Imħallfin
9 Maż-żmien, Abimelek+ bin Ġerubbagħal mar Sikem+ għand ħut ommu u beda jkellem lilhom u lill-familja kollha taʼ dar missier ommu, u qal: 2 “Għidu, jekk jogħġobkom, biex jisimgħukom is-sidien kollha taʼ l-art taʼ Sikem, ‘X’inhu l-aħjar għalikom, li jaħkmu fuqkom sebgħin raġel,+ l-ulied kollha taʼ Ġerubbagħal, jew li jaħkem fuqkom raġel wieħed? U tridu tiftakru li jien għadamkom u laħamkom.’”+
3 Għalhekk, ħut ommu bdew jgħidu dan il-kliem kollu biex jisimgħuhom is-sidien kollha taʼ l-art taʼ Sikem, u b’hekk qalbhom inġibdet lejn Abimelek,+ għax qalu: “Ħuna hu.”+ 4 Imbagħad tawh sebgħin biċċa tal-fidda mit-tempju taʼ Bagħal-berit,+ u bihom Abimelek kera rġiel għażżenin u insolenti,+ biex imorru miegħu. 5 Wara dan, hu mar lejn dar missieru f’Għofra+ u qatel lil ħutu,+ ulied Ġerubbagħal, sebgħin raġel, fuq ġebla waħda, imma Ġotam l-iżgħar wieħed minn ulied Ġerubbagħal baqaʼ ħaj, għax staħba.
6 Imbagħad is-sidien kollha taʼ l-art taʼ Sikem u d-dar kollha taʼ Millo+ nġabru flimkien u marru jagħmlu lil Abimelek sultan,+ qrib is-siġra l-kbira,+ il-pilastru li kien f’Sikem.+
7 Meta rrapportaw dan lil Ġotam hu minnufih mar u waqaf fuq il-quċċata tal-Muntanja Geriżim+ u għolla leħnu u għajjat u qalilhom: “Isimgħuni, sidien taʼ l-art taʼ Sikem, u mbagħad jismagħkom Alla:
8 “Darba waħda s-siġar marru jidilku sultan għal fuqhom. Għalhekk, qalu liż-żebbuġa,+ ‘Saltan fuqna.’+ 9 Imma ż-żebbuġa qaltilhom, ‘Sejra jien inċedi ż-żejt rikk tiegħi li bih jigglorifikaw+ lil Alla u lill-bnedmin, u nixxejjer fuq is-siġar l-oħrajn?’+ 10 Imbagħad is-siġar qalu lit-tina,+ ‘Ejja int, u saltan fuqna.’ 11 Imma t-tina qaltilhom, ‘Sejra jien inċedi l-ħlewwa tiegħi u l-prodott tajjeb tiegħi, u nixxejjer fuq is-siġar l-oħrajn?’+ 12 Wara dan, is-siġar qalu lid-dielja, ‘Ejja int, u saltan fuqna.’ 13 Min-naħa tagħha, id-dielja qaltilhom, ‘Sejra jien inċedi l-inbid ġdid tiegħi li jferraħ lil Alla u lill-bnedmin,+ u nixxejjer fuq is-siġar?’ 14 Fl-aħħarnett, is-siġar l-oħrajn kollha qalu lill-għollieqa,+ ‘Ejja int, u saltan fuqna.’ 15 Għal dan, l-għollieqa qalet lis-siġar, ‘Jekk verament qed tidilkuni biex insaltan fuqkom, ejjew, fittxu l-kenn taħt delli.+ Imma jekk le, ħa joħroġ in-nar+ mill-għollieqa u jaħraq iċ-ċedri+ tal-Libanu.’+
16 “U issa jekk aġixxejtu bis-sinċerità* u mingħajr nuqqas meta għamiltu lil Abimelek sultan,+ u jekk urejtu tjubija maʼ Ġerubbagħal u n-nies taʼ daru, u jekk għamiltu miegħu skond kif kien jistħoqqlu għal dak li għamel, 17 meta missieri ġġieled+ għalikom u ssogra ruħu+ biex jeħliskom minn id Midjan;+ 18 u intom, min-naħa tagħkom, qomtu kontra n-nies taʼ dar missieri llum u qtiltu lil uliedu,+ sebgħin raġel,+ fuq ġebla waħda, biex tkunu tistgħu tagħmlu lil Abimelek, bin l-ilsira tiegħu,+ sultan+ fuq is-sidien taʼ l-art taʼ Sikem sempliċement għax hu ħukom; 19 iva, jekk illum aġixxejtu bis-sinċerità u mingħajr nuqqas maʼ Ġerubbagħal u n-nies taʼ daru, ifirħu b’Abimelek u ħa jifraħ hu wkoll bikom.+ 20 Imma jekk le, ħa joħroġ nar+ minn Abimelek u jaħraq lis-sidien taʼ l-art taʼ Sikem u lid-dar taʼ Millo,+ u ħa joħroġ nar+ mis-sidien taʼ l-art taʼ Sikem u mid-dar taʼ Millo u jaħraq lil Abimelek.”+
