Ġwanni
7 Issa, wara dan, Ġesù baqaʼ jdur il-Galilija, għax ma riedx idur il-Lhudija billi l-Lhud kienu qed ifittxu opportunità biex joqtluh.+ 2 Madankollu, kienet qorbot il-festa tal-Lhud, il-festa taʼ l-għerejjex.+ 3 Għalhekk, ħutu+ qalulu: “Itlaq minn hawnhekk u mur il-Lhudija, sabiex id-dixxipli tiegħek ukoll jaraw l-għemejjel li tagħmel. 4 Għax ħadd ma jagħmel xejn bil-moħbi jekk ikun qed jipprova jsir magħruf pubblikament. La qed tagħmel dawn l-affarijiet, uri ruħek lid-dinja.” 5 Fil-fatt, ħutu+ ma kinux qed jeżerċitaw il-fidi fih.+ 6 Għalhekk, Ġesù qalilhom: “Għalija l-waqt għadu mhux preżenti,+ imma għalikom hu dejjem il-waqt. 7 Id-dinja m’għandhiex għalfejn tobgħodkom, imma lili tobgħodni, għax nixhed dwarha li l-għemejjel tagħha huma mill-agħar.+ 8 Itilgħu intom għall-festa; jien għadni m’iniex tielaʼ għal din il-festa, għax il-waqt tiegħi+ għadu ma wasalx għalkollox.”+ 9 Għalhekk, wara li qalilhom dan, baqaʼ fil-Galilija.
10 Imma wara li ħutu telgħu għall-festa, imbagħad telaʼ hu wkoll, mhux bid-dieher imma qisu bil-moħbi.+ 11 Għalhekk, fil-festa, il-Lhud bdew ifittxuh+ u jgħidu: “Fejn hu dak ir-raġel?” 12 U fost il-folol sar ħafna diskors minn taħt l-ilsien dwaru.+ Xi wħud bdew jgħidu: “Hu raġel tajjeb.” Oħrajn bdew jgħidu: “M’huwiex, imma qed iqarraq bil-folla.” 13 Naturalment, ħadd ma kien jitkellem dwaru fil-pubbliku, għax kienu jibżgħu mil-Lhud.+
14 Issa, meta l-festa kienet waslet f’nofsha, Ġesù telaʼ fit-tempju u beda jgħallem.+ 15 Għalhekk, il-Lhud baqgħu mistagħġbin u qalu: “Dan ir-raġel kif għandu dan l-għarfien u t-tagħlim kollu,+ meta ma studjax fl-iskejjel?”+ 16 Imbagħad, Ġesù wieġeb u qalilhom: “Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni.+ 17 Jekk xi ħadd jixtieq jagħmel ir-rieda Tiegħu, ikun jaf jekk it-tagħlim huwiex minn Alla+ jew jekk iniex nitkellem minni nnifsi. 18 Min jitkellem minnu nnifsu jfittex il-glorja tiegħu stess; imma min ifittex il-glorja+ taʼ dak li bagħtu hu veru u fih m’hemm xejn li mhux sewwa. 19 Mhux Mosè takom il-Liġi?+ Imma ħadd minnkom ma jobdiha l-Liġi. Għala qed tipprovaw toqtluni?”+ 20 Wieġbet il-folla: “Int għandek demonju.+ Min qed jipprova joqtlok?” 21 Ġesù wieġeb u qalilhom: “Għemil wieħed wettaqt,+ u lkoll qed tistagħġbu. 22 Kien għalhekk li Mosè takom iċ-ċirkonċiżjoni+—mhux għax ġejja minn Mosè, imma mill-missirijiet+—u raġel tagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni fis-Sabat. 23 Jekk raġel issirlu ċ-ċirkonċiżjoni fis-Sabat sabiex ma tinkisirx il-liġi taʼ Mosè, għala intom irrabjati bl-aħrax għalija għax fejjaqt għalkollox lil wieħed raġel fis-Sabat?+ 24 Tibqgħux tiġġudikaw fuq dak li jidher minn barra, imma ġġudikaw b’ġudizzju ġust.”+
25 Għalhekk, xi wħud mill-abitanti taʼ Ġerusalemm bdew jgħidu: “Dan m’huwiex ir-raġel li qed ifittxuh biex joqtluh?+ 26 Iżda, ara! Qed jitkellem fil-pubbliku,+ u m’huma jgħidulu xejn. Il-ħakkiema ma sarux jafu fiċ-ċert li dan hu l-Kristu, hux hekk?+ 27 Għall-kuntrarju, aħna nafu minfejn hu dan ir-raġel;+ iżda meta jiġi l-Kristu, ħadd m’għandu jkun jaf minfejn hu.”+ 28 Għalhekk, waqt li kien qed jgħallem fit-tempju, Ġesù għajjat u qal: “Intom tafu kemm lili u kemm minfejn jien.+ Ukoll, jien ma ġejtx minn rajja,+ imma dak li bagħatni jeżisti tassew,+ u intom ma tafuhx.+ 29 Jien nafu,+ għax jien rappreżentant tiegħu, u Hu bagħatni.”+ 30 Għalhekk, bdew ifittxu opportunità biex jaqbduh,+ imma ħadd ma medd idu fuqu, għax is-siegħa tiegħu+ kienet għadha ma waslitx. 31 Xorta waħda, ħafna nies mill-folla poġġew il-fidi fih;+ u bdew jgħidu: “Meta jasal il-Kristu mhux se jwettaq iktar sinjali+ milli wettaq dan ir-raġel, hux hekk?”
