LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w25 Diċembru pp. 20-25
  • Kif Tippjana Tieġ li Jġib Unur lil Ġeħova

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tippjana Tieġ li Jġib Unur lil Ġeħova
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IT-TIEĠ GĦALA GĦANDU JONORA LIL ĠEĦOVA?
  • KIF TISTGĦU TONORAW LIL ĠEĦOVA?
  • EVITAW U EGĦLBU PROBLEMI LI JISTGĦU JINQALGĦU
  • Żid mal-Ferħ u d-Dinjità tal-Ġurnata tat-Tieġ Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Tiġijiet Ferriħin li Jġibu Unur lil Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Kaxxa għall-Mistoqsija
    Il-Ministeru tas-Saltna—2008
  • Tiġijiet li Huma Onorabbli fil-Ħarsa t’Alla u tal-Bniedem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
w25 Diċembru pp. 20-25

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 51

GĦANJA 132 Issa sirna ħaġa waħda

Kif Tippjana Tieġ li Jġib Unur lil Ġeħova

“Kollox għandu jsir kif suppost u bl-ordni.”—1 KOR. 14:40.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Kif koppji Kristjani jistgħu jonoraw lil Ġeħova fil-ġurnata tat-tieġ tagħhom.

1-2. Ġeħova kif iqis il-ġurnata tat-tieġ tagħkom?

INT ĦADT l-engage u qed tippjana biex tiżżewweġ? Jekk iva, awguri! Wisq probabbli bħala koppja għandkom ħafna x’tagħmlu biex tippjanaw it-tieġ.a Ġeħova jixtieq li intom tieħdu pjaċir fil-ġurnata speċjali tagħkom. Hu jrid li jkollkom ħajja ferħana flimkien.—Prov. 5:18; Għan. 3:11.

2 Huwa importanti ħafna li t-tieġ tagħkom iġib unur lil Ġeħova. Għala? U kif tistgħu tagħmlu ċert li t-tieġ tagħkom iġiblu unur? Għalkemm dan l-artiklu hu għall-koppji li qed jippreparaw biex jiżżewġu, il-prinċipji li se niddiskutu se jgħinu lil kull wieħed minna jonora lil Ġeħova meta mmorru xi tieġ. L-artiklu se jgħin ukoll lil dawk li forsi l-għarus u l-għarusa jsaqsuhom għal xi parir rigward it-tieġ tagħhom.

IT-TIEĠ GĦALA GĦANDU JONORA LIL ĠEĦOVA?

3. Meta koppja tkun qed tippjana l-ġurnata tat-tieġ tagħha, dwar xiex għandha taħseb, u għala?

3 Koppja li tkun se tiżżewweġ għandha tieħu d-deċiżjonijiet skont il-prinċipji li hemm fil-Bibbja. Dan għala hu importanti? Għax Ġeħova kien il-wieħed li għamel l-arranġament taż-żwieġ. Ġeħova għamel dan meta żewweġ lill-ewwel koppja, Adam u Eva. (Ġen. 1:28; 2:24) Allura, koppja li tkun qed tippjana biex tiżżewweġ għandha tagħmel ċert li t-tieġ tagħha jonora lil Ġeħova.

4. X’raġuni oħra għandhom il-koppji biex jagħtu unur lil Ġeħova fil-ġurnata tat-tieġ tagħhom?

4 Hemm raġuni importanti oħra għala għandek iżżomm f’moħħok kif iħossu Ġeħova meta tkunu qed tippjanaw it-tieġ. Hu Missierek tas-sema u l-aqwa Ħabib tiegħek. (Lhud 12:9) Bla dubju, int tixtieq li jibqaʼ jkollok ħbiberija tajba miegħu. Żgur li ma tixtieqx li jiġri xi ħaġa f’dik il-ġurnata jew fi ġranet oħra li biha tweġġgħu. (Slm. 25:14) U meta taħseb dwar dak kollu li għamel għalik Ġeħova u li se jagħmel għalik fil-futur, ma tħossx li għandek ittih l-unur fit-tieġ tiegħek?—Slm. 116:12.

KIF TISTGĦU TONORAW LIL ĠEĦOVA?

