Levitiku
19 U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 2 “Kellem lill-ġemgħa kollha taʼ wlied Israel, u għidilhom, ‘Għandkom turu li intom qaddisin,+ għax jien, Ġeħova Alla tagħkom, qaddis.+
3 “‘Għandkom tibżgħu kull wieħed minnkom minn ommu u minn missieru,+ u għandkom tħarsu s-Sabatijiet tiegħi.+ Jien Ġeħova Alla tagħkom. 4 Iddurux lejn allat bla siwi,+ u tagħmlux għalikom allat minn metall imdewweb.+ Jien Ġeħova Alla tagħkom.
5 “‘Issa jekk is-sagrifiċċju li toffru lil Ġeħova jkun sagrifiċċju taʼ sħubija,+ għandkom toffruh bħala sagrifiċċju biex tiksbu l-approvazzjoni għalikom.+ 6 Dakinhar li toffru s-sagrifiċċju tagħkom u eżatt l-għada għandu jittiekel, imma dak li jifdal sat-tielet jum għandu jinħaraq fin-nar.+ 7 Iżda, jekk jittiekel imqar ftit minnu fit-tielet jum, din tkun ħaġa mniġġsa.+ Ma jiġix aċċettat b’approvazzjoni.+ 8 U min jieklu jkollu jwieġeb għall-iżball tiegħu,+ għaliex ikun kasbar xi ħaġa qaddisa taʼ Ġeħova; u din ir-ruħ trid tinqataʼ minn mal-poplu tagħha.
9 “‘U fi żmien il-ħsad t’artkom, taħsadx għalkollox sa tarf l-għalqa tiegħek, u tiġborx it-tilqit tal-ħsad tiegħek.+ 10 Ukoll, tiġborx dak li jifdal+ mill-għalqa tad-dwieli tiegħek, u tiġborx l-għeneb imxerred taʼ l-għalqa tad-dwieli tiegħek. Għandek tħallihom+ għall-magħkus u għar-resident barrani. Jien Ġeħova Alla tagħkom.
11 “‘Tisirqux,+ u tqarrqux,+ u tittrattawx maʼ seħibkom bil-qerq.+ 12 U taħilfux b’ismi fil-gideb,+ u b’hekk tkasbar l-isem t’Alla tiegħek. Jien Ġeħova. 13 Timbroljax lil għajrek,+ u tisraqx.+ Il-ħlas taʼ ħaddiem mikri m’għandux jibqaʼ għandek il-lejl kollu sa fil-għodu.+
14 “‘Tisħitx lit-trux, u tqigħedx tfixkil quddiem l-agħma;+ u ibżaʼ minn Alla tiegħek.+ Jien Ġeħova.
15 “‘Timxux bl-inġustizzja fil-ġudizzju. Tittrattax lill-batut bil-parzjalità,+ u tippreferix lil xi ħadd għax hu kbir.+ Għandek tiġġudika lil sieħbek bil-ġustizzja.
16 “‘Tmurx ’l hawn u ’l hinn qalb il-poplu tiegħek sabiex ixxerred il-malafama.+ Tqumx kontra għajrek u titlob demmu.+ Jien Ġeħova.
17 “‘Tobgħodx lil ħuk f’qalbek.+ Għandek assolutament twiddeb lil sieħbek,+ sabiex ma tkunx ħati tad-dnub flimkien miegħu.
18 “‘Tivvendikax ruħek+ u lanqas iżżomm f’qalbek għal ulied il-poplu tiegħek;+ u ħobb lil għajrek bħalek innifsek.+ Jien Ġeħova.