32 Il-Fariżej semgħu lill-folla tgemgem dawn l-affarijiet dwaru, u l-qassisin ewlenin u l-Fariżej bagħtu xi uffiċjali biex jaqbduh.+ 33 Għalhekk, Ġesù qal: “Qabel ma mmur għand dak li bagħatni nibqaʼ magħkom ftit ieħor.+ 34 Imbagħad tfittxuni,+ imma ma ssibunix, u fejn inkun jien intom ma tistgħux tiġu.”+ 35 Għaldaqstant, il-Lhud qalu bejniethom: “Dan ir-raġel fejn bi ħsiebu jmur, biex aħna ma nsibuhx? Mhux bi ħsiebu jmur għand il-Lhud imxerrdin+ fost il-Griegi u jgħallem lill-Griegi, hux? 36 Xi jfisser dan il-kliem li qal, ‘Tfittxuni, imma ma ssibunix, u fejn inkun jien intom ma tistgħux tiġu’?”
37 Issa fl-aħħar jum, l-akbar jum tal-festa,+ Ġesù kien bil-wieqfa u għajjat u qal: “Jekk xi ħadd hu bil-għatx,+ ħa jiġi għandi u jixrob. 38 Min ipoġġi l-fidi fija,+ bħalma qalet l-Iskrittura, ‘Mill-intern tiegħu jgelglu nixxigħat taʼ ilma ħaj.’”+ 39 Madankollu, dan qalu dwar l-ispirtu li kienu se jirċievu dawk li poġġew il-fidi fih; għax kien għad m’hemmx spirtu,+ peress li Ġesù kien għadu ma ġiex glorifikat.+ 40 Għalhekk, xi wħud mill-folla li semgħu dan il-kliem bdew jgħidu: “Dan żgur il-Profeta.”+ 41 Oħrajn kienu qed jgħidu: “Dan il-Kristu.”+ Imma xi wħud kienu qed jgħidu: “Il-Kristu+ mhux ġej mill-Galilija, hux tassew?+ 42 Ma qalitx l-Iskrittura li l-Kristu ġej minn nisel David,+ u minn Betlehem,+ ir-raħal fejn kien ikun David?”+ 43 U qamet firda fost il-folla minħabba fih.+ 44 Iżda xi wħud minnhom riedu jaqbduh, imma ħadd ma medd idejh fuqu.
45 Għalhekk, l-uffiċjali marru lura għand il-qassisin ewlenin u l-Fariżej, u dawn qalulhom: “Għala ma ġibtuhx?” 46 Wieġbu l-uffiċjali: “Qatt ma kien hawn bniedem ieħor li tkellem bħalu.”+ 47 Imbagħad, il-Fariżej wieġbu: “Ma ġejtux imqarrqin intom ukoll, hux? 48 Ħadd mill-ħakkiema jew mill-Fariżej ma poġġa l-fidi fih, hux hekk?+ 49 Imma din il-folla li ma tafx il-Liġi hi misħuta.”+ 50 Nikodemu, li kien mar għandu qabel u li kien wieħed minnhom, qalilhom: 51 “Il-liġi tagħna ma tiġġudika lil ħadd jekk ma tkunx l-ewwel semgħetu+ u saret taf x’inhu jagħmel, hux hekk?” 52 Wieġbu u qalulu: “Jaqaw int ukoll mill-Galilija? Fittex, u tara li ebda profeta+ mill-Galilija m’għandu jiġi mqajjem.”*
* Il-Manuskritt Sinajtiku, il-Manuskritt tal-Vatikan, u l-manuskritt Sirjaku Sinajtiku jħallu barra minn vers 53 sa vers 11 taʼ kapitlu 8, li jaqraw (b’xi differenzi fid-diversi testi u verżjonijiet Griegi) kif ġej:
53 Għalhekk, kull wieħed telaq lejn daru.