5. Il-Bibbja kif tistaʼ tgħin koppja biex jieħdu deċiżjonijiet tajbin dwar it-tieġ?

5 Il-Bibbja ma tagħtix lista taʼ regoli dwar kif għandha ssir taħdita taż-żwieġ jew kif għandu jsir tieġ. Allura l-koppji jistgħu jippjanaw dan skont iċ-ċirkustanzi tagħhom, xi jkun komuni fejn jgħixu, jew x’jogħġobhom. Imma l-qaddejja taʼ Ġeħova għandhom dejjem jobdu l-liġijiet tal-gvern dwar iż-żwieġ. (Mat. 22:21) Imma hu x’inhu li tiddeċiedi, meta koppja timxi maʼ prinċipji tal-Bibbja waqt li qed tippjana t-tieġ, se jirnexxilha ġġib unur lil Ġeħova u tagħmlu ferħan. Imma liema prinċipji għandha żżomm f’moħħha koppja?

6. Għala huwa importanti li koppja timxi mal-liġijiet tal-pajjiż dwar iż-żwieġ?

6 Imxu mal-liġijiet tal-pajjiż. (Rum. 13:​1, 2) Fil-maġġoranza tal-pajjiżi, hemm liġijiet mill-gvern li koppja jkollha timxi magħhom qabel ma tiżżewweġ. Koppja għandha ssir taf x’inhuma dawn il-liġijiet fil-pajjiż tagħha. U jekk ikollha bżonn l-għajnuna biex iġġib din l-informazzjoni, tistaʼ ssaqsi lill-anzjani.b

7. X’tip t’okkażjoni għandu jkun it-tieġ, u koppja kif jistaʼ jkollha tieġ bħal dan?

7 Agħmel ċert li t-tieġ iġib unur lil Ġeħova. (1 Kor. 10:​31, 32) Hemm bżonn li toqogħdu attenti li fl-okkażjoni ma jkunx hemm l-ispirtu tad-dinja, imma l-kwalitajiet li jipproduċi l-ispirtu qaddis. (Gal. 5:​19-26) Peress li l-għarus se jkun il-kap tal-familja l-ġdida, irid jagħmel ċert li l-pjanijiet qabel it-tieġ u d-deċiżjonijiet waqt it-tieġ jagħmlu l-okkażjoni waħda taʼ ferħ u li tonora lil Ġeħova. X’jistaʼ jgħinu? Ħaġa li tistaʼ tgħin hi taħdita taż-żwieġ ibbażata fuq il-Bibbja. Meta l-ħu jagħti din it-taħdita b’rispett u bi mħabba, se jgħin lil kulħadd jifhem li ż-żwieġ huwa rigal mingħand Ġeħova. Dawk kollha li jattendu se jifhmu wkoll kemm hi serja l-okkażjoni. Minħabba f’hekk, il-biċċa l-kbira tal-koppji jagħżlu li jagħmlu din it-taħdita f’Sala tas-Saltna, jekk ikun possibbli. Jekk tixtiequ tużaw is-Sala tas-Saltna għat-taħdita taż-żwieġ tagħkom, għandkom tiktbu ittra lill-anzjani kemm jistaʼ jkun minn qabel.

8. Jekk tagħżlu li wara t-taħdita tagħmlu tieġ, kif tistgħu tkunu ċerti li dan iġib unur lil Ġeħova? (Rumani 13:13)

8 Aqra Rumani 13:13 u n-nota taʼ taħt maʼ “nixxalaw.” Jekk tagħżlu li wara t-taħdita tagħmlu tieġ, x’tistgħu tagħmlu biex fih ma jkunx hemm l-ispirtu tad-dinja? Il-kelma bil-Grieg għal “nixxalaw” tirreferi għal parties bla kontroll li fihom kien ikun hemm nies jixorbu ħafna u anki mużika li kienet iddum sa tard billejl. (Ara n-nota taʼ studju bl-Ingliż “wild parties” maʼ Rumani 13:13.) Jekk tagħżlu li fit-tieġ ikun hemm l-alkoħol, aħsbu x’tistgħu tagħmlu minn qabel biex ħadd ma jixrob iżżejjed.c Jekk ikun hemm il-mużika, agħmlu ċert li l-volum ma jkunx għoli ħafna ħalli n-nies ikunu jistgħu jitkellmu mingħajr ma jkollhom għalfejn jgħajtu. Iċċekkjaw sew x’tip taʼ mużika se ddoqqu u araw li l-kliem fid-diski ma jfixkel lil ħadd.