21 Imbagħad Ġotam+ ħarab u telaq jiġri u mar lejn Bir, u beda jgħammar hemmhekk minħabba ħuh Abimelek.
22 U Abimelek baqaʼ jilgħabha taʼ prinċep fuq Israel għal tliet snin.+ 23 Imbagħad Alla ħalla spirtu ħażin+ jiżviluppa bejn Abimelek u s-sidien taʼ l-art taʼ Sikem, u s-sidien taʼ l-art taʼ Sikem aġixxew bi tradiment+ m’Abimelek, 24 biex il-vjolenza li saret fuq is-sebgħin tifel taʼ Ġerubbagħal tiġi lura fuqhom+ u hu jqiegħed demmhom fuq Abimelek ħuhom għax qatilhom,+ u fuq is-sidien taʼ l-art taʼ Sikem għax inkuraġġewh+ joqtol lil ħutu. 25 Għalhekk, is-sidien taʼ l-art taʼ Sikem qegħdulu xi rġiel mistoħbijin fuq il-qċaċet tal-muntanji, u kienu jisirqu lil kulmin kien jgħaddi minn ħdejhom fit-triq. Maż-żmien, dan ġie rapportat lil Abimelek.
26 Imbagħad ġew Gagħal+ bin Għebed u ħutu subien u qasmu f’Sikem,+ u s-sidien taʼ l-art taʼ Sikem bdew jafdaw fih.+ 27 U ħarġu fl-għalqa bħas-soltu u ġabru l-għeneb taʼ l-għelieqi tad-dwieli tagħhom u għaffġuh u għamlu festa taʼ ferħ,+ u wara dan daħlu fid-dar taʼ l-alla tagħhom+ u kielu+ u seħtu+ lil Abimelek. 28 U Gagħal bin Għebed qal: “Min hu Abimelek,+ u min hu Sikem biex naqduh? Mhux bin Ġerubbagħal,+ u m’huwiex Żebul+ uffiċjal tiegħu? Intom aqdu lill-irġiel taʼ Ħamor,+ missier Sikem, imma aħna għala għandna naqdu lilu? 29 Mhux li kien f’idi dan il-poplu!+ Kieku lil Abimelek kont inneħħih.” U qal lil Abimelek: “Kabbar l-armata tiegħek u oħroġ magħha.”+
30 U Żebul il-prinċep tal-belt semaʼ kliem Gagħal bin Għebed.+ U xegħel bir-rabja. 31 Għalhekk, biex iqarraq bih bagħat messaġġiera għand Abimelek, li qalu: “Ara! Gagħal bin Għebed u ħutu subien ġew Sikem,+ u qed jiġimgħu n-nies tal-belt kontrik. 32 U issa qum bil-lejl,+ int u n-nies li huma miegħek, u oqgħod għal-lest+ fir-rabaʼ. 33 U fil-għodu, malli tibda tiddi x-xemx, qum kmieni, u itlaq iġri għal kontra l-belt; u meta hu u n-nies li huma miegħu jkunu ħerġin kontrik, int ukoll agħmillu kulma jiġi għal idejk.”
34 Fi qbil maʼ dan, Abimelek u n-nies kollha li kienu miegħu qamu bil-lejl, u qagħdu għal-lest kontra Sikem f’erbaʼ qtajjaʼ. 35 Iktar tard, Gagħal+ bin Għebed ħareġ u qagħad fid-daħla taʼ bieb il-belt. U Abimelek u n-nies li kienu miegħu qamu mill-post fejn kienu mistoħbijin. 36 Meta Gagħal lemaħ lin-nies, minnufih qal lil Żebul: “Ara! Hemm in-nies neżlin minn fuq il-qċaċet tal-muntanji.” Imma Żebul qallu: “Int qed tara d-dellijiet tal-muntanji u qed taħsibhom nies.”+
37 Imbagħad Gagħal reġaʼ tkellem u qal: “Ara! Hemm in-nies neżlin minn nofs l-art, u qatgħa minnhom ġejja min-naħa tas-siġra l-kbira taʼ Meonenim.”* 38 Għal dan, Żebul qallu: “Fejn hu issa l-kliem li għedt,+ ‘Min hu Abimelek biex naqduh?’+ M’humiex dawn in-nies li rrifjutajt?+ Oħroġ issa, jekk jogħġbok, u ġġieled kontrihom.”
39 Għalhekk, Gagħal ħareġ bis-sidien taʼ l-art taʼ Sikem warajh u beda jiġġieled kontra Abimelek. 40 U Abimelek telaq għal warajh, u dak ħarab quddiemu; u kien hemm ħafna li komplew jinqatlu sad-daħla tal-bieb.
41 U Abimelek kompla jgħammar f’Aruma, u Żebul+ keċċa lil Gagħal+ u lil ħutu biex ma jgħammrux f’Sikem.+ 42 U ġara li l-għada n-nies bdew ħerġin fir-rabaʼ. U dan intqal lil Abimelek.+ 43 Għalhekk, hu ħa lin-nies u qassamhom fi tliet qtajjaʼ+ u qagħad għal-lest fir-rabaʼ. Imbagħad hu ħares, u n-nies kienu ħerġin mill-belt. U qam għalihom u qatilhom. 44 U Abimelek u l-qtajjaʼ li kienu miegħu telqu jiġru biex jieqfu fid-daħla taʼ bieb il-belt, waqt li żewġ qtajjaʼ telqu jiġru kontra dawk kollha li kienu fir-rabaʼ, u qatluhom.+ 45 U Abimelek iġġieled kontra l-belt matul dak il-jum kollu u rebaħha; u qatel lin-nies li kienu fiha,+ u wara dan ġarraf il-belt+ u xerred il-melħ fiha.+
46 Meta ċ-ċittadini kollha tat-torri taʼ Sikem semgħu b’dan, dawn minnufih marru fil-kantina tat-tempju t’El-berit.+ 47 Imbagħad ġie rapportat lil Abimelek li ċ-ċittadini kollha tat-torri taʼ Sikem kienu nġabru flimkien. 48 Għal dan, Abimelek telaʼ fuq il-Muntanja Żalmon,+ hu u n-nies kollha li kienu miegħu. U Abimelek ħa mannara f’idu u qataʼ fergħa mis-siġar, refagħha, poġġieha fuq spalltu, u qal lin-nies li kienu miegħu: “Dak li rajtuni nagħmel—ħaffu, agħmlu bħali!”+ 49 Għalhekk, in-nies kollha wkoll qatgħu fergħa kull wieħed u marru wara Abimelek. Imbagħad qegħduhom mal-kantina, u taw in-nar lill-kantina bihom b’kollox, u b’hekk in-nies kollha tat-torri taʼ Sikem mietu wkoll, madwar elf raġel u mara.+
50 U Abimelek mar Tebes+ u kkampja kontra Tebes u rebaħha. 51 Peress li kien hemm torri b’saħħtu f’nofs il-belt, l-irġiel u n-nisa kollha u s-sidien kollha taʼ l-art tal-belt kienu ħarbu hemmhekk, u mbagħad għalquh warajhom u telgħu fuq il-bejt tat-torri. 52 U Abimelek telaq lejn it-torri u beda jiġġieled kontrih, u telaʼ qrib id-daħla tat-torri biex jaħarqu bin-nar.+ 53 Imbagħad waħda mara xeħtet ġebla taʼ fuq taʼ mitħna għal fuq ras Abimelek u qasmitlu rasu.+ 54 Għalhekk, hu sejjaħ malajr lill-qaddej li kien iġorrlu l-armi u qallu: “Islet sejfek u oqtolni,+ għax nibżaʼ li jgħidu dwari, ‘Kienet mara li qatlitu.’” Minnufih il-qaddej tiegħu nifdu, u miet.+
55 Meta l-irġiel taʼ Israel raw li Abimelek kien miet, telqu kull wieħed lejn daru. 56 B’hekk, Alla ġab lura fuq Abimelek il-ħażen li kien għamel lil missieru billi qatel lil ħutu, sebgħin raġel.+ 57 U l-ħażen kollu taʼ l-irġiel taʼ Sikem Alla ġabu lura fuq rashom stess, biex tiġi fuqhom+ is-saħta+ taʼ Ġotam+ bin Ġerubbagħal.+