19 “‘Għandkom tħarsu l-istatuti tiegħi: L-annimali domestiċi tiegħek tgħammarhomx m’annimali taʼ tip ieħor. Tiżrax l-għalqa tiegħek b’żewġ tipi taʼ żerriegħa,+ u tilbisx libsa b’żewġ tipi taʼ ħajt, imħallat flimkien.+
20 “‘Issa jekk raġel jimtedd maʼ mara u jkollu relazzjoni sesswali magħha,* meta hi tkun qaddejja mwiegħda lil raġel ieħor, u ma tkunx ġiet mifdija b’xi mod u lanqas ngħatat il-ħelsien, għandu jingħata l-kastig. M’għandhomx jingħataw il-mewt, għaliex hi ma ġietx meħlusa. 21 U hu jrid iġib l-offerta għall-ħtija tiegħu lil Ġeħova fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa, muntun taʼ l-offerta għall-ħtija.+ 22 U l-qassis jagħmel tpattija għalih bil-muntun taʼ l-offerta għall-ħtija quddiem Ġeħova għad-dnub li għamel; u d-dnub li għamel jinħafirlu.+
23 “‘U jekk tidħlu fl-art, u tħawlu xi siġra għall-ikel, il-frott tagħha tridu wkoll tqisuh bħala li mhux safi bħallikieku mhux ċirkonċiż. Jibqaʼ mhux ċirkonċiż għalikom għal tliet snin. M’għandux jittiekel. 24 Imma fir-rabaʼ sena l-frott kollu tagħha+ jsir xi ħaġa qaddisa offruta matul festa taʼ ferħ lil Ġeħova.+ 25 U fil-ħames sena tistgħu tieklu l-frott tagħha sabiex ikollkom żjieda f’dak li tipproduċi.+ Jien Ġeħova Alla tagħkom.
26 “‘Tieklu xejn bid-demm fih.+
“‘Tfittxux sinjali li bihom taqraw il-futur,+ u tipprattikawx il-maġija.+
27 “‘Taqtgħux ix-xagħar fil-ġenb taʼ raskom qasir u fit-tond, u tħassarx it-tarf tad-daqna tiegħek.+
28 “‘Tqattgħux ġisimkom għal xi ruħ mejta,+ u tagħmlux tpinġija fuqkom. Jien Ġeħova.
29 “‘Tkasbarx lil bintek billi tagħmilha prostituta,+ sabiex l-art ma tagħmilx prostituzzjoni u b’dan l-art timtela bil-morali laxki.+
30 “‘Għandkom tħarsu s-Sabatijiet tiegħi,+ u għandkom turu rispett profond lejn is-santwarju tiegħi.+ Jien Ġeħova.
31 “‘Iddurux lejn il-medji taʼ l-ispirti,*+ u tikkonsultawx maʼ dawk li xogħolhom hu li jbassru l-ġrajjiet,+ u b’hekk issiru mhux nodfa minħabba fihom. Jien Ġeħova Alla tagħkom.
32 “‘Quddiem ix-xagħar griż għandek tqum,+ u uri konsiderazzjoni lejn il-persuna taʼ raġel xiħ,+ u ibżaʼ minn Alla tiegħek.+ Jien Ġeħova.
33 “‘U jekk resident barrani jgħammar miegħek bħala barrani f’artkom, tittrattawhx ħażin.+ 34 Ir-resident barrani li jgħammar bħala barrani magħkom għandu jsir għalikom bħal wieħed imwieled fil-pajjiż tagħkom; u trid tħobbu bħalek innifsek,+ għax intom sirtu residenti barranin fl-art taʼ l-Eġittu.+ Jien Ġeħova Alla tagħkom.
35 “‘Tagħmlux inġustizzja fil-ġudizzju,+ fil-qjies, fl-użin,+ jew fil-kejl tal-likwidi. 36 Għandu jkollkom miżien eżatt,+ użin eżatt, efa eżatta u ħinn eżatt. Jien Ġeħova Alla tagħkom, li ħriġtkom mill-art taʼ l-Eġittu. 37 Għalhekk, ħarsu l-istatuti kollha tiegħi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji kollha tiegħi, u agħmluhom.+ Jien Ġeħova.’”