9. Koppja xi trid iżżomm f’moħħha jekk waqt it-tieġ ikun hemm xi ħadd li jrid jgħid xi ħaġa quddiem kulħadd jew jagħmel xi ħaġa oħra?

9 F’ċertu pajjiżi, waqt it-tieġ, xi koppji jaf jagħżlu li jħallu l-ħbieb u l-familja tal-għarus u l-għarusa jagħmlu xi ħaġa bħal li jgħidu xi affarijiet dwarhom jew juru vidjows jew ritratti tagħhom. Dawn l-affarijiet jistgħu jagħmlu l-ġurnata iktar speċjali. Però, agħmel ċert li dak li se jgħidu jew juru jkun pożittiv u tajjeb. (Flp. 4:8) Saqsi lilek innifsek: ‘Se turi rispett lejn oħrajn? Se turi rispett lejn l-arranġament taż-żwieġ?’ U l-iktar mistoqsija importanti li trid issaqsi hi: ‘Se tagħti unur lil Ġeħova?’ Għalkemm m’hemm xejn ħażin li jgħidu xi ċajt, min ikun qed jitkellem m’għandu jgħid xejn li jkun doppju sens. (Efes. 5:3) Agħmel ċert li l-familja u l-ħbieb jifhmu dan jekk ikunu jixtiequ jgħidu xi ħaġa fit-tieġ tiegħek.

10. Koppja għala m’għandhiex tiġbed attenzjoni żejda lejha meta tkun qed tippjana t-tieġ? (1 Ġwanni 2:​15-17)

10 Tiġbdux attenzjoni żejda lejkom. (Aqra 1 Ġwanni 2:​15-17.) Dawk li jħobbu lil Ġeħova jagħmlu kulma jistgħu biex jagħtu unur lilu u mhux jiġbdu attenzjoni żejda lejhom. B’hekk, Kristjani umli jevitaw li jonfqu ammont esaġerat taʼ flus u jiffanfraw b’li għandhom. Intom kif se tibbenefikaw jekk ikollkom tieġ sempliċi minflok wieħed li jiġbed ħafna attenzjoni? Aħseb dwar l-eżempju taʼ Mike, ħu min-Norveġja. Hu qal: “Aħna ma dħalniex f’dejn u b’hekk stajna nkomplu naqdu bħala pijunieri. It-tieġ tagħna kien sempliċi, imma kien vera sabiħ u li tibqaʼ tiftakru.” Oħt mill-Indja jisimha Tabitha qalet: “Billi żammejna t-tieġ tagħna sempliċi, evitajna ħafna stress għax kien hemm inqas affarijiet x’nippjanaw u inqas deċiżjonijiet x’nieħdu li jien, l-għarus, u l-familji tagħna stajna ma qbilniex fuqhom.”

Grupp taʼ stampi: Aħwa qed jieħdu pjaċir f’tiġijiet Kristjani madwar id-dinja. 1. Għarus u għarusa qegħdin bilqiegħda quddiem il-ħu li qed jagħti t-taħdita taż-żwieġ tagħhom f’Sala tas-Saltna. 2. Koppja qed jifirħu lill-għarus u għarusa li t-tieġ tagħhom qed isir f’sala fuq barra. 3. Koppja li għadha kif tiżżewweġ u l-mistidnin tagħhom qed iġibu l-ikel minn buffet. 4. Għarus u għarusa bilwieqfa quddiem il-ħu li qed jagħmel it-taħdita taż-żwieġ tagħhom fuq barra.

