IL-QARREJJA TAGĦNA JISTAQSU . . .
Wiegħed Ġesù Ħajja fis-Sema lir-Raġel Ħażin?
Il-mistoqsija tqum minħabba li Ġesù wiegħed ħajja f’Ġenna fil-futur lill-kriminal li kien qed jiġi maqtul maġenbu. Ġesù qallu: “Tassew ngħidlek illum, Int tkun fil-Ġenna miegħi.” (Luqa 23:43) Innota li Ġesù ma qallux fejn se tkun dik il-Ġenna. Allura, ried Ġesù jfisser li r-raġel ħażin kien se jingħaqad miegħu fis-sema?
L-ewwel, ejja nikkunsidraw jekk dak ir-raġel ħażin kienx jilħaq il-ħtiġijiet biex jgħix ħajja fis-sema. Il-bnedmin li għandhom il-prospett għas-sema ġew mgħammdin bl-ilma u bl-ispirtu qaddis, u b’hekk huma dixxipli taʼ Ġesù mnisslin bl-ispirtu. (Ġwanni 3:3, 5) Ħtieġa oħra hi li jgħixu ħajjithom fi qbil mal-livelli morali t’Alla u juru kwalitajiet bħalma huma l-onestà, l-integrità, u l-mogħdrija. (1 Korintin 6:9-11) Iridu wkoll jibqgħu leali lejn Alla u Ġesù sakemm tintemm il-ħajja tagħhom fuq l-art. (Luqa 22:28-30; 2 Timotju 2:12) Huwa biss billi jilħqu dawn il-ħtiġijiet li jistgħu juru li jistħoqqilhom li jiġu rxoxtati u kwalifikati biex jerfgħu r-responsabbiltà kbira li hemm tistenniehom fis-sema, jiġifieri, li jaqdu bħala qassisin u slaten maʼ Kristu fuq l-umanità għal elf sena.—Rivelazzjoni 20:6.
B’kuntrast, ir-raġel ħażin maġenb Ġesù għex bħala kriminal u miet bħala kriminal. (Luqa 23:32, 39-41) Veru, hu wera rispett meta qal lil Ġesù: “Ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek.” (Luqa 23:42) Minkejja dan, hu ma kienx sar dixxiplu taʼ Ġesù mgħammed u mnissel bl-ispirtu, u lanqas kien ta prova li kien raġel rett u leali matul ħajtu. Huwa raġunevoli li Ġesù jwiegħdu saltna fis-sema flimkien mas-segwaċi tiegħu li baqgħu leali lejn Alla sat-tmiem?—Rumani 2:6, 7.
Biex nagħtu eżempju: Jekk raġel jitolbok biex taħfirlu għax ikun seraqlek xi flus, int għandek mnejn tiddeċiedi li ma tħarrkux. Imma se tafdah biex jiħodlok ħsieb in-negozju jew il-familja tiegħek? Dawn ir-responsabbiltajiet se tħallihom biss f’idejn dawk li int għandek fiduċja sħiħa fihom. Bl-istess mod, dawk li jingħataw it-tama taʼ ħajja fis-sema għandhom jipprovdu bażi soda li jistgħu jiġu fdati biex jappoġġaw il-livelli ġusti t’Alla meta jaħkmu fuq l-umanità. (Rivelazzjoni 2:10) Minkejja li r-raġel ħażin deher sinċier fit-talba bil-ħrara tiegħu fl-aħħar minuta, hu ma pprovdiex bażi bħal din.
Imma Ġesù ma qallux lir-raġel ħażin li kien se jkun miegħu fis-sema dakinhar stess? Dan ma setax ikun, ladarba Ġesù nnifsu ma marx fis-sema dakinhar. Minflok, hu kien “fil-qalba taʼ l-art”—fil-qabar—għal tlett ijiem. (Mattew 12:40; Marku 10:34) Saħansitra wara li ġie rxoxtat, hu baqaʼ fuq l-art għal 40 jum qabel ma telaʼ s-sema. (Atti 1:3, 9) B’hekk, ir-raġel ħażin ma setax ikun fis-sema maʼ Ġesù dakinhar.
Allura, f’liema Ġenna se jmur ir-raġel ħażin? Wara l-irxoxt, hu se jkun fil-Ġenna tal-art, li fuqha se jaħkem Ġesù. (Atti 24:15; Rivelazzjoni 21:3, 4) Biex issir taf iktar dwar din il-Ġenna u l-ħtiġijiet t’Alla, tkellem maʼ wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova.