Mattew
13 Dakinhar, wara li telaq mid-dar, Ġesù qagħad bil-qiegħda ħdejn il-baħar. 2 U folol kbar inġabru madwaru, u għalhekk telaʼ f’dgħajsa u qagħad bil-qiegħda,+ u l-folla kollha kienet wieqfa fuq ix-xatt. 3 Imbagħad qalilhom ħafna affarijiet permezz taʼ tixbihat: “Ara! Wieħed raġel ħareġ jiżraʼ.+ 4 U waqt li kien qed jiżraʼ, xi żrieragħ waqgħu fil-ġenb tat-triq, u ġew l-għasafar u kiluhom.+ 5 Oħrajn waqgħu fuq il-blat fejn ma tantx kellhom ħamrija, u, peress li l-ħamrija ma kinitx fonda,+ nibtu mill-ewwel. 6 Imma meta telgħet ix-xemx inħarqu, u, għax ma kellhomx għeruq, nixfu.+ 7 Ukoll, oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber u ħonoqhom.+ 8 Jerġaʼ oħrajn waqgħu f’ħamrija tajba u bdew jagħtu l-frott,+ din mitt darba, dik sittin, l-oħra tletin.+ 9 Min għandu widnejn, ħa jismaʼ.”+
10 Resqu lejh id-dixxipli u staqsewh: “Għala tkellimhom bit-tixbihat?”+ 11 Hu wieġeb u qalilhom: “Lilkom hu mogħti li tifhmu s-sigrieti sagri+ tas-saltna tas-smewwiet, imma lilhom le.+ 12 Għax kulmin għandu, iktar jingħatalu u jkollu bl-abbundanza;+ imma kulmin m’għandux, anki dak li għandu jittiħidlu.+ 13 Huwa għalhekk li nkellimhom bit-tixbihat, għax, meta jħarsu, iħarsu għalxejn, u meta jisimgħu, jisimgħu għalxejn, u lanqas jifhmu;+ 14 u dwarhom qed titwettaq il-profezija taʼ Isaija li tgħid, ‘Tisimgħu kemm tisimgħu żgur ma tifhmux; u tħarsu kemm tħarsu żgur ma tarawx.+ 15 Għax qalb dan il-poplu ma tqanqlitx, u semgħu b’widnejhom imma ma rreaġixxewx, u għalqu għajnejhom; hekk qatt ma se jaraw b’għajnejhom u jisimgħu b’widnejhom u jifhmu dan bi qlubhom u jduru lura, u jien infejjaqhom.’+
16 “Madankollu, henjin għajnejkom+ għax jaraw, u widnejkom għax jisimgħu. 17 Għax tassew ngħidilkom, Ħafna profeti+ u nies sewwa xtaqu jaraw l-affarijiet li qed taraw intom u ma rawhomx,+ u jisimgħu l-affarijiet li qed tisimgħu intom u ma semgħuhomx.+
18 “Mela, isimgħu t-tixbiha tar-raġel li ħareġ jiżraʼ.+ 19 Meta xi ħadd jismaʼ l-kelma tas-saltna imma ma jifhimhiex, jiġi l-Ħażin+ u jaħtaf dak li jkun inżeraʼ f’qalbu; dan hu li nżeraʼ fil-ġenb tat-triq. 20 Rigward dak li nżeraʼ fuq il-blat, dan hu l-bniedem li jismaʼ l-kelma u mill-ewwel jaċċettaha bil-ferħ.+ 21 Iżda peress li m’għandux għeruq fih innifsu, hu jkompli għal xi żmien imma meta tqum xi tribulazzjoni jew xi persekuzzjoni minħabba l-kelma mill-ewwel jitfixkel.+ 22 Rigward dak li nżeraʼ qalb ix-xewk, dan hu l-bniedem li jismaʼ l-kelma, imma l-ansjetà taʼ din is-sistema+ u l-qawwa qarrieqa tar-rikkezzi joħonqu l-kelma, u ma jagħmilx frott.+ 23 Rigward dak li nżeraʼ f’ħamrija tajba, dan hu l-bniedem li jismaʼ l-kelma, jifhimha, u tassew jagħmel u jagħti l-frott—min mitt darba, min sittin, min tletin.”+
24 Ġabilhom tixbiha oħra u qalilhom: “Is-saltna tas-smewwiet tixbah lil raġel li żeraʼ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu.+ 25 Waqt li n-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu u żeraʼ s-sikrana qalb il-qamħ, u telaq. 26 Meta l-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, imbagħad tfaċċat ukoll is-sikrana. 27 Għalhekk, l-ilsiera tas-sid ġew u qalulu, ‘Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek?+ Allura kif fiha s-sikrana?’+ 28 Qalilhom, ‘Xi ħadd għadu tiegħi għamel dan.’+ Qalulu, ‘Tridna mmorru niġbruha?’ 29 Hu qal, ‘Le; li ma tmorrux, waqt li qegħdin tiġbru s-sikrana, taqilgħu l-qamħ ukoll. 30 Ħalluhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; u fi żmien il-ħsad ngħid lill-ħassada, Iġbru l-ewwel is-sikrana u orbtuha f’qatet biex taħarquha,+ imbagħad morru iġbru l-qamħ fil-maħżen tiegħi.’”+
31 Ġabilhom tixbiha oħra+ u qalilhom: “Is-saltna tas-smewwiet hi bħal żerriegħa tal-mustarda+ li wieħed raġel ħa u żeraʼ fl-għalqa tiegħu; 32 fil-fatt, din hi l-iżgħar miż-żrieragħ kollha, imma meta tikber tkun l-akbar mill-ħxejjex kollha u ssir siġra, tant li l-għasafar tas-sema+ jiġu u joqogħdu qalb il-friegħi tagħha.”+
33 Qalilhom tixbiha oħra: “Is-saltna tas-smewwiet hi bħal ħmira+ li waħda mara ħadet u ħalltet maʼ tliet seat dqiq, sakemm tħemmret l-għaġna kollha.”