Ngħixu fejn ngħixu, tieġ Kristjan jistaʼ jkun sempliċi, sabiħ, u li tibqgħu tiftakruh (Ara paragrafi 10-11)


11. L-għarus u l-għarusa kif jistgħu jkunu modesti b’dak li jilbsu u kif jidhru? (Ara wkoll l-istampi.)

11 Iddeċidejt x’se tilbes fit-tieġ tiegħek? Bla dubju, tixtieq tidher l-aħjar possibbli. Anki fiż-żmien meta nkitbet il-Bibbja, l-għarus u l-għarusa kienu joqogħdu attenti ħafna li jidhru sbieħ. (Isa. 61:10) Żgur li dak li se tilbes fit-tieġ se jkun differenti minn dak li tilbes għal okkażjonijiet oħra, però xorta hemm bżonn li jkun modest. (1 Tim. 2:9) Tħallix l-ilbies jew il-mod kif tidher isir l-iktar ħaġa importanti fit-tieġ tiegħek.—1 Pt. 3:​3, 4.

12. Koppja għala m’għandhiex timxi fuq drawwiet li jmorru kontra dak li tgħid il-Bibbja?

12 Timxux fuq drawwiet li jmorru kontra dak li tgħid il-Bibbja. (Riv. 18:4) Illum il-ġurnata, fit-tiġijiet taʼ spiss ikun hemm affarijiet li għandhom x’jaqsmu mar-reliġjon falza, l-ispiritiżmu, jew is-superstizzjonijiet. Ġeħova jgħidilna ċar li m’għandux ikollna x’naqsmu m’affarijiet mhux nodfa bħal dawn. (2 Kor. 6:​14-17) Jekk fejn tgħix int hemm xi drawwiet jew tradizzjonijiet li m’intix ċert jekk Ġeħova jiħux gost bihom, agħmel riċerka dwarhom biex tara minn fejn bdew u fittex prinċipji tal-Bibbja biex jgħinuk tiddeċiedi tinkludihomx fit-tieġ.

13. Koppja kif tistaʼ timita l-ħarsa taʼ Ġeħova dwar li tirċievi rigali?

13 Fejn tgħix int huwa komuni li l-mistidnin jagħtu rigal lill-koppja li se tiżżewweġ? Xi ħadd li jkollu l-flus jaf jagħti rigal differenti minn xi ħadd li ma jkollux daqshekk flus. Ovvjament, il-Kristjani huma inkuraġġiti biex jagħtu rigali u dan jagħmilhom ferħanin. (Prov. 11:25; Atti 20:35) Però, meta tistiednu lil xi ħadd għat-tieġ tagħkom, ma tridux iġġegħluh iħossu li jrid jagħtikom rigal bilfors, jew iġġegħluh iħossu ħażin jekk ma jaffordjax jagħtikom ħafna. Aħna għandna nimitaw lil Ġeħova billi napprezzaw kulma jagħtuna n-nies, mhux għax taʼ bilfors imma minn qalbhom.—2 Kor. 9:7.

EVITAW U EGĦLBU PROBLEMI LI JISTGĦU JINQALGĦU

14. Xi koppji liema sfidi jkollhom?

14 Intom u tippjanaw tieġ li jġib unur lil Ġeħova jaf ikollkom xi sfidi. Pereżempju, tistgħu ssibuha diffiċli biex tippjanaw tieġ sempliċi. Ħu jismu Charlie, li jgħix fil-Gżejjer Solomon qal: “Kienet vera diffiċli biex niddeċiedu lil min se nistiednu għat-tieġ. Aħna għandna ħafna ħbieb, u fil-kultura tagħna, kulħadd jistenna li jkun mistieden!” Tabitha, li ssemmiet qabel, qalet: “Fejn ngħix jien hu komuni ħafna li jagħmlu tiġijiet kbar. Allura, ħa ż-żmien biex il-ġenituri tagħna jaċċettaw id-deċiżjoni li ħadna li nistiednu madwar 100 persuna biss.” Sarah, oħt mill-Indja, qalet: “Xi nies jiffokaw wisq fuq kemm għandhom flus u x’jaħsbu oħrajn dwarhom. Il-kuġini tiegħi kellhom tieġ kbir ħafna, allura oħrajn għamluli pressjoni biex nagħmel tieġ ikbar minn tagħhom.” X’se jgħinkom biex tegħlbu dawn it-tip taʼ sfidi?

