Isaija
5 Ħa nkanta għanja, jekk jogħġobkom, għall-maħbub tiegħi, għanja dwar il-maħbub tiegħi u l-għalqa tad-dwieli tiegħu.+ Il-maħbub tiegħi kellu għalqa tad-dwieli fuq ġenb għammiel t’għolja. 2 U ħaffirha u neħħielha l-ġebel u ħawwel fiha dielja ħamra prima, u bena torri f’nofsha.+ U ħaffer fiha magħsar taʼ l-inbid.+ U baqaʼ jittama li tagħmel l-għeneb,+ imma għamlet għeneb salvaġġ.+
3 “U issa, O abitanti taʼ Ġerusalemm u nies taʼ Ġuda, jekk jogħġobkom, iġġudikaw bejni u bejn l-għalqa tad-dwieli tiegħi.+ 4 X’jonqosni nagħmlilha lill-għalqa tad-dwieli tiegħi li m’għamiltux diġà?+ Għaliex qgħadt nittama li tagħmel l-għeneb, imma għamlet għeneb salvaġġ? 5 U issa, jekk jogħġobkom, ħa ngħarrafkom x’se nagħmlilha l-għalqa tad-dwieli tiegħi: Se titneħħa l-bordura taʼ madwarha,+ u tinħaraq.+ Il-ħajt tal-ġebel tagħha se jiġġarraf, u ssir post li jgħaffġu minn fuqu.+ 6 U nagħmilha ħaġa meqruda.+ Ma tinżabarx, u lanqas ma tinħadem bl-imgħażqa.+ U fiha jikbru l-għollieq u l-ħaxix ħażin;+ u nagħti kmand lis-sħab biex minnu ma tinżilx xita fuqha.+ 7 Għax l-għalqa tad-dwieli+ taʼ Ġeħova taʼ l-armati hi dar Israel, u n-nies taʼ Ġuda huma l-art imħawla li kien jgħożż.+ U baqaʼ jittama għal ġudizzju,+ imma, ara, kien hemm il-ksur tal-liġi; għas-sewwa, imma, ara, minflok kien hemm għajat.”+
8 Gwaj għal dawk li jżidu dar maʼ dar,+ u li jgħaqqdu għalqa m’għalqa sakemm ma jibqax iżjed spazju+ u jkollkom tgħammru waħedkom f’nofs il-pajjiż! 9 Smajt b’widnejja lil Ġeħova taʼ l-armati jaħlef li ħafna djar, għalkemm sbieħ u tajbin, se jsiru oġġett taʼ stagħġib, bla ma ħadd jgħammar fihom.+ 10 Għax anki għaxar fiddiena*+ dwieli se jipproduċu biss bat wieħed,+ u ħomer żerriegħa jipproduċi biss efa waħda.+
11 Gwaj għal dawk li jqumu kmieni fil-għodu biex ifittxu x-xorb li jsakkar,+ u li jdumu fit-tard fid-dlam taʼ fil-għaxija biex jintilfu bl-inbid!+ 12 U fil-festi tagħhom+ ikun hemm l-arpa u l-istrument tal-korda, it-tanburlin u l-flawt, u l-inbid; imma lejn l-attività taʼ Ġeħova ma jħarsux, u xogħol idejh ma rawhx.+
13 Għalhekk, il-poplu tiegħi jkollu jmur fl-eżilju minħabba n-nuqqas t’għarfien;+ u l-glorja tagħhom tkun irġiel imġewħin,+ u l-folla tagħhom tkun niexfa qoxqox bl-għatx.+ 14 Għalhekk, il-Qabar* wessaʼ ruħu u fetaħ ħalqu beraħ bla limitu;+ u n-nobbli f’dik il-belt, kif ukoll il-folla tagħha u l-għagħa tagħha u min jifraħ, żgur jinżlu ġo fih.+ 15 U l-bniedem jitniżżel, u r-raġel jitbaxxa, u għajnejn l-għoljin jitbaxxew ukoll.+ 16 U Ġeħova taʼ l-armati se jogħla permezz tal-ġudizzju,+ u l-Alla l-veru, il-Qaddis,+ iqaddes lilu nnifsu permezz tas-sewwa.+ 17 U l-ħrief se jirgħu hemmhekk bħallikieku fil-mergħa tagħhom; u r-residenti barranin se jieklu fil-postijiet imħarbtin fejn darba kien hemm l-annimali magħlufin tajjeb.+