34 Dan kollu Ġesù qalu lill-folol bit-tixbihat. Tabilħaqq, ma kienx ikellimhom mingħajr xi tixbiha;+ 35 sabiex iseħħ dak li ntqal permezz tal-profeta: “Se niftaħ fommi bit-tixbihat, inxandar affarijiet moħbijin sa mit-tisjis tad-dinja.”+
36 Wara li bagħat lill-folol daħal id-dar. U d-dixxipli tiegħu ġew għandu u qalulu: “Fissrilna t-tixbiha tas-sikrana fl-għalqa.” 37 Hu wieġeb u qalilhom: “Dak li żeraʼ ż-żerriegħa t-tajba hu Bin il-bniedem; 38 l-għalqa hi d-dinja;+ iż-żerriegħa t-tajba hi wlied is-saltna; imma s-sikrana hi wlied il-Ħażin,+ 39 u l-għadu li żeragħha hu x-Xitan.+ Il-ħsad+ hu l-konklużjoni taʼ sistema,+ u l-ħassada huma l-anġli. 40 Għalhekk, bħalma s-sikrana tinġabar u tinħaraq bin-nar, hekk se jiġri fil-konklużjoni tas-sistema.+ 41 Bin il-bniedem se jibgħat l-anġli tiegħu, u dawn se jiġbru mis-saltna tiegħu dak kollu li joħloq tfixkil+ u lil min jikser il-liġi, 42 u jixħtuhom fil-forn tan-nar.+ Hemmhekk se jibku u jgħażżu snienhom.+ 43 F’dak iż-żmien in-nies sewwa jiddu+ bħax-xemx+ fis-saltna taʼ Missierhom. Min għandu widnejn, ħa jismaʼ.+
44 “Is-saltna tas-smewwiet hi bħal teżor moħbi f’għalqa li sabu wieħed raġel u ħbieh; u tant jifraħ li jmur u jbigħ+ kulma għandu u jixtri dik l-għalqa.+
45 “Jerġaʼ s-saltna tas-smewwiet hi bħal merkant li jivvjaġġa biex ifittex perli mill-isbaħ. 46 Meta sab perla waħda taʼ valur kbir+ telaq u minnufih biegħ kulma kellu u xtraha.+
47 “Jerġaʼ s-saltna tas-smewwiet hi bħal xibka kbira mitfugħa l-baħar, li tiġbor fiha ħut taʼ kull xorta.+ 48 Meta mtliet tellgħuha x-xatt u qagħdu bil-qiegħda jiġbru t-tajbin+ f’kannestri, imma l-ħżiena+ rmewhom. 49 Hekk se jiġri fil-konklużjoni tas-sistema: l-anġli joħorġu u jifirdu lin-nies ħżiena+ min-nies sewwa+ 50 u jixħtuhom fil-forn tan-nar. Hemmhekk se jibku u jgħażżu snienhom.+
51 “Fhimtuh dan kollu?” Qalulu: “Iva.” 52 Imbagħad qalilhom: “La hu hekk, kulmin jgħallem fil-pubbliku, meta jitgħallem dwar is-saltna tas-smewwiet,+ hu bħal raġel, sid taʼ dar, li joħroġ mit-teżor maħżun tiegħu affarijiet ġodda u qodma.”+
53 Issa, meta temm dawn it-tixbihat, Ġesù telaq minn hemmhekk. 54 U meta wasal pajjiżu+ beda jgħallimhom fis-sinagoga tagħhom,+ tant li stagħġbu u qalu: “Dan ir-raġel minfejn ġab dan l-għerf u dawn l-għemejjel setgħanin? 55 Dan mhux bin il-mastrudaxxa?+ Ommu mhux Marija jisimha, u ħutu s-subien Ġakbu u Ġużeppi u Xmun u Ġuda? 56 U ħutu l-bniet, mhux kollha magħna qegħdin?+ Allura, dan ir-raġel mnejn ġab dan kollu?”+ 57 Għalhekk, bdew jitfixklu minħabba fih.+ Imma Ġesù qalilhom: “Profeta jiġi onorat kullimkien minbarra f’pajjiżu u f’daru stess.”+ 58 U m’għamilx ħafna għemejjel setgħanin hemmhekk minħabba n-nuqqas taʼ fidi tagħhom.+