15. It-talb għala hu xi ħaġa importanti meta koppja jkunu qed jippjanaw it-tieġ?

15 Itolbu taʼ spiss dwar il-pjanijiet tat-tieġ. Tistgħu tgħidu lil Ġeħova fit-talb dwar kull deċiżjoni li tridu tieħdu jew dwar l-istress li jaf ikollkom waqt li qed tippjanaw it-tieġ. (Flp. 4:​6, 7 u n-nota taʼ studju bl-Ingliż maʼ “in everything”) Tistgħu titolbuh biex jgħinkom tieħdu deċiżjonijiet tajbin, biex tibqgħu kalmi meta tkunu ansjużi, u biex turu kuraġġ jekk dak li tiddeċiedu ma jkunx dak li qed jistennew oħrajn. (1 Pt. 5:7) Meta taraw li Ġeħova wieġeb it-talb tagħkom, se tafdawh iktar. Tabitha, li ssemmiet qabel, qalet: “Jien u l-għarus tiegħi konna inkwetati ħafna dwar li ma naqblux bejnietna u mal-familji tagħna. Allura, kull meta konna niddiskutu l-pjanijiet tat-tieġ, konna nibdew b’talba. Vera konna nħossu lil Ġeħova jgħinna u kellna l-paċi kemm bejnietna u anki maʼ tal-familja.”

16-17. Għala jkun tajjeb li titkellmu b’qalb tajba meta tippjanaw it-tieġ?

16 Tkellmu b’qalb tajba maʼ xulxin u maʼ tal-familja. (Prov. 15:22) Bħala koppja se jkollkom tieħdu ħafna deċiżjonijiet dwar it-tieġ tagħkom. Dan jinkludi d-data, kemm se tonfqu flus, lil min se tistiednu, u ħafna affarijiet oħrajn. Qabel ma tiddeċiedu xi ħaġa, iddiskutu l-għażliet li għandkom flimkien u fittxu prinċipji mill-Bibbja li jkollhom x’jaqsmu mas-suġġett. Barra minn hekk, aħsbu wkoll dwar xi pariri li jistgħu jagħtukom aħwa maturi u li għandhom l-esperjenza. Meta tkunu qed tgħidu lil xulxin u lill-familja x’tixtiequ u x’ma tixtiqux, kunu qalbkom tajba, raġunevoli, u kunu lesti li taddattaw. Jekk dawk tal-familja, bħal pereżempju l-ġenituri, ikunu jixtiequ xi ħaġa fit-tieġ tiegħek li tkun raġunevoli, ipprova kkuntentahom. Tinsiex, din hi ġurnata speċjali għalihom ukoll. Jekk ma tkunux tistgħu tagħmlu dak li jixtiequ, spjegawlhom b’qalb tajba u bi mħabba għala mhux se tagħmlu hekk. (Kol. 4:6) Agħmluhielhom ċara lil tal-familja li l-mira tagħkom hi li t-tieġ ikun okkażjoni taʼ ferħ u li jġib unur lil Ġeħova.

17 Li tispjegaw xi tkunu ddeċidejtu lill-ġenituri tagħkom jistaʼ jkun diffiċli speċjalment jekk mhumiex fil-verità, imma jistaʼ jirnexxilkom. Ħu mill-Indja jismu Santhosh qal: “Il-familji tagħna riedu li fit-tieġ tagħna jkollna xi ritwali tal-Ħindu. Damu biex fehmu xi ddeċidejna jien u l-għarusa. Fejn stajna għamilna dak li xtaqu jekk ma kinitx xi ħaġa li biha nweġġgħu lil Ġeħova. Pereżempju, biddilna l-ikel għal dak li xtaqu huma u ddeċidejna li ma jkollniex kant u żfin għax għalihom dawn ma kinux affarijiet normali.”

18. X’tistgħu tagħmlu biex fil-ġurnata tat-tieġ kollox imur sew? (1 Korintin 14:40) (Ara wkoll l-istampa.)

18 Ippjanaw sew. Li tkunu organizzati jistaʼ jgħinkom biex tkunu inqas stressjati fil-ġurnata tat-tieġ. (Aqra 1 Korintin 14:40.) Wayne, mit-Tajwan, jgħid: “Ftit ġranet qabel it-tieġ, iltqajna maʼ dawk li kienu se jgħinuna biex nitkellmu magħhom dwar x’inhuma l-pjanijiet u anki pprattikajna wħud minnhom biex inkunu ċerti li kollox imur sew.” B’rispett lejn il-mistidnin, agħmlu dak kollu li tistgħu biex iżżommu mal-ħin.