18 Gwaj għal dawk li jiġbdu l-iżball bil-ħbula tan-nuqqas taʼ verità, u d-dnub bħallikieku bl-irbit taʼ mal-karrijiet;+ 19 dawk li qed jgħidu: “Ħa jiġi malajr xogħlu; ħa jħaffef, sabiex narawh; u ħa jersaq u jseħħ l-iskop tal-Qaddis taʼ Israel, sabiex inkunu nafuh!”+
20 Gwaj għal dawk li qed jgħidu li t-tajjeb hu ħażin u l-ħażin hu tajjeb,+ dawk li qed jibdlu d-dlam mad-dawl u d-dawl mad-dlam, dawk li qed jibdlu l-morr mal-ħelu u l-ħelu mal-morr!+
21 Gwaj għal dawk li huma għorrief f’għajnejhom stess u għaqlin f’wiċċhom stess!+
22 Gwaj għal dawk li huma setgħanin biex jixorbu l-inbid, u għall-irġiel li huma mimlijin enerġija biex iħalltu x-xorb li jsakkar,+ 23 dawk li qed jiddikjaraw lill-ħażin ġust minħabba t-tixħim,+ u li lill-ġust jiħdulu l-ġustizzja minnu!+
24 Għalhekk, bħalma lsien tan-nar jiblaʼ t-tiben*+ u l-ħaxix niexef jintilef fil-fjammi, iz-zokk t’għeruqhom isir jinten bħall-moffa,+ u l-inwar tagħhom isir bħat-trab, għax irrifjutaw il-liġi taʼ Ġeħova taʼ l-armati,+ u wrew nuqqas taʼ rispett għal dak li qal il-Qaddis taʼ Israel.+ 25 Huwa għalhekk li r-rabja taʼ Ġeħova xegħlet kontra n-nies tiegħu, u se jmidd idu kontrihom u jolqothom.+ U l-muntanji jitheżżu,+ u l-iġsma mejtin tagħhom isiru bħaż-żibel f’nofs it-toroq.+
Minħabba dan kollu, ma reġġax lura r-rabja tiegħu, imma idu għadha maħruġa ’l barra. 26 U għolla arblu bħala sinjal għal ġens kbir ’il bogħod,+ u saffar lil dak li qiegħed f’tarf l-art;+ u, ara, dan se jiġi malajr bil-ħeffa.+ 27 Ħadd minnhom m’hu għajjien jew qed jitfixkel. Ħadd ma qabdu n-ngħas u ħadd m’hu rieqed. U ċ-ċinturin madwar ġenbejhom ma jinfetaħx, u lanqas il-qfieli tas-sandli tagħhom ma jinqatgħu fi tnejn; 28 għax il-vleġeġ tagħhom misnunin u l-qwas tagħhom milwijin.+ Difrejn iż-żwiemel tagħhom qishom żnied,+ u r-roti tagħhom bħal riħ taʼ tempesta.+ 29 L-għajat tagħhom hu bħal dak taʼ ljun, u jgħajtu bħal iljuni b’saħħithom.+ U jgergru u jaħtfu l-priża u jġorruha f’post fiż-żgur, u ma jkun hemm ebda ħellies.+ 30 U dakinhar jgħajtu għaliha bħall-għajat tal-baħar.+ U wieħed jiċċassa lejn il-pajjiż, u hemmhekk jara dlam li jnikket;+ u anki d-dawl iddallam minħabba l-qtar li nieżel fuqu.