien se jiġri minn Mosè meta kien tarbija?
Meta l-Fargħun induna li l-pjan tiegħu ma rnexxiex, ried jagħmel xi ħaġa vera tal-biżaʼ. Hu ordna lill-Eġizzjani biex jaqbdu t-trabi subien u jitfgħuhom fix-Xmara Nil biex joqtluhom! Għamram u Ġokebed, li kienu koppja Lhudija, kienu jgħixu f’dan iż-żmien diffiċli u għalhekk kellhom jieħdu deċiżjoni iebsa. Huma kellhom żewġt itfal, lil Mirjam u lil Aron. Imma meta Ġokebed kien se jkollha t-tielet tarbija, hi u Għamram kienu jafu li jekk ikollhom tifel, kien se jkun f’periklu kbir. Meta twieled it-tifel huma provaw jaħbuh, però din ma kinitx xi ħaġa faċli. Meta kellu tliet xhur, minħabba li ma setgħux jaħbuh iktar, Ġokebed qabdet qoffa, ksietha bil-qatran u biż-żift, u poġġiet it-tifel fiha u għattietha. Hi marret fejn ix-Xmara Nil u poġġiet il-qoffa bejn il-qasab. It-tifla tagħhom Mirjam, li kienet għadha żgħira, staħbiet xi mkien viċin biex tkun tistaʼ tara x’se jiġri minn ħuha ż-żgħir.
Wara ftit, it-tifla tal-Fargħun marret tinħasel fix-Xmara Nil. Hi rat il-qoffa u bagħtet lill-qaddejja tagħha biex iġibuhielha. Malli fetħitha rat tarbija ħelwa tibki u tħassritha, b’hekk iddeċidiet li taddottaha. Però, rat li t-tarbija kellha bżonn omm biex ittiha l-ħalib. Mirjam mill-ewwel kienet taf x’għandha tagħmel. Hi għamlet il-kuraġġ u marret tiġri lejn it-tifla tal-Fargħun u staqsietha jekk għandhiex bżonn lil xi ħadd biex jiħdilha ħsieb lit-tarbija. It-tifla tal-Fargħun aċċettat, imbagħad Mirjam marret lura għand ommha. Immaġina kemm ferħet Ġokebed meta kienet taf li se tieħu ħsieb it-tifel tagħha stess mingħajr biżaʼ li se joqtluh l-Eġizzjani! Barra minn hekk, it-tifla tal-Fargħun kienet se tħallasha biex trabbih! Hi u Għamram żgur li għamlu dak kollu li setgħu biex jgħallmu lit-tifel dwar Ġeħova. Imma meta t-tifel beda jikber kellhom ituh lit-tifla tal-Fargħun u hi semmietu Mosè.
Lil Għamram, Ġokebed, u Mirjam, Ġeħova ppremjahom għall-fidi u l-kuraġġ li wrew? Dażgur li iva! Għamram u Ġokebed għallmu lil Mirjam u lil Aron iħobbu lil Ġeħova u jsiru qaddejja leali tiegħu. U huma raw kif Ġeħova kien qed jipproteġi lil Mosè. Il-Bibbja ma tgħidilniex jekk Għamram u Ġokebed kinux laħqu raw il-kwalitajiet tajbin li kellu Mosè u kif Ġeħova kien użah. (Eżo. 6:20) Imma Mirjam u Aron raw lil Ġeħova juża lil Mosè biex jagħmel affarijiet tal-għaġeb. It-tlieta li huma wrew fidi kbira u ħafna kuraġġ hekk kif qdew lil Ġeħova flimkien. Fil-kapitlu li jmiss se nitgħallmu f’liema ċirkostanzi kiber Mosè u għala ddeċieda li jaqdi lil Ġeħova.
Aqra l-istorja mill-Bibbja:
Biex tiddiskuti:
Il-majjistri u l-familja taʼ Mosè kif urew kuraġġ?
Fittex Iktar
1. L-arkeoloġi x’sabu li juri li l-Iżraelin kienu jgħixu l-Eġittu? (g04 4/8 4 ¶4–5 ¶1-wcgr)
2. X’qalu l-istudjużi dwar l-użu tal-papiru fl-Eġittu u l-qtil tat-trabi li juri li din l-istorja fil-Bibbja hija eżatta? (g04 4/8 6 ¶1-2-wcgr) A
Christine Osborne Pictures/Alamy Stock Photo
Stampa A: Illum, il-papiru għadu jintuża biex jagħmlu d-dgħajjes minnu
3. X’nafu dwar il-majjistri Lhud, u Ġeħova kif berikhom? (w03 11/1 8 ¶3-4; it “Majjistri”-wcgr) B
Stampa B
4. Mirjam kif uriet fidi b’saħħitha anke meta kienet kbira fl-età? (ijwia artiklu 7 ¶14-18-wcgr)
Aħseb Fuq Dak li Tistaʼ Titgħallem
Il-ġenituri x’jistgħu jitgħallmu minn Għamram u Ġokebed?
It-tfal li għandhom ħuthom, x’jistgħu jitgħallmu minn Mirjam? Ċ
Stampa Ċ
Int kif tistaʼ turi l-kuraġġ li wrew Sifra u Puwa?
Ħu l-Ħin Biex Taħseb Dwar Dawn il-Mistoqsijiet
Din l-istorja x’tgħallimni dwar Ġeħova?
Din l-istorja kif inhi marbuta mal-iskop taʼ Ġeħova?
Meta Ġeħova jirxoxta lin-nies f’din l-istorja, x’nixtieq nistaqsihom?
Tgħallem Iktar
Ara kif nistgħu nibbenefikaw mill-eżempju tan-nisa li kellhom il-kuraġġ ma jagħmlux dak li qalilhom il-Fargħun.
Kif nafu li Ġeħova dejjem jieħu ħsieb lil dawk li b’kuraġġ jobdu lilu minflok lin-nies?