Koppja li se tiżżewweġ qed jiddiskutu l-arranġamenti tat-tieġ m’aħwa li se jgħinuhom. Fuq it-tablet il-ħu qed juri l-pjan taʼ kif ħa jqassmu l-imwejjed waqt it-tieġ.

Li tippjanaw sew qabel it-tieġ jistaʼ jgħinkom biex kollox imur sew (Ara paragrafu 18)


19. Kif tistgħu tagħmlu ċert li t-tieġ tagħkom jibqaʼ jonora lil Ġeħova?

19 Ħafna problemi jistgħu jiġu evitati jekk taħsbu minn qabel x’jistaʼ jiġri. (Prov. 22:3) Pereżempju, jekk fejn tgħixu intom huwa komuni li għat-tieġ jiġu nies mhux mistidnin, aħsbu x’tistgħu tagħmlu biex dan ma jsirx. Agħmlu ċert li tal-familja li mhumiex fil-verità jkunu jafu x’se jiġri u spjegawlhom kif taħsbuha dwar ċerti drawwiet. Tistgħu turuhom l-artiklu “What Happens at a Wedding of Jehovah’s Witnesses?” fuq jw.org. Biex kollox ikun taħt kontroll waqt it-tieġ, tistgħu ssaqsu ħu li tafdaw u matur biex ikun dak li “jieħu ħsieb it-tieġ.” (Ġw. 2:8) Jekk tgħidulu x’inhuma l-pjanijiet tagħkom, jistaʼ jgħinkom biex it-tieġ iġib unur lil Ġeħova u kollox imur kif tkunu ppjanajtu.

20. Koppja x’għandha tiftakar meta tkun qed tippjana l-ġurnata tat-tieġ?

20 Jistaʼ jkun li tħossukom xi ftit stressjati meta taħsbu kemm fih xogħol li tippjanaw il-ġurnata tat-tieġ tagħkom. Imma ftakru li t-tieġ kulma hu ġurnata waħda. Hu l-bidu tal-ħajja miżżewġa tagħkom hekk kif tkomplu taqdu lil Ġeħova flimkien. Agħmlu dak kollu li tistgħu biex iżżommu t-tieġ sempliċi u li jġib unur lil Ġeħova. Afdaw f’Ġeħova. Bil-gwida tiegħu, intom se tkunu kapaċi torganizzaw tieġ li meta taħsbu fih se jkollkom memorji sbieħ u bla dispjaċiri.—Slm. 37:​3, 4.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Koppja għala għandha tonora lil Ġeħova fil-ġurnata tat-tieġ tagħha?

  • Koppja kif tistaʼ tkun ċerta li jkollha tieġ sabiħ u li jġib unur lil Ġeħova?

  • Koppja kif se tibbenefika jekk iżżomm it-tieġ tagħha sempliċi?

GĦANJA 107 Il-mudell divin tal-imħabba

a ESPRESSJONI SPJEGATA: F’ħafna kulturi, tieġ jinvolvi ċ-ċerimonja fejn il-koppja jwiegħdu lil Alla u lil xulxin li se jibqgħu flimkien għal dejjem. Xi koppji jaf jiddeċiedu li wara jkollhom riċeviment, jew party, fejn fih jiċċelebraw din l-okkażjoni mal-familja u l-ħbieb. F’kulturi fejn mhux komuni li jkollhom ċerimonja jew tieġ, xorta hu importanti li l-koppji jirrispettaw il-prinċipji tal-Bibbja fil-ġurnata tat-tieġ tagħhom.

b Għal iktar informazzjoni dwar kif il-Kristjani għandhom iħarsu lejn il-liġijiet tal-gvern dwar iż-żwieġ, ara l-artiklu “Tiġijiet li Huma Onorabbli fil-Ħarsa t’Alla u tal-Bniedem” fil-ħarġa taʼ It-Torri tal-Għassa tal-15 t’Ottubru 2006.

c Ara l-vidjow Għandi Noffri Alkoħol? fuq jw